Il-Qaddejja taʼ Jehovah Għandhom Tama Vera
‘Ikun il-fdal taʼ Ġakobb fil-ġnus, fost kotra taʼ popli bħan-nida li tiġi mill-Mulej . . . li ma . . . jittamawx fil-bnedmin.’—Mikea 5:6 (5:7, NW).
1. Iżrael spiritwali kif inhu sors rifreskanti għan-nies?
JEHOVAH hu l-Ħallieq il-kbir tax-xita u n-nida. Hija frugħa li wieħed jittama fil-bniedem biex jipprovdi n-nida jew ix-xita. Il-profeta Mikea kiteb: “Ikun il-fdal taʼ Ġakobb fil-ġnus, fost kotra taʼ popli bħan-nida li tiġi mill-Mulej, bħall-irxiex tax-xita fuq il-ħaxix, li ma jistennew xejn minn ħadd, lanqas ma jittamaw fil-bnedmin.” (Mikea 5:6 [5:7, NW]) Min huma dawk li jifformaw “il-fdal taʼ Ġakobb” taʼ żmienna? Dawn huma l-Iżraelin spiritwali, il-fdal taʼ l-“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16) Għall-“kotra taʼ popli” fuq l-art, dawn huma bħal “nida [rifreskanti] li tiġi mill-Mulej” u “rxiex tax-xita fuq il-ħaxix.” Iva, il-Kristjani midlukin illum huma barka mingħand Alla għan-nies. Bħala proklamaturi tas-Saltna, Jehovah jużahom biex iwasslu l-messaġġ tiegħu taʼ tama vera lin-nies.
2. Għala għandna tama vera minkejja li qed ngħixu f’din id-dinja mimlija inkwiet?
2 M’għandux jissorprendina li din id-dinja m’għandha l-ebda tama vera. L-instabilità politika, il-kollass morali, il-kriminalità, il-kriżi ekonomika, it-terroriżmu, il-gwerer—dawn l-affarijiet nistennewhom f’dinja maħkuma minn Satana x-Xitan. (1 Ġwanni 5:19) Ħafna huma beżgħana dwar dak li jistaʼ jinqalaʼ fil-futur. Madankollu, bħala dawk li jqimu lil Jehovah, aħna m’aħniex beżgħanin għax għandna tama ċerta għall-futur. Din hi tama vera għaliex hija bbażata fuq il-Kelma t’Alla. Aħna għandna fidi f’Jehovah u fil-Kelma tiegħu għaliex dak li jgħid hu dejjem iseħħ.
3. (a) Jehovah għala kien se jieħu azzjoni kontra Iżrael u Ġuda? (b) Il-kliem taʼ Mikea għala japplika għalina llum?
3 Il-profezija taʼ Mikea, li hi mnebbħa minn Alla, issaħħaħna biex nimxu f’isem Jehovah u tagħtina bażi għal tama vera. Fit-tmien seklu Q.E.K., meta pprofetizza Mikea, il-poplu li kien daħal f’patt m’Alla kien maqsum f’żewġt iġnus—Iżrael u Ġuda—u t-tnejn li huma kienu qegħdin jinjorawh il-patt li kellhom m’Alla. Ir-riżultat kien kollass morali, apostasija reliġjuża, u materjaliżmu sfrenat. Għaldaqstant, Jehovah wissa li kien se jieħu azzjoni kontrihom. M’għandniex xi ngħidu, it-twissijiet t’Alla kienu mmirati lejn in-nies taʼ żmien Mikea. Imma, is-sitwazzjoni taʼ llum tant hi bħal dik taʼ żmien Mikea li kliemu japplika wkoll għal żmienna. Dan se jsir iktar ċar hekk kif nikkunsidraw xi punti ewlenin mis-sebaʼ kapitli tal-ktieb taʼ Mikea.
Dak li Tirrivela Ħarsa Fuq Fuq
4. Mikea kapitlu 1 sa 3 liema informazzjoni jipprovdu?
4 Ejja nagħtu ħarsa fuq fuq lejn x’fih il-ktieb taʼ Mikea. Fl-ewwel kapitlu, Jehovah jikxef l-irvell taʼ Iżrael u Ġuda. Minħabba l-ħażen tagħhom, Iżrael se jinqered u l-kastig taʼ Ġuda se jasal saħansitra sa bwieb il-belt taʼ Ġerusalemm. It-tieni kapitlu jirrivela kif in-nies għonja u dawk li għandhom il-poter qegħdin jgħakksu lid-dgħajfin u lill-imsejknin. Madankollu, hemm ukoll wegħda mingħand Alla. In-nies t’Alla se jinġabru u se jkunu lkoll f’unità. It-tielet kapitlu jirrapporta l-istqarrijiet taʼ Jehovah kontra l-mexxejja nazzjonali u l-profeti delinkwenti. Il-mexxejja qed jgħawġu l-ġustizzja, u l-profeti qed jgħidu l-gideb. Minkejja dan, Mikea jingħata qawwa mill-ispirtu qaddis biex jipproklama l-ħaqq li se jagħmel Jehovah.
5. X’inhi l-lezzjoni li nisiltu minn Mikea kapitli 4 u 5?
5 Kapitlu 4 jbassar li fil-parti finali tal-jiem, il-ġnus kollha se jiġu lejn il-muntanja elevata tad-dar taʼ Jehovah sabiex jiġu istruwiti minnu. Qabel dan, in-nies taʼ Ġuda se jiġu eżiljati lejn Babilonja, imma Jehovah se jeħlishom. Kapitlu 5 jirrivela li l-Messija se jitwieled f’Betlehem taʼ Ġuda. Hu se jirgħa lill-poplu tiegħu u se jeħlishom minn taħt idejn il-ġnus oppressivi.
6, 7. Liema punti huma preżentati f’kapitli 6 u 7 tal-profezija taʼ Mikea?
6 F’Mikea kapitlu 6 nsibu l-akkużi taʼ Jehovah kontra l-poplu tiegħu mniżżlin f’forma taʼ każ fil-qorti. X’għamel biex ġagħalhom jirribellaw? Xejn. Fil-fatt, dak li jeħtieġ minnhom huwa raġunevoli ħafna. Hu jrid li dawk li jqimuh jeżerċitaw il-ġustizzja, u li jkunu qalbhom tajba u modesti hekk kif jimxu miegħu. Minflok m’għamlu hekk, Iżrael u Ġuda qabdu t-triq taʼ l-irvell u se jkollhom ibatu l-konsegwenzi.
7 Fl-aħħar kapitlu tal-profezija tiegħu, Mikea jikkundanna l-ħażen tan-nies taʼ żmienu. Iżda, ma jaqtax qalbu, għax hu determinat li juri attitudni taʼ ‘stennija’ għal Jehovah. (Mikea 7:7) Il-ktieb jikkonkludi b’espressjoni taʼ fiduċja li Jehovah se juri ħniena mal-poplu Tiegħu. L-istorja tixhed għall-fatt li din it-tama twettqet. Fis-sena 537 Q.E.K., meta Jehovah kien iddixxiplina għalkollox lill-poplu tiegħu, hu bi ħniena kbira reġġaʼ lil xi wħud li kien fadal lura lejn arthom.
8. Int kif tiġbor fil-qosor dak li hemm fil-ktieb taʼ Mikea?
8 X’informazzjoni mill-aqwa jirrivela Jehovah permezz taʼ Mikea! Dan il-ktieb imnebbaħ jipprovdi eżempji taʼ twissija dwar kif Alla jaġixxi maʼ dawk li jgħidu li jaqduh imma juru nuqqas taʼ fedeltà. Ibassar ġrajjiet li qed iseħħu llum il-ġurnata. U jagħti l-parir t’Alla rigward kif għandna nġibu ruħna matul dawn iż-żminijiet diffiċli sabiex nissodaw it-tama tagħna.
Il-Mulej Sovran Jehovah Jitkellem
9. Skond Mikea 1:2, Jehovah x’kien se jagħmel?
9 Ejja issa neżaminaw il-ktieb taʼ Mikea iktar fid-dettall. F’Mikea kapitlu 1:2 naqraw: “Isimgħu, popli kollha, agħti widen, art u kull ma fik: Sidi l-Mulej ikun xhud kontrikom, is-Sid mit-tempju mqaddes tiegħu!” Kieku kont tgħix fi żmien Mikea, dan il-kliem żgur li kien iġagħlek twaqqaf widnejk biex tismaʼ. Tabilħaqq, iġagħlek tassew tismaʼ għaliex Jehovah qed jitkellem mit-tempju mqaddes tiegħu u qed jindirizza mhux biss lil Iżrael u lil Ġuda imma lin-nies kullimkien. Fi żmien Mikea, in-nies kienu ilhom wisq jinjorawh lill-Mulej Sovran Jehovah. Dan dalwaqt kellu jinbidel. Jehovah kien determinat li jieħu azzjoni deċiżiva.
10. Il-kliem taʼ Mikea 1:2 għala huwa importanti għalina?
10 L-istess jgħodd għal żmienna. Apokalissi 14:18-20 juri li Jehovah reġaʼ qiegħed jikkomunika mit-tempju mqaddes tiegħu. Hu dalwaqt se jieħu azzjoni deċiżiva, u ġrajjiet deċiżivi dalwaqt sejrin jheżżu mill-ġdid lill-umanità. Din id-darba, l-hekk imsejħa “dielja taʼ l-art” kollha ħażen se tiġi mitfugħa fil-magħsar il-kbir tal-korla taʼ Jehovah, biex teqred għalkollox id-dinja taʼ Satana.
11. Xi jfisser il-kliem taʼ Mikea 1:3, 4?
11 Ismaʼ x’se jagħmel Jehovah. Mikea 1:3, 4 jgħid: “Għax, ara, il-Mulej ħiereġ mill-għamara tiegħu, se jinżel u jirfes fuq l-għoljiet taʼ l-art; il-muntanji jdubu taħtu, u l-widien jinħallu, bħax-xemaʼ quddiem in-nar, bħall-ilma mitluq għan-niżla.” Sejjer Jehovah jitlaq minn postu fis-sema u letteralment jirfes fuq l-għoljiet u l-pjanuri taʼ l-Art Imwiegħda? Le. M’għandux għalfejn. Hu sempliċement se jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejn l-art sabiex isseħħ ir-rieda tiegħu. Iktar minn hekk, m’hijiex l-art letterali, imma l-abitanti tagħha li se jsofru l-affarijiet li ġew deskritti. Meta Jehovah jaġixxi, ir-riżultat se jkun diżastruż għal min mhux leali—bħallikieku l-muntanji jkunu dabu bħax-xemaʼ u l-pjanuri nqasmu min-nofs b’terremot.
12, 13. Fi qbil mat-2 Pietru 3:10-12, x’inhu dak li jagħmel it-tama tagħna ċerta?
12 Il-kliem profetiku taʼ Mikea 1:3, 4 forsi jfakkrek fi profezija mnebbħa oħra li tbassar ġrajjiet diżastrużi għall-art. Bħalma nsibu fit-2 Pietru 3:10, l-appostlu Pietru kiteb: “Jasal, tabilħaqq, jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b’kull ma fiha [‘tinkixef,’ Saydon].” L-istess bħall-profezija taʼ Mikea, il-kliem taʼ Pietru ma japplikax għas-smewwiet u l-art letterali. Dan jirreferi għal tribulazzjoni kbira li ġejja fuq din id-dinja li tiċħad lil Alla.
13 Minkejja dan id-diżastru li ġej, il-Kristjani jistgħu jkunu fiduċjużi dwar il-futur, sewwasew bħalma kien Mikea. Kif? Billi jsegwu l-parir li nsibu fil-versi li jmiss fl-ittra taʼ Pietru. L-appostlu jgħid: “Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum taʼ Alla.” (2 Pietru 3:11, 12) It-tama tagħna għall-futur se tkun ċerta jekk irrawmu qalb ubbidjenti u naraw li l-imġiba tagħna tkun qaddisa u l-ħajja tagħna tkun mimlija b’għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla. Sabiex it-tama tkun ċerta, aħna rridu niftakru wkoll li l-jum taʼ Jehovah se jiġi bla dubju taʼ xejn.
14. Iżrael u Ġuda għala kien ħaqqhom jiġu kastigati?
14 Jehovah jispjega għala l-poplu tiegħu tal-qedem kien ħaqqu jiġi kastigat. Mikea 1:5 jistqarr: “Dan kollu minħabba d-dnub taʼ Ġakobb, u minħabba l-ħtija taʼ dar Iżrael. X’inhu d-dnub taʼ Ġakobb? M’hux Samarija? U x’inhi l-ħtija [“il-postijiet għoljin taʼ l-idolatrija,” Karm Żammit] taʼ dar Ġuda? M’hux Ġerusalemm?” Iżrael u Ġuda jafu l-eżistenza tagħhom lil Jehovah. Madankollu, dawn irribellaw kontrih, u l-irvell tagħhom jilħaq sal-qalba tal-bliet kapitali rispettivi tagħhom, is-Samarija u Ġerusalemm.
Il-Prattiċi Ħżiena Jiżdiedu
15, 16. In-nies taʼ żmien Mikea kienu ħatja taʼ liema għemejjel mill-agħar?
15 Eżempju taʼ kemm kienu ħżiena n-nies taʼ żmien Mikea nsibuh deskritt b’ċarezza kbira f’Mikea 2:1, 2: “Ħażin għalihom dawk li jfasslu l-ħsara, dawk li jsawwru d-deni fuq soddithom! U jagħmluh mas-sebħ fil-għodu, għax idejhom għandhom is-setgħa. Jekk jitlebilbu għall-għelieqi, jisirquhom; jekk għad-djar, jaħtfuhom; jagħmlu l-vjolenza fuq raġel u daru, fuq is-sid u ġidu.”
16 Nies kollhom regħba jibqgħu mqajmin bil-lejl jhewdnu kif se jaħtfu l-għelieqi u d-djar tal-ġirien tagħhom. Fil-għodu, jgħaġġlu biex iwettqu dak li jkunu paspru f’moħħhom. Ma kinux iwettqu għemejjel mill-agħar bħal dawn kieku ftakru fil-patt li kellhom maʼ Jehovah. Il-Liġi Mosajka fiha provvedimenti biex tipproteġi lill-fqir. Skond din il-Liġi, l-ebda familja ma kellha titlef il-wirt tagħha b’mod permanenti. Madankollu, dawk l-individwi rgħiba ma jħabblux rashom. Huma jinjoraw il-kliem taʼ Levitiku 19:18, li jgħid: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”
17. X’jistaʼ jiġri meta dawk li jgħidu li qed jaqdu lil Alla jpoġġu l-affarijiet materjali l-ewwel f’ħajjithom?
17 Dan juri x’jistaʼ jiġri meta nies li jgħidu li jaqdu ’l Alla jinsew il-miri spiritwali u jibdew ifittxu l-ewwel l-affarijiet materjali. Pawlu wissa lill-Kristjani taʼ żmienu: “Dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien.” (1 Timotju 6:9) Meta l-qligħ tal-flus isir il-mira prinċipali fil-ħajja taʼ individwu, hu jkun fil-fatt qed iqim alla falz—il-Flus, jew ir-Rikkezzi. Dan l-alla falz ma joffri ebda tama ċerta għall-futur.—Mattew 6:24.
18. X’kien se jiġrilhom dawk li kienu materjalisti fi żmien Mikea?
18 Ħafna nies fi żmien Mikea jitgħallmu bid-dnewwa kemm hija ħaġa taʼ frugħa li jistrieħu fuq affarijiet materjali. Skond Mikea 2:4, Jehovah jgħid: “Dakinhar tiġu f’ilsien in-nies, jgħannulkom għanja tal-biki u jgħidulkom: ‘Aħna misruqin serqa għall-aħħar: sehem il-poplu tiegħu qiegħed jitqies bil-ħbula, m’hemm ħadd biex iroddulu lura; ir-rabaʼ tagħna sar sehem min seraqna.’” Iva, dawk li serqu d-djar u l-għelieqi se jitilfu l-wirt tal-familja tagħhom stess. Se jinġarru lejn art barranija, u ġidhom se jsir il-priża taʼ ‘min seraqhom,’ jiġifieri taʼ nies mill-ġnus. Kull tama għal futur taʼ prosperità se tiġi fix-xejn.
19, 20. Xi ġralhom il-Lhud li fdaw f’Jehovah?
19 Madankollu, it-tama taʼ dawk li jafdaw f’Jehovah m’hijiex se tkun taʼ diżappunt. Jehovah iżomm fedelment il-pattijiet li għamel m’Abraham u maʼ David, u għandu ħniena minn dawk li, bħal Mikea, iħobbuh u jitnikktu għall-fatt li n-nies taʼ pajjiżhom tbiegħdu minn Alla. Minħabba nies retti bħal dawn, se jkun hemm tiġdid fiż-żmien xieraq t’Alla.
20 Dan jiġri fis-sena 537 Q.E.K., wara li Babilonja taqaʼ u meta fdal mil-Lhud imur lura lejn pajjiżu. F’dak iż-żmien, il-kliem taʼ Mikea 2:12 għandu l-ewwel twettiq tiegħu. Jehovah jgħid: “Niġbrok, Ġakobb, kollok kemm int, niġbor il-fdal taʼ Iżrael, nqegħedhom flimkien bħal nagħaġ f’maqjel, bħal merħla f’nofs taʼ mergħa, geġwiġija taʼ nies, bla ma jibżgħu minn ħadd.” Kemm jaf iħobb Jehovah! Wara li jiddixxiplina lill-poplu tiegħu, hu jippermetti li fdal imur lura u jaqdih fl-art li hu ta lil missirijiethom.
Xebh li Jispikka fi Żmienna
21. Il-kundizzjonijiet taʼ żmienna kif inhuma bħal dawk taʼ żmien Mikea?
21 Waqt li konna qegħdin nikkunsidraw l-ewwel żewġ kapitli taʼ Mikea, ma laqtekx il-fatt kemm l-affarijiet illum huma simili? Bħal fi żmien Mikea, ħafna nies illum jgħidu li jaqdu ’l Alla. Madankollu, bħal Ġuda u Iżrael, huma jinsabu maqsumin u anki gwerer iġġieldu bejniethom. Ħafna nies għonja fil-Kristjaneżmu ħaqru lill-foqra. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-mexxejja reliġjużi iktar qed jagħlqu għajnejhom għal ċerti prattiċi li l-Bibbja tikkundannahom b’mod ċar. Mhux taʼ b’xejn li l-Kristjaneżmu dalwaqt se jiġi fi tmiemu flimkien mal-bqija taʼ “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza! (Apokalissi 18:1-5) Iżda, l-istess bħalma ġara fi żmien Mikea, Jehovah se jkollu qaddejja leali li se jibqgħu fuq l-art.
22. Liema żewġ gruppi poġġew it-tama tagħhom fis-Saltna t’Alla?
22 Fl-1919, il-Kristjani midlukin leali nqatgħu għalkollox mill-Kristjaneżmu u bdew jipproklamaw l-aħbar tajba tas-Saltna lill-ġnus kollha. (Mattew 24:14) L-ewwel m’għamlu kien li bdew ifittxu lil min kien għad fadal minn Iżrael spiritwali. Imbagħad, bdew jinġabru n-“nagħaġ oħra,” u ż-żewġ gruppi saru “merħla waħda, ragħaj wieħed.” (Ġwanni 10:16) Għalkemm issa qegħdin jaqdu ’l Alla f’234 pajjiż, dawn l-aduraturi leali taʼ Jehovah kollha saru verament ħaġa waħda “flimkien.” S’issa, il-maqjel fih “geġwiġija taʼ nies,” irġiel, nisa u tfal. It-tama tagħhom ma jpoġġuhiex f’din is-sistema dinjija, imma fis-Saltna t’Alla, li dalwaqt se terġaʼ ġġib Ġenna fuq l-art.
23. Għala int konvint li t-tama tiegħek hija żgura?
23 Dwar l-aduraturi leali taʼ Jehovah, l-aħħar vers taʼ Mikea kapitlu 2 jgħid: “Jgħaddi s-sultan tagħhom quddiemhom, il-Mulej fir-ras tagħhom.” Tara int lilek innifsek f’dik il-purċissjoni trijonfanti, miexi wara s-Sultan tiegħek, Ġesù Kristu, u b’Jehovah innifsu fuq quddiem? Jekk inhu hekk, tistaʼ tkun konvint li r-rebħa hija ċerta u t-tama tiegħek żgura. Dan se jsir saħansitra iktar evidenti hekk kif nikkunsidraw iktar punti ewlenin mill-profezija taʼ Mikea.
Int Kif Twieġeb?
• Fi żmien Mikea, Jehovah għala ddeċieda li jieħu azzjoni kontra Ġuda u Iżrael?
• X’jistaʼ jiġri meta dawk li jgħidu li jaqdu lil Alla jpoġġu l-interessi materjali l-ewwel f’ħajjithom?
• Wara li kkunsidrajna Mikea kapitli 1 u 2, għala tħossok konvint li t-tama tiegħek hija żgura?
[Stampa f’paġna 9]
Il-profezija taʼ Mikea tistaʼ ssaħħaħna spiritwalment
[Stampi f’paġna 10]
Bħall-fdal Lhudi fis-sena 537 Q.E.K., l-Iżraelin spiritwali u sħabhom jappoġġaw il-qima vera