Kif Xi Wħud Jibqgħu Miftakrin
MADWAR tlett elef sena ilu, David kien qed jaħrab mis-Sultan Sawl taʼ Iżrael. David bagħat jitlob ftit ikel u ilma lil Nabal, ragħaj tan-nagħaġ u l-mogħoż, li kien għani. Fil-fatt, Nabal kien obbligat lejn David u l-qaddejja tiegħu minħabba li kienu pproteġew il-merħliet taʼ Nabal. Madankollu, Nabal ma ried joffri l-ebda ospitalità. Saħansitra qagħad jitlewwem maʼ l-irġiel taʼ David. Nabal kien qed jilgħab man-nar, għax David ma kienx wieħed li tistaʼ tieħu kunfidenza żejda miegħu.—1 Samwel 25:5, 8, 10, 11, 14.
L-attitudni taʼ Nabal ma kinitx fi qbil mat-tradizzjoni tal-Lvant Nofsani, li tintwera l-ospitalità mal-viżitaturi u l-istranġieri. Għalhekk, Nabal x’reputazzjoni għamel għalih innifsu? Ir-rekord Bibliku jgħid li hu “kien bniedem goff u ħażin f’għemilu” u “bniedem mill-agħar.” Ismu jfisser “bla moħħ,” u hu verament wera dawn il-kwalitajiet. (1 Samwel 25:3, 17, 25) Tixtieq int li tibqaʼ miftakar b’dan il-mod? Meta tittratta m’oħrajn int iebes u ma ċċedix, speċjalment jekk tkun tidher li qiegħed minn fuq? Jew int ħanin, ospitabbli, u turi l-mogħdrija?
Abigajl—Mara Għaqlija
Minħabba l-attitudni ħażina tiegħu, Nabal spiċċa fl-inkwiet. David u 400 mill-irġiel tiegħu ħażżmu x-xwabel tagħhom u rħewlha biex imorru jagħtu lezzjoni lil Nabal. Abigajl, il-mara taʼ Nabal, saret taf b’dak li kien ġara. Kienet ċerta li fuq l-għatba kien hemm ġlieda. X’setgħet tagħmel? Mill-ewwel marret biex tipprepara biżżejjed ikel u proviżjonijiet u ħarġet biex tilħaq lil David u lill-irġiel tiegħu. Meta ltaqgħet magħhom, talbet bil-ħniena lil David biex ma jxerridx demm għalxejn b’xejn. Qalb David irtabet. Hu semaʼ t-talba tagħha u biddel fehemtu. Ftit wara dawn il-ġrajjiet, Nabal miet. David irrikonoxxa l-kwalitajiet tajbin t’Abigajl, u ħadha bħala martu.—1 Samwel 25:14-42.
X’tip taʼ reputazzjoni għamlet Abigajl għaliha nfisha? Kienet “taʼ għaqal kbir,” jew “intelliġenti,” bħalma jgħid l-Ebrajk oriġinali. Ovvjament hi kienet sensibbli u prattika u kienet taf kif u meta tieħu l-inizjattiva. Aġixxiet bil-lealtà biex tipproteġi lir-raġel iblah tagħha u d-dar tiegħu kollha minn diżastru. Eventwalment hi mietet, imma b’reputazzjoni li tispikka taʼ mara għaqlija.—1 Samwel 25:3.
X’Reputazzjoni Ħalla Warajh Pietru?
Ejja nimxu ftit iktar ’il quddiem fiż-żmien għall-ewwel seklu E.K. u nikkunsidraw it-12-il appostlu taʼ Ġesù. Mingħajr ebda dubju l-iktar wieħed impulsiv, jew li ma tantx kien jaħsibhom, u l-iktar li kien juri kif iħossu kien Pietru, jew Kefa, li qabel ma sar appostlu kien sajjied fil-Galilija. Milli jidher, hu kien bniedem mimli enerġija u ideat li ma kienx jibżaʼ jesprimi s-sentimenti tiegħu. Per eżempju, kien hemm l-okkażjoni meta Ġesù ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu. Pietru kif irreaġixxa meta kien imiss lilu biex Ġesù jaħsillu saqajh?
Pietru qal lil Ġesù: “Int, Mulej, taħsilli saqajja?” Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem.” Pietru qallu: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!” Innota r-reazzjoni qawwija imma bla ħsieb taʼ Pietru. Ġesù kif wieġeb?
“Jekk ma naħsillekx saqajk,” wieġbu Ġesù, “ma jkollokx x’taqsam miegħi.” Xmun Pietru qallu: “Mulej, mhux saqajja biss, imma jdejja u rasi wkoll.” Issa Pietru jmur fl-estrem l-ieħor! Imma dejjem kont tkun taf fejn qiegħed maʼ Pietru. Ma kien hemm ebda ħażen jew wiċċ b’ieħor.—Ġwanni 13:6-9.
Pietru baqaʼ miftakar ukoll għad-dgħjufijiet li huma komuni ħafna mal-bnedmin. Per eżempju, hu ċaħad lil Kristu tliet darbiet quddiem in-nies li akkużawh li hu segwaċi taʼ l-ikkundannat Ġesù taʼ Nazaret. Meta Pietru rrealizza l-iżball tiegħu, infexx jibki kemm jiflaħ. Ma beżax jesprimi n-niket u d-dispjaċir li ħass. Huwa sinifikanti wkoll li dan ir-rakkont taʼ meta Pietru ċaħad lil Ġesù ġie dokumentat mill-kittieba taʼ l-Evanġelji—x’aktarx bis-saħħa taʼ l-informazzjoni li tahom Pietru nnifsu! Kien umli biżżejjed biex jammetti n-nuqqasijiet tiegħu. Għandek int l-istess virtù?—Mattew 26:69-75; Mark 14:66-72; Luqa 22:54-62; Ġwanni 18:15-18, 25-27.
Wara biss ftit ġimgħat li ċaħad lil Kristu, Pietru, mimli bl-ispirtu qaddis, bil-kuraġġ ta xiehda lil kotra kbira taʼ Lhud f’Pentekoste. Dan żgur kien sinjal li Ġesù rxoxtat kellu fiduċja fih.—Atti 2:14-21.
F’okkażjoni oħra, Pietru waqaʼ f’nassa differenti. L-appostlu Pawlu spjega li qabel il-wasla taʼ ċerti aħwa Lhud f’Antjokja, Pietru kien jitħallat bla ħabi maʼ segwaċi Ġentili. Madankollu, hu ssepara lilu nnifsu minnhom “għaliex bażaʼ mil-Lhud ċirkonċiżi” li kienu għadhom kif waslu minn Ġerusalemm. Pawlu kixef il-livelli doppji taʼ Pietru.—Galatin 2:11-14.
Madankollu, min mid-dixxipli tkellem bil-kuraġġ f’mument kritiku meta kien jidher li ħafna mis-segwaċi taʼ Ġesù kienu lesti li jitilquh? L-okkażjoni kienet meta Ġesù rrivela xi ħaġa ġdida, dwar x’kien ifisser li tiekol ġismu u tixrob demmu. Hu qal: “Jekk ma tiklux il-ġisem taʼ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.” Il-maġġuranza tas-segwaċi Lhud taʼ Ġesù tfixklu u qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” Imbagħad x’ġara? “Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.”—Ġwanni 6:50-66.
F’dan il-mument kruċjali, Ġesù dar lejn it-12-il appostlu u staqsiehom mistoqsija li laqtithom fil-laħam il-ħaj: “Tridux titilqu intom ukoll?” Pietru rrisponda: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis taʼ Alla.”—Ġwanni 6:67-69.
X’tip taʼ reputazzjoni għamel Pietru? Wieħed li jaqra r-rakkonti dwaru ma jistax ma jkunx impressjonat mill-personalità onesta u sinċiera tiegħu, mil-lealtà li wera, u mill-fatt li kien lest li jagħraf id-dgħjufijiet tiegħu. X’isem mill-aqwa għamel għalih innifsu!
Xi Ftakru n-Nies dwar Ġesù?
Il-ministeru li kellu Ġesù fuq l-art dam sejjer tliet snin u nofs biss. Madankollu, is-segwaċi tiegħu kif baqgħu jiftakruh? Minħabba li kien perfett, mingħajr dnub, ifisser dan li kien merfugħ jew maqtugħ għalih? Eżerċita l-awtorità li kellu b’mod ħażin minħabba li kien l-Iben t’Alla? Ipperswada jew sforza lis-segwaċi tiegħu biex jobduh? Kien wisq konċernat dwar kif jarawh in-nies li ma kellux sens t’umoriżmu? Kellu wisq x’jagħmel li ma kellu ebda ħin għad-dgħajfin u l-morda jew għat-tfal? Kien hu jittratta lil nies taʼ razza differenti u lin-nisa bħala li huma inferjuri, bħalma kienu jagħmlu l-irġiel f’dak iż-żmien? X’jgħidilna r-rakkont?
Ġesù kien interessat fin-nies. Studju tal-ministeru tiegħu jurina li f’ħafna okkażjonijiet hu fejjaq liz-zopop u l-morda. Hu ħareġ barra minn triqtu biex jgħin lil dawk fil-bżonn. Hu wera interess fiż-żgħar, billi wissa lid-dixxipli tiegħu: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx.” Imbagħad Ġesù “ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.” Twarrab int ħin għat-tfal, jew tant għandek x’tagħmel li lanqas biss tinnota li jkunu hemm?—Mark 10:13-16; Mattew 19:13-15.
Meta Ġesù kien fuq l-art, il-Lhud kienu mtaqqlin b’liġijiet u regolamenti reliġjużi li kienu iktar minn dak li kienet tirrikjedi l-Liġi. Il-mexxejja reliġjużi tagħhom kienu qed itaqqluhom b’tagħbijiet kbar, waqt li huma nfushom ma kinux qed iħarrkuhom b’sebagħhom wieħed. (Mattew 23:4; Luqa 11:46) Għalhekk, x’kuntrast kien Ġesù! Hu qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.”—Mattew 11:28-30.
In-nies kienu jirrifreskaw ruħhom meta kienu jassoċjaw maʼ Ġesù. Ma intimidax lid-dixxipli tiegħu tant li kienu jibżgħu jesprimu lilhom infushom. Fil-fatt, hu staqsa mistoqsijiet biex jara x’hemm f’qalbhom. (Mark 8:27-29) Indokraturi Kristjani jagħmlu tajjeb jekk jistaqsu lilhom infushom: ‘Inħalli jien l-istess impressjoni fuq ħuti fit-twemmin? Anzjani oħra jgħiduli verament l-opinjoni tagħhom, jew iżommu lura?’ Kemm hija ħaġa rifreskanti meta l-indokraturi jkunu dħulin, jisimgħu lil oħrajn, u jibqgħu flessibbli! Meta wieħed ma jkunx raġunevoli jkun qed jagħlaq il-bieb għal diskussjonijiet bla ħabi u bla tlaqliq.
Avolja Ġesù kien l-Iben t’Alla, qatt m’uża ħażin l-awtorità jew il-poter tiegħu. Minflok, hu rraġuna mas-semmiegħa tiegħu. Każ minnhom kien meta l-Fariżej ipprovaw jonsbuh permezz taʼ mistoqsija makakka: “Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?” Ġesù qalilhom biex juruh munita u staqsiehom: “Taʼ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?” Huma wieġbu: “Taʼ Ċesari!” Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu taʼ Alla.” (Mattew 22:15-21) Loġika sempliċi kienet biżżejjed.
Kellu Ġesù sens t’umoriżmu? Xi qarrejja jistgħu jitbissmu meta jaqraw il-passaġġ fejn Ġesù qal li huwa eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna t’Alla. (Mattew 19:23, 24) Anki l-ħsieb biss li ġemel jipprova jgħaddi minn għajn taʼ labra letterali huwa esaġerat. Eżempju ieħor taʼ iperbole taʼ dan it-tip huwa dak li naraw tibna f’għajn ħuna imma ma narawx it-travu f’għajnejna stess. (Luqa 6:41, 42) Le, Ġesù ma kienx għalliem taʼ dixxiplina ħarxa. Kien dħuli u qalbu tajba. Għall-Kristjani llum, is-sens t’umoriżmu jistaʼ jtejjeb sitwazzjoni stressanti.
Il-Mogħdrija taʼ Ġesù Lejn in-Nisa
In-nisa kif kienu jħossuhom fil-preżenza taʼ Ġesù? Ċertament kellu ħafna segwaċi leali li kienu nisa, inkluż ommu stess, Marija. (Luqa 8:1-3; 23:55, 56; 24:9, 10) In-nisa ħassewhom komdi biex javviċinaw lil Ġesù sal-punt li f’okkażjoni minnhom mara li kienet “midinba magħrufa” ħaslet saqajn Ġesù bid-dmugħ tagħha u dilkithomlu b’żejt ifuħ. (Luqa 7:37, 38) Mara oħra, li kienet sofriet minn tnixxija taʼ demm għal snin sħaħ, għaddiet minn ġo nofs il-folla biex tmiss il-libsa tiegħu biex tfiq. Ġesù faħħar il-fidi tagħha. (Mattew 9:20-22) Iva, in-nisa ma kinux jiddejqu javviċinaw lil Ġesù.
F’okkażjoni oħra, Ġesù tkellem maʼ mara Samaritana ħdejn bir. Din tant stagħġbet li qalet: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?” Qalet hekk għaliex il-Lhud ma kien ikollhom xejn x’jaqsmu mas-Samaritani. Ġesù kompla jgħallimha l-verità meraviljuża dwar l-“għajn taʼ l-ilma li jwassal sal-ħajja taʼ dejjem.” Kien iħossu komdu fil-preżenza tan-nisa. Ma kienx iħoss li l-pożizzjoni tiegħu kienet qed tiġi sfidata.—Ġwanni 4:7-15.
Ġesù baqaʼ miftakar għal ħafna kwalitajiet taʼ qalb tajba, inkluż l-ispirtu taʼ ssagrifikar li wera. Hu kien ix-xbieha nfisha taʼ l-imħabba divina. Ġesù jistabbilixxi l-livell għal dawk kollha li jridu jkunu s-segwaċi tiegħu. Int kemm issegwih mill-qrib l-eżempju tiegħu?—1 Korintin 13:4-8; 1 Pietru 2:21.
Kif Jibqgħu Miftakrin il-Kristjani taʼ Żmienna?
Fi żminijiet moderni, eluf taʼ Kristjani leali mietu, ħafna minħabba x-xjuħija, oħrajn kienu taʼ età żgħira. Imma huma ħallew warajhom reputazzjoni tajba. Xi wħud, bħal Crystal, li mietet fix-xjuħija, baqgħu miftakrin għall-qalb tajba tagħhom u għall-fatt li kienu nies soċjevoli. Oħrajn, bħal Dirk, li miet meta kellu 43 sena, baqgħu miftakrin għax dejjem kienu ferħanin u dejjem lesti li jgħinu.
Imbagħad hemm il-każ taʼ José minn Spanja. Lura fis-snin 60, meta x-xogħol taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah kien projbit f’dak il-pajjiż, José kien miżżewweġ u kellu tlett ibniet żgħar. Kellu impjieg tajjeb ġewwa Barċellona. Imma f’dak iż-żmien, kien hemm bżonn t’anzjani maturi Kristjani fin-nofsinhar taʼ Spanja. José telaq l-impjieg sekulari tiegħu u flimkien mal-familja tiegħu mar jgħix Málaga. Huma kellhom jgħaddu minn żminijiet diffiċli ekonomikament, spiss mingħajr impjieg.
Madankollu, José kien magħruf għall-eżempju taʼ lealtà u taʼ min joqgħod fuqu fil-ministeru u għall-mod mill-aqwa kif rabba lit-tfal tiegħu, li rnexxielu jwettaq bl-għajnuna u l-appoġġ taʼ martu, Carmela. Meta kien hemm bżonn li xi ħadd jorganizza l-konvenzjonijiet Kristjani fir-reġjun, José dejjem għamel lilu nnifsu disponibbli. Sfortunatament, meta kellu fuq il-50 sena, intlaqat b’marda serja li kkaġunat il-mewt tiegħu. Madankollu, hu ħalla warajh reputazzjoni li kien anzjan taʼ min joqgħod fuqu, li jaħdem iebes, kif ukoll raġel u missier kollu mħabba.
Għalhekk, int kif se tibqaʼ miftakar? Kieku mitt il-bieraħ, in-nies x’inhuma jgħidu dwarek illum? Din hija mistoqsija li tistaʼ tqanqal lil kull wieħed u waħda minna biex intejbu l-mod taʼ kif naġixxu.
X’nistgħu nagħmlu sabiex nibnu reputazzjoni tajba? Dejjem nistgħu nitjiebu f’li nuru l-frott taʼ l-ispirtu—l-imħabba, is-sabar fit-tul, il-ħniena, il-ħlewwa, u r-rażna fost oħrajn. (Galatin 5:22, 23) Iva, żgur li “aħjar fama tajba miż-żejt prezzjuż, aħjar jum il-mewt minn jum it-twelid.”—Koħèlet 7:1; Mattew 7:12.
[Stampa f’paġna 5]
Abigajl baqgħet miftakra għall-għaqal li wriet
[Stampa f’paġna 7]
Pietru baqaʼ miftakar għall-personalità impulsiva imma onesta tiegħu
[Stampa f’paġna 8]
Ġesù għamel il-ħin għat-tfal