LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 8/1 pp. 23-27
  • Hieni Min Jehovah Hu Alla Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hieni Min Jehovah Hu Alla Tiegħu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kuntatt mal-​Verità tal-​Bibbja
  • Inkabbar is-​Servizz Tiegħi lil Jehovah
  • Nirċievi l-​Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa taʼ Jehovah
  • Jehovah Ikabbar fl-​Alaska
  • Lura Lejn il-​Kanada
  • “It-Tjieba Tiegħek Aħjar mill-Ħajja”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ħadt Pjaċir Nitgħallem u Ngħallem Dwar Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Għażliet Tajbin Ġabuli Barkiet Tul Ħajti Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 8/1 pp. 23-27

Bijografija

Hieni Min Jehovah Hu Alla Tiegħu

KIF RAKKONTATA MINN TOM DIDUR

Is-​sala tal-​komunità kienet diġà mikrija. Konna qed nistennew attendenza taʼ xi 300 ruħ għall-​Assemblea fil-​belt taʼ Porcupine Plain, Saskatchewan, il-​Kanada. L-​Erbgħa bdiet niżla l-​borra, u sal-​Ġimgħa kien hemm tempesta qawwija tas-​silġ bil-​viżibilità li niżlet għal żero. It-​temperatura niżlet għal 40°C taħt iż-​żero. L-​attendenza kienet taʼ tmienja u għoxrin, inkluż xi ftit tfal. Din kienet l-​ewwel assemblea tiegħi bħala indokratur tas-​circuit ġdid, u għall-​25 sena li kelli kont ansjuż ħafna. Qabel ma ngħidilkom x’ġara, ħalli nirrakkontalkom kif wasalt biex bdejt ingawdi dan il-​privileġġ taʼ servizz.

JIEN is-​sebaʼ wieħed minn tmint itfal, kollha subien. L-​akbar wieħed kien Bill, u warajh kien hemm Metro, John, Fred, Mike, u Alex. Twilidt fl-​1925, u Wally huwa l-​iżgħar wieħed. Konna ngħixu qrib il-​belt taʼ l-​Ukraina, Manitoba, fejn il-​ġenituri tiegħi, Michael u Anna Didur, kellhom razzett żgħir. Missieri kien jaħdem fil-​linji tal-​ferrovija. Ladarba l-​alloġġ tal-​ħaddiema ħdejn il-​linji tal-​ferrovija iżolati ma kienx post addattat biex trabbi familja kbira, aħna bqajna ngħixu fir-​razzett. Missieri kien iqattaʼ ħafna ħin ’il bogħod mid-​dar, allura ommi kellha trabbina hi. Kultant, kienet tmur tqattaʼ ġimgħa jew iktar maʼ missieri, imma l-​ewwel rat li aħna tgħallimna nsajru, naħmu, u nagħmlu x-​xogħol tad-​dar. U ladarba konna membri tal-​Knisja Kattolika Griega, parti mit-​taħriġ li ħadna mingħand ommi meta konna żgħar kien li nimmemorizzaw it-​talb u nieħdu sehem f’ritwali oħra.

Kuntatt mal-​Verità tal-​Bibbja

Ix-​xenqa tiegħi biex nifhem il-​Bibbja bdiet tikber f’żgħożiti. Wieħed mill-​ġirien, li kien Xhud taʼ Jehovah, spiss kien iżur lill-​familja tagħna biex jaqralna porzjonijiet mill-​Bibbja konnessi mas-​Saltna t’Alla, Armageddon, u l-​barkiet li se ġġib id-​dinja l-​ġdida. Ommi ma kellha ebda interess f’dak li kellu xi jgħid, imma l-​messaġġ għoġob lil Mike u ’l Alex. Fil-​fatt, dak li tgħallmu qanqalhom jirrifjutaw is-​servizz militari minħabba l-​kuxjenza tagħhom matul it-​tieni gwerra dinjija. Minħabba f’hekk, Mike weħel perijodu qasir fil-​ħabs, waqt li Alex intbagħat f’kamp tax-​xogħol f’Ontario. Maż-​żmien, Fred u Wally ukoll aċċettaw il-​verità. Madankollu, Bill, Metro, u John m’aċċettawhiex. Għal għadd taʼ snin, ommi saħansitra opponiet il-​verità imma iktar tard kollha bqajna mistagħġbin meta ħadet il-​waqfa tagħha għal Jehovah. Tgħammdet fl-​età taʼ 83 sena. Ommi kellha 96 sena meta mietet. Missieri wkoll kien jaqbel mal-​verità qabel miet.

Taʼ 17-il sena, ivvjaġġajt lejn Winnipeg biex infittex impjieg u biex nassoċja maʼ dawk li setgħu jgħinuni nistudja l-​Bibbja. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu projbiti dak iż-​żmien, imma l-​laqgħat kienu jinżammu regolarment. L-​ewwel laqgħa li attendejt kienet f’dar privata. Ladarba trabbejt skond it-​twemmin Kattoliku Grieg, dak li smajt għall-​ewwel deher daqsxejn stramb. Madankollu, bil-​mod il-​mod bdejt nifhem għala l-​arranġament tal-​kleru u l-​lajċi ma kienx skritturali u għala Alla ma japprovax il-​fatt li l-​kleru jbierek l-​isforzi tal-​gwerra. (Isaija 2:4; Mattew 23:​8-10; Rumani 12:​17, 18) Il-​ħajja f’ġenna fuq l-​art dehret ħafna iktar prattika u raġunevoli mill-​ħajja f’post imbiegħed għall-​eternità.

Konvint li din hi l-​verità, iddedikajt lili nnifsi lil Jehovah u tgħammidt fl-​1942 f’Winnipeg. Sa l-​1943 ix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Kanada ma baqgħux projbiti u x-​xogħol taʼ l-​ippridkar ħa spinta. Il-​verità tal-​Bibbja kienet ukoll qed tagħmel impressjoni akbar f’qalbi. Kelli l-​privileġġ li naqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni kif ukoll li nieħu sehem fil-​kampanji tal-​laqgħat pubbliċi u naħdem territorju li ma kienx assenjat. Il-​konvenzjonijiet kbar li attendejt fl-​Istati Uniti għenuni ħafna biex navanza spiritwalment.

Inkabbar is-​Servizz Tiegħi lil Jehovah

Fl-​1950 bdejt naqdi bħala pijunier, u f’Diċembru taʼ dik is-​sena ġejt mistieden biex nibda naqdi bħala indokratur tas-​circuit. Viċin Toronto kelli l-​privileġġ li nirċievi t-​taħriġ formali tiegħi mingħand Charlie Hepworth, ħu leali u t’esperjenza. Kif ukoll kelli l-​privileġġ inqattaʼ l-​aħħar ġimgħa taʼ taħriġ maʼ ħija Alex, li diġà kien fix-​xogħol tas-​circuit f’Winnipeg.

L-ewwel assemblea tas-​circuit tiegħi, li ddeskrivejt fil-​bidu, għadha mnaqqxa f’moħħi. Ovvjament inkwetajt dwar kif żvolġew l-​affarijiet. L-​indokratur tad-​distrett tagħna, Ħuna Jack Nathan, żammna lkoll okkupati u kuntenti. Għamilna sommarju tal-​programm taʼ l-​assemblea mal-​parteċipanti li kienu preżenti. Kulħadd kellu xi ċans jirrakkonta xi esperjenzi, jew jipprattika xi preżentazzjonijiet għax-​xogħol minn dar għal dar, jew juri kif jagħmel żjajjar lura, jew kif tistaʼ tikkonduċi studji tal-​Bibbja fid-​djar. Kantajna l-​għanjiet tas-​Saltna. Kien hemm abbundanza taʼ ikel. Konna nieħdu l-​kafè u xi torta kważi kull sagħtejn. Xi wħud raqdu fuq il-​bankijiet u l-​platform, waqt li oħrajn raqdu maʼ l-​art. Sal-​Ħadd il-​maltemp kien taffa ftit u kellna 96 preżenti għat-​taħdita pubblika. Din l-​esperjenza għallmitni kif għandi nkampa maʼ sitwazzjonijiet diffiċli.

L-inkarigu tas-​circuit li kien imiss ħadni fit-​tramuntana t’Alberta, British Columbia, u fit-​Territorju taʼ Yukon, l-​art tax-​xemx taʼ nofsillejl. L-​ivvjaġġar fit-​triq prinċipali mħarbta taʼ l-​Alaska minn Dawson Creek, British Columbia, sa Whitehorse, Yukon (distanza taʼ 1,477 kilometru), u l-​ippridkar waqt il-​vjaġġ kienu jeħtieġu minni s-​sabar u kelli noqgħod attent ħafna mill-​perikli. Il-​valangi, il-​ġnub tal-​muntanji li jiżolqu, u l-​viżibilità ħażina minħabba l-​borra bir-​riħ għamluhieli sfida kbira tabilħaqq.

Bqajt mistagħġeb meta rajt kif il-​verità ppenetrat fl-​Alaska. F’okkażjoni waħda, jien u Walter Lewkowicz ħabbattna fuq għarix żgħir u modest ħdejn Lower Post, British Columbia, fit-​triq prinċipali taʼ l-​Alaska max-​xifer tat-​Territorju taʼ Yukon. Indunajna li xi ħadd jgħix fl-​għarix għax rajna d-​dawl inemnem minn tieqa żgħira. Kienu xi d-​disgħa taʼ bil-​lejl, u ħabbattna fuq il-​bieb. Smajna leħen taʼ raġel jgħajtilna biex nidħlu, għalhekk dħalna. X’sorpriża ħadna meta rajna raġel xiħ mimdud fuq waħda miż-​żewġ sodod tiegħu jaqra r-​rivista t-​Torri taʼ l-​Għassa! Fil-​fatt, kellu ħarġa iktar reċenti minn dik li konna qed inqassmu. Hu spjega li kien jirċievi l-​posta tiegħu bl-​ajru. Ladarba sa dakinhar konna ilna ’l bogħod mill-​kongregazzjoni għal iktar minn tmint ijiem, konna għadna ma ħadniex ir-​rivisti taʼ l-​aħħar. Ir-​raġel introduċa lilu nnifsu bħala li hu Fred Berg, u avolja kien ilu jirċievi r-​rivisti għal bosta snin, din kienet l-​ewwel żjara li għamlulu x-​Xhieda taʼ Jehovah. Fred ġagħalna nibqgħu hemm għal dak il-​lejl. Stajna naqsmu miegħu ħafna veritajiet Skritturali u rranġajna biex iżuruh xi aħwa oħra li kienu jgħaddu minn hemm regolarment.

Għal diversi snin qdejt fi tliet circuits żgħar. Dawn bdew mill-​Grande Prairie, Alberta, fil-​lvant sa Kodiak, l-​Alaska, fil-​punent, distanza taʼ iktar minn 3,500 kilometru.

Bl-​isbaħ mod, tgħallimt li f’postijiet imwarrbin, bħal fi kwalunkwe post ieħor, il-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah hija għan-​nies kollha u li l-​ispirtu t’Alla jqanqal il-​moħħ u l-​qalb taʼ dawk li għandhom attitudni tajba għall-​ħajja taʼ dejjem. Wieħed minn dawn l-​individwi kien Henry Lepine minn Dawson City, Yukon, issa msejħa Dawson. Henry kien jgħix f’post iżolat. Fil-​fatt, kien ilu ma joħroġ mill-​post tal-​minjiera tad-​deheb għal iktar minn 60 sena. Madankollu, l-​ispirtu taʼ Jehovah qanqal lil dan ir-​raġel taʼ 84 sena biex jivvjaġġa iktar minn 1,600 kilometru lejn Anchorage għall-​assemblea tas-​circuit, avolja qatt ma kien attenda laqgħa tal-​kongregazzjoni. Hu ħa pjaċir bil-​programm u tgħaxxaq bis-​sħubija. Meta rritorna lejn Dawson City, Henry baqaʼ leali sal-​mewt. Ħafna wħud li kienu jafu lil Henry tħassbu dwar x’qanqal lil dan ir-​raġel xwejjaħ jieħu vjaġġ daqshekk twil. Din il-​kurżità wasslet biex oħrajn li kienu mdaħħlin fiż-​żmien aċċettaw il-​verità. B’hekk, b’mod indirett, Henry irnexxielu jagħti xiehda mill-​aqwa.

Nirċievi l-​Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa taʼ Jehovah

Fl-​1955, tgħidx kemm fraħt meta rċivejt l-​invit biex nattendi s-​26 klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Dan it-​taħriġ saħħaħ il-​fidi tiegħi u għenni nersaq eqreb taʼ Jehovah. Malli ggradwajt, ġejt inkarigat biex inkompli fix-​xogħol tas-​circuit fil-​Kanada.

Għal madwar sena, qdejt fil-​provinċja t’Ontario. Imbagħad ġejt inkarigat fil-​post meraviljuż taʼ l-​Alaska. Għadni nistaʼ niftakar it-​toroq kollha xenarji bil-​ġnub kollhom xmajjar ileqqu u l-​qtajjaʼ taʼ muntanji wara xulxin bil-​qċaċet miksijin bis-​silġ. Fis-​sajf, il-​widien u l-​mergħat qishom tapit mill-​isbaħ taʼ fjuri salvaġġi kuluriti. L-​arja hija friska u l-​ilma pur. L-​orsijiet, l-​ilpup, iċ-​ċriev, il-​karibù, u l-​annimali salvaġġi l-​oħra ssibhom jiġġerrew ’l hawn u ’l hinn fl-​abitat naturali tagħhom.

Madankollu, l-​Alaska kienet tippreżenta sfida​—mhux biss għax it-​temp dejjem jinbidel imma anki minħabba d-​distanzi twal. Is-​circuit tiegħi kien jinfirex xi 3,200 kilometru mil-​lvant sal-​punent. Dak iż-​żmien ma kienx hemm il-​provvediment għall-​indokratur tas-​circuit biex ikollu karozza. L-​aħwa lokali kienu joffru minn jeddhom li jwassluni minn kongregazzjoni għall-​oħra. Madankollu, kultant kelli niddobba xi rikba mas-​sewwieqa tat-​trakkijiet jew mat-​turisti.

Ġrajja bħal din darba seħħet fit-​triq prinċipali taʼ l-​Alaska bejn Tok Junction, l-​Alaska, u Mile 1202, jew l-​inħawi taʼ Scotty Creek. L-​uffiċċji tad-​dwana taʼ dawn iż-​żewġ postijiet kienu xi 160 kilometru ’l bogħod minn xulxin. Għaddejt mill-​uffiċċju tad-​dwana taʼ l-​Istati Uniti f’Tok u ddobbajt rikba għal xi 50 kilometru. Wara dan m’għaddiet ebda karozza, u kelli nimxi għal xi għaxar sigħat u għamilt iktar minn 40 kilometru. Kien biss wara li sirt naf li ftit wara li għaddejt mill-​uffiċċju tad-​dwana, it-​traffiku kollu twaqqaf f’din il-​parti tat-​triq prinċipali minħabba valanga li waqgħet ftit ’il bogħod mid-​dwana. Sa nofsillejl it-​temperatura niżlet għal madwar 23°C taħt iż-​żero, u kont għadni xi 80 kilometru ’l bogħod minfejn stajt insib fejn nistkenn. Tassew kelli bżonn insib fejn nistkenn u nistrieħ.

Jien u nzappap, rajt karozza abbandunata fit-​triq, ftit minnha mgħottija bis-​silġ. Bejni u bejn ruħi ħsibt li jekk jirnexxili nidħol ġewwa u norqod fuq is-​siġġijiet, kont se nkampa mal-​kesħa tal-​lejl. Irnexxieli nneħħi biżżejjed silġ u ftaħt il-​bieba, imma ġewwa ma kien hemm xejn ħlief metall. B’ferħ, ftit ’il bogħod fl-​istess triq, sibt għarix vojt. Wara ftit diffikultà biex dħalt u qabbadt in-​nar, irnexxieli nistrieħ għal ftit sigħat. Fil-​għodu, irnexxieli nikseb rikba sal-​lukanda li jmiss, fejn kilt xi ħaġa u kkurajt subgħajja li kienu kollhom tiċrit.

Jehovah Ikabbar fl-​Alaska

L-​ewwel żjara tiegħi fil-​Fairbanks kienet taʼ inkuraġġiment kbir. Gawdejna suċċess tajjeb fil-​ministeru, u xi 50 ruħ attendew għat-​taħdita pubblika tal-​Ħadd. Iltqajna fid-​dar missjunarja żgħira fejn kienu jgħixu Vernor u Lorraine Davis. In-​nies bdew jittawlu mill-​kċina, mill-​kamra tas-​sodda, u mill-​kuritur biex jisimgħu t-​taħdita. Konna nafu minn dan ir-​riżultat pożittiv li Sala tas-​Saltna kienet se tistabbilixxi x-​xogħol taʼ l-​ippridkar fil-​Fairbanks. Għalhekk, bl-​għajnuna taʼ Jehovah, xtrajna bini kbir mhux ħażin, li qabel kien sala taż-​żfin, u ġarrejnieh għal fuq biċċa art tajba. Ħaffirna bir, u waħħalna l-​kmamar tal-​banju u l-​heater. Fi żmien sena, kien hemm Sala tas-​Saltna prattika fil-​Fairbanks. Wara li żiedu kċina, is-​sala ntużat għal konvenzjoni distrettwali fl-​1958, fejn kien hemm attendenza taʼ 330 ruħ.

Fis-​sajf taʼ l-​1960, għamilt vjaġġ twil lejn il-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi New York biex nattendi kors taʼ iktar taħriġ għall-​indokraturi li jivvjaġġaw kollha fl-​Istati Uniti u l-​Kanada. Waqt li kont hemm, Ħuna Nathan Knorr u aħwa responsabbli oħra għamluli intervista dwar il-​possibbiltà li jinfetaħ uffiċċju tal-​fergħa fl-​Alaska. Ftit xhur wara, fraħna meta smajna li mill-​1 taʼ Settembru taʼ l-​1961, l-​Alaska kien se jkollha l-​uffiċċju tal-​fergħa tagħha. Ħuna Andrew K. Wagner ġie inkarigat jieħu ħsieb ix-​xogħlijiet tal-​fergħa. Hu u martu, Vera, kienu qdew fi Brooklyn għal 20 sena u kellhom l-​esperjenza fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar ukoll. L-​istabbiliment taʼ l-​uffiċċju tal-​fergħa fl-​Alaska kien provvediment apprezzat ferm, għaliex dan naqqas l-​ammont taʼ vvjaġġar li jkollu jagħmel l-​indokratur tas-​circuit u għenu jiffoka iktar fuq il-​bżonnijiet speċifiċi tal-​kongregazzjonijiet u t-​territorji iżolati.

Is-sajf taʼ l-​1962 kien żmien taʼ ferħ fl-​Alaska. Saret id-​dedikazzjoni tal-​fergħa taʼ l-​Alaska, u kien hemm konvenzjoni distrettwali f’Juneau, l-​Alaska. Inbnew Swali tas-​Saltna ġodda f’Juneau u Whitehorse, Yukon, u ġew ifformati diversi gruppi iżolati.

Lura Lejn il-​Kanada

Għal għadd taʼ snin, kont qed nikkorrispondi maʼ Margareta Petras mill-​Kanada. Reta, kif dejjem sejħulha, bdiet taqdi fix-​xogħol taʼ pijuniera fl-​1947, iggradwat minn Gilgħad fl-​1955, u kienet qed taqdi bħala pijuniera fil-​lvant tal-​Kanada. Tlabtha biex tiżżewwiġni, u hi aċċettat. Iżżewwiġna f’Whitehorse fi Frar taʼ l-​1963. Sal-​ħarifa taʼ dik is-​sena, ġejt inkarigat fix-​xogħol tas-​circuit fil-​punent tal-​Kanada, u kellna l-​ferħ naqdu hemm għall-​25 sena taʼ wara.

Minħabba raġunijiet taʼ saħħa, fl-​1988 ġejna inkarigati naqdu bħala pijunieri speċjali f’Winnipeg, Manitoba. Dan kien jinkludi li nieħu ħsieb is-​Sala taʼ l-​Assemblea għal xi ħames snin. Aħna għadna nieħdu sehem fix-​xogħol ferrieħi taʼ li nagħmlu dixxipli sakemm nistgħu. Fix-​xogħol tas-​circuit bdejna ħafna studji tal-​Bibbja biex oħrajn jikkonduċuhom. Issa, bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah, qed nibdew l-​istudji u għandna l-​ferħ miżjud taʼ li naraw lill-​istudenti jimxu ’l quddiem sad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija.

Inħossni konvint li l-​aqwa mod taʼ ħajja hu s-​servizz taʼ Jehovah. Huwa mimli skop u taʼ sodisfazzjon, u kuljum ikabbar l-​imħabba tagħna għal Jehovah. Dan hu dak li jġib il-​ferħ ġenwin. Ikun xi jkun l-​inkarigu teokratiku li jkollna, jew ngħixu fejn ngħixu, aħna naqblu mas-​salmista li qal: “Hieni l-​poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!”—Salm 144:15.

[Stampa f’paġna 24, 25]

Fix-​xogħol tas-​circuit

[Stampa f’paġna 25]

Meta żort lil Henry Lepine f’Dawson City. Jien qiegħed fuq ix-​xellug

[Stampa f’paġna 26]

L-​ewwel Sala tas-​Saltna f’Anchorage

[Stampa f’paġna 26]

Jien u Reta, fl-​1998

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja