LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 5/15 p. 21-p. 24 para. 9
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Levitiku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Levitiku
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • OFFERTI LIL ALLA—VOLONTARJI U OBBLIGATORJI
  • (Levitiku 1:1–7:38)
  • JIĠI STABBILIT IS-​SAĊERDOZJU QADDIS
  • (Levitiku 8:1–10:20)
  • IL-​QIMA T’ALLA TIRRIKJEDI NDAFA
  • (Levitiku 11:1–15:33)
  • IL-​QDUSIJA GĦANDHA TINŻAMM
  • (Levitiku 16:1–27:34)
  • Kif Il-​Ktieb Tal-​Levitiku Jeffettwa L-​Qima Tagħna
  • Sagrifiċċji li lil Alla Għoġbuh
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • “Kunu Qaddisin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Għala rridu nkunu qaddisin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Punti mil-Levitiku
    Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 5/15 p. 21-p. 24 para. 9

Il-​Kelma taʼ Jehovah Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb tal-​Levitiku

KIENET għadha m’għaddietx sena minn mindu l-​Iżraelin inħelsu mill-​jasar taʼ l-​Eġizzjani. Issa li kienu organizzati f’ġens ġdid, huma kienu fi triqithom lejn l-​art taʼ Kangħan. L-​iskop taʼ Jehovah kien li jkollu ġens qaddis jgħix hemmhekk. Madankollu, il-​mod kif kienu jgħixu u l-​prattiċi reliġjużi tal-​Kangħanin kienu baxxi ħafna. Għalhekk, l-​Alla veru ta lill-​kongregazzjoni taʼ Iżrael regoli li kienu se jagħmluha differenti b’mod li jispikka għas-​servizz tiegħu. Dawn huma mniżżlin fil-​ktieb Bibliku tal-​Levitiku. Il-​ktieb kien miktub mill-​profeta Mosè fid-​deżert taʼ Sinaj, milli jidher fis-​sena 1512 Q.E.K., u jkopri xahar qamri. (Eżodu 40:17; Numri 1:1-3) Jehovah ripetutament iħeġġeġ lill-​qaddejja tiegħu sabiex ikunu qaddisa.—Levitiku 11:44; 19:2; 20:7, 26.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah illum m’humiex taħt il-​liġi li Alla ta permezz taʼ Mosè. Il-​mewt taʼ Ġesù Kristu neħħiet għalkollox dik il-​liġi. (Rumani 6:14; Efesin 2:11-16) Madankollu, ir-​regoli li jinsabu fil-​Levitiku jistgħu jibbenefikawna, billi jgħallmuna ħafna dwar il-​qima t’Alla tagħna, Jehovah.

OFFERTI LIL ALLA—VOLONTARJI U OBBLIGATORJI

(Levitiku 1:1–7:38)

Xi wħud mill-​offerti u s-​sagrifiċċji tal-​liġi kienu volontarji, filwaqt li oħrajn kienu obbligatorji. Per eżempju, l-​offerta tal-​ħruq kienet volontarja. Kienet tingħata lil Alla sħiħa, saħansitra bħalma Ġesù Kristu minn jeddu u bis-​sħiħ ta ħajtu bħala sagrifiċċju taʼ fidwa. Is-​sagrifiċċju volontarju tas-​sliem, jew taʼ komunjoni, kien jinqasam. Parti minnu kien jiġi preżentat lil Alla fuq l-​artal, porzjon ieħor kien jieklu l-​qassis, u jerġaʼ porzjon ieħor kien jieklu dak li kien jagħmel l-​offerta. B’mod simili, għall-​Kristjani midlukin, it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù hija ikla taʼ komunjoni.—1 Korintin 10:16-22.

Offerti tad-​dnub u tal-​ħtija kienu obbligatorji. Taʼ l-​ewwel kien ipatti għad-​dnubiet li saru bi żball, jew mhux apposta. Tat-​tieni kien jissodisfa lil Alla meta xi add ikun kiser id-​dritt taʼ ħaddieħor, jew kien jagħti lura ċerti drittijiet lill-​midneb li jkun nidem—jew it-​tnejn. Kienu jsiru wkoll offerti tal-​qamħ bħala rikonoxximent tal-​provvedimenti abbundanti li Jehovah jagħti. Dawn il-​kwistjonijiet kollha huma taʼ interess għalina għax is-​sagrifiċċji li kienu kmandati fil-​patt tal-​Liġi ppontaw lejn Ġesù Kristu u s-​sagrifiċċju tiegħu jew lejn il-​benefiċċji li ġew minn dan is-​sagrifiċċju.—Lhud 8:3-6; 9:9-14; 10:5-10.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

2:11, 12—L-​għasel bħala ‘offerta maħruqa’ għala ma kienx aċċettabbli għal Jehovah? L-​għasel imsemmi hawn ma jistax ikun qed jirreferi għal dak tan-​naħal. Għalkemm mhux aċċettat bħala ‘offerta maħruqa,’ kien fost “il-​bikri . . . taʼ l-​uċuħ kollha tar-​rabaʼ.” (2 Kronaki 31:5) Milli jidher dan l-​għasel kien il-​meraq, jew il-​ġulepp, tal-​frott. Ladarba setaʼ jiffermenta, ma kienx aċċettat bħala offerta fuq l-​artal.

2:13—Il-​melħ għala kellu jiġi preżentat maʼ “kull offerta”? Dan ma kienx isir biex itejjeb it-​togħma tas-​sagrifiċċji. Madwar id-​dinja, il-​melħ jintuża bħala preservattiv. X’aktarx kien preżentat maʼ l-​offerti għax jirrappreżenta ħelsien mill-​korruzzjoni u t-​taħsir.

Lezzjonijiet Għalina:

3:​17. Ladarba x-​xaħam kien meqjus bħala l-​aħjar jew l-​iktar parti rikka, il-​projbizzjoni kontra li jittiekel wera b’mod ċar lill-​Iżraelin li l-​aħjar parti kienet tappartjeni lil Jehovah. (Ġenesi 45:18) Dan ifakkarna li għandna nagħtu l-​aħjar tagħna lil Jehovah.—Proverbji 3:9, 10; Kolossin 3:23, 24.

7:26, 27. L-​Iżraelin ma kellhomx jieklu d-​demm. F’għajnejn Alla, id-​demm jirrappreżenta l-​ħajja. Levitiku 17:11 jistqarr: “Ħajjet il-​laħam hi fid-​demm.” L-​astinenza mid-​demm għadha l-​livell li għandhom iżommu miegħu qaddejja vera llum.—Atti 15:28, 29.

JIĠI STABBILIT IS-​SAĊERDOZJU QADDIS

(Levitiku 8:1–10:20)

Lil min ngħatat ir-​responsabbiltà li jieħu ħsieb id-​dmirijiet li għandhom x’jaqsmu mas-​sagrifiċċji u l-​offerti? Din ngħatat lill-​qassisin. Alla ta direzzjonijiet lil Mosè biex jikkonduċi ċerimonja taʼ konsagrazzjoni għal Aron, il-​qassis il-​kbir, u għall-​erbaʼ subien tiegħu, li kellhom jaqdu bħala sotto-qassisin. Iċ-​ċerimonja milli jidher damet sejra sebat ijiem, u s-​saċerdozju beda mill-​għada.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

9:9—X’inhu sinifikanti dwar it-​tixrid tad-​demm f’riġlejn l-​artal u fuq diversi affarijiet oħra? Dan wera li Jehovah aċċetta d-​demm għall-​iskop tat-​tpattija. L-​arranġament tat-​tpattija kollu kien ibbażat fuq id-​demm. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Skond il-​Liġi, tistaʼ tgħid kollox jissaffa bid-​demm; u bla tixrid tad-​demm ma hemmx maħfra.”—Lhud 9:22.

10:1, 2—X’setaʼ kien involut fid-​dnub taʼ Nadab u Abiħu, ulied Aron? Ftit wara li Nadab u Abiħu aġixxew b’mod mhux xieraq meta kienu qed iwettqu d-​dmirijiet saċerdotali tagħhom, Jehovah ipprojbixxa l-​qassisin milli jużaw l-​inbid u x-​xorb li jsakkar waqt li jkunu qed jaqdu fit-​tempju. (Levitiku 10:9) Dan jimplika li ż-​żewġ subien t’Aron għandhom mnejn kienu taħt l-​influwenza taʼ l-​alkoħol fl-​okkażjoni msemmija hawn. Madankollu, ir-​raġuni proprja għall-​mewt tagħhom kienet għax offrew “nar profan li l-​Mulej ma kienx ordnalhom.”

Lezzjonijiet Għalina:

10:1, 2. Il-​qaddejja responsabbli taʼ Jehovah taʼ llum għandhom jobdu dak li jirrikjedi Alla. Iktar minn hekk, m’għandhomx ikunu prużuntużi waqt li jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tagħhom.

10:9. M’għandniex inwettqu l-​inkarigi li jagħtina Alla meta nkunu taħt l-​effett taʼ xorb alkoħoliku sal-​punt tas-​sokor.

IL-​QIMA T’ALLA TIRRIKJEDI NDAFA

(Levitiku 11:1–15:33)

Ir-​regoli taʼ l-​ikel rigward annimali nodfa u mniġġsin kienu taʼ benefiċċju għall-​Iżraelin b’żewġ modi. Dawn ir-​regoli pproteġewhom milli jiġu infettati minn organiżmi li jagħmlu l-​ħsara u saħħew id-​differenzi bejnhom u n-​nies tal-​ġnus taʼ madwarhom. Regoli oħra ttrattaw in-​nuqqas taʼ ndafa minn iġsma mejtin, il-​purifikazzjoni tan-​nisa wara li jkunu wildu, il-​proċeduri dwar il-​ġdiem, u n-​nuqqas taʼ ndafa li jirriżulta minn tnixxija sesswali mill-​irġiel jew in-​nisa. Il-​qassisin kellhom jieħdu ħsieb kwistjonijiet li involvew individwi li tniġġsu.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

12:2, 5—Mara li tkun wildet għala kienet “imniġġsa”? L-​organi riproduttivi ġew maħluqin biex jittrasmettu ħajja umana perfetta. Madankollu, minħabba l-​effetti tad-​dnub li writna, ħajja imperfetta u midinba għaddiet fuq in-​nisel. Il-​perijodi temporanji taʼ ‘tniġġis’ assoċjati mat-​twelid tat-​trabi, kif ukoll m’affarijiet oħra bħalma huma l-​mestrwazzjoni u t-​tixrid taż-​żerriegħa, fakkru lill-​Iżraelin fl-​istat midneb li wirtu. (Levitiku 15:16-24; Salm 51:7 [Salm 51:5, NW]; Rumani 5:12) Ir-​regoli meħtieġa taʼ purifikazzjoni kienu jgħinu lill-​Iżraelin japprezzaw il-​bżonn għal sagrifiċċju taʼ fidwa biex jgħatti d-​dnub taʼ l-​umanità u jerġaʼ jġib il-​perfezzjoni umana. B’hekk, il-​Liġi saret dik li ‘mexxiethom qishom tfal lejn Kristu.’—Galatin 3:24.

15:16-18—X’inhu t-​‘tixrid taż-​żerriegħa’ msemmi f’dawn il-​versi? Dan milli jidher qed jirreferi għal tixrid iż-​żerriegħa matul il-​lejl kif ukoll għal relazzjonijiet sesswali bejn il-​miżżewġin.

Lezzjonijiet Għalina:

11:45. Alla Jehovah hu qaddis u jrid li dawk li jagħtuh servizz sagru jkunu qaddisin. Huma għandhom ifittxu l-​qdusija u jibqgħu nodfa b’mod spiritwali u fiżiku.—2 Korintin 7:1; 1 Pietru 1:15, 16.

12:8. Jehovah ħalla lill-​foqra joffru l-​għasafar minflok in-​nagħaġ, li kienu jiswew iktar, bħala offerta għas-​sagrifiċċju. Hu jieħu ħsieb il-​foqra.

IL-​QDUSIJA GĦANDHA TINŻAMM

(Levitiku 16:1–27:34)

L-​iktar sagrifiċċji importanti għad-​dnubiet kienu offruti fil-​Jum taʼ l-​Espjazzjoni Annwali. Kien jiġi offrut barri għall-​qassisin u t-​tribù taʼ Levi. Bodbod kien jiġi offrut għat-​tribujiet mhux saċerdotali taʼ Iżrael. Bodbod ieħor kien jintbagħat ħaj lejn id-​deżert wara li d-​dnubiet tan-​nies ikunu ġew pronunzjati fuqu. Iż-​żewġ bdabad kienu meqjusin bħala offerta tad-​dnub waħda. Dan kollu pponta lejn il-​fatt li Ġesù Kristu kien se jiġi sagrifikat u kien se jneħħi d-​dnubiet.

Regoli dwar li jittiekel il-​laħam u dwar kwistjonijiet oħra jenfasizzaw il-​bżonn li nkunu qaddisin meta nagħtu qima lil Jehovah. B’mod xieraq, il-​qassisin kellhom iżommu lilhom infushom qaddisin. It-​tliet festi annwali kienu okkażjonijiet taʼ ferħ kbir u taʼ radd il-​ħajr lill-​Ħallieq. Jehovah ta wkoll regoli lin-​nies tiegħu rigward l-​użu ħażin taʼ l-​isem qaddis tiegħu, il-​ħarsien tas-​Sabat u l-​Ġublew, il-​mod kif kellhom iġibu ruħhom mal-​fqar, u kif jittrattaw lill-​ilsiera. Il-​barkiet li jiġu minn ubbidjenza lejn Alla huma f’kuntrast mas-​saħtiet li kienu jesperjenzaw jekk ma jobdux. Hemm regoli wkoll dwar offerti f’konnessjoni mal-​wegħdi u l-​istima, maʼ l-​ewwel imwieled taʼ l-​annimali, u l-​għoti taʼ wieħed minn kull għaxra bħala li jkun “ikkonsagrat lill-​Mulej.”

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

16:29—L-​Iżraelin b’liema mod kellhom ‘jgħakksu ruħhom’? Din il-​proċedura, li kienet tiġi segwita fil-​Jum taʼ l-​Espjazzjoni, għandha x’taqsam maʼ li jitolbu l-​maħfra għal dnubiethom. Is-​sawm f’dak iż-​żmien x’aktarx kien assoċjat mal-​fatt li jagħrfu l-​istat midneb tagħhom. Għalhekk, il-​frażi ‘jgħakksu ruħhom’ x’aktarx li kienet tirreferi għas-​sawm.

19:27—Xi jfisser il-​kmand “la taqtgħux xagħarkom dawra tond” jew “taqtgħu truf leħjitkom”? Din il-​liġi milli jidher ngħatat lil-​Lhud biex huma ma jittrimjawx il-​leħja jew xagħarhom b’mod li jkunu qed jimitaw ċerti prattiċi pagani. (Ġeremija 9:24, 25 [Ġeremija 9:25, 26, NW]; Ġeremija 25:23; 49:32) Madankollu, il-​kmand t’Alla ma kienx ifisser li l-​Lhud ma setgħux jittrimmjaw il-​leħja jew il-​pil taʼ fuq il-​wiċċ.—2 Samwel 19:25 (2 Samwel 19:24, NW).

25:35-37—Kien dejjem ħażin li l-​Iżraelin jitolbu l-​interessi? Jekk il-​flus issellfu għan-​negozju, dak li sellef setaʼ jitlob l-​interessi. Madankollu, il-​Liġi kienet tipprojbixxi li jintalbu l-​interessi fuq self minħabba l-​faqar. Profitt minn fuq il-​problemi ekonomiċi taʼ ħaddieħor kien xi ħaġa ħażina.—Eżodu 22:25.

26:19—Kif setgħu ‘s-​smewwiet [isiru] bħall-​ħadid, u l-​art [issir] bħall-​bronż’? Minħabba nuqqas taʼ xita, is-​smewwiet fuq l-​art taʼ Kangħan kienu jidhru ebsin daqs il-​ħadid li ma jħallix l-​ilma jgħaddi minnu. Mingħajr xita, l-​art kien se jkollha dehra kulur il-​bronż, tleqq qisha metall.

26:26—Xi jfisser li jkun hemm ‘għaxar nisa jaħmu ħobżhom f’kenur wieħed’? Normalment, kull mara kien ikollha bżonn kenur, jew forn, biex tkun tistaʼ taħmi l-​ikel kollu li kienet tagħmel. Imma dan il-​kliem wera li tant kien hemm nuqqas taʼ ikel li forn wieħed kien biżżejjed biex jinħema l-​ikel kollu t’għaxar nisa. Din kienet waħda mill-​konsegwenzi mbassrin jekk jonqsu li jżommu l-​qdusija.

Lezzjonijiet Għalina:

20:9. Spirtu taʼ mibegħda u vjolenza kien ħażin daqs il-​qtil f’għajnejn Jehovah. Għalhekk, hu ta l-​istess kastig għal xi ħadd li jkasbar lill-​ġenituri u għal xi ħadd li joqtolhom. M’għandux dan iqanqalna nuru mħabba għal sħabna fit-​twemmin?—1 Ġwanni 3:14, 15.

22:32; 24:10-16, 23. L-​isem taʼ Jehovah m’għandux jiġi mmaqdar. Anzi, aħna għandna nfaħħru ismu u nitolbu biex jiġi mqaddes.—Salm 7:18 (Salm 7:17, NW); Mattew 6:9.

Kif Il-​Ktieb Tal-​Levitiku Jeffettwa L-​Qima Tagħna

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah illum m’humiex qed jgħixu taħt il-​Liġi. (Galatin 3:23-25) Ladarba dak li hemm miktub fil-​Levitiku jagħtina dehen dwar kif Jehovah iħares lejn ċerti kwistjonijiet, mela, dan jistaʼ jeffettwa l-​qima tagħna.

Waqt li tkun qed tagħmel il-​qari tal-​Bibbja taʼ kull ġimgħa fil-​preparazzjoni tiegħek għall-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, bla dubju int se tibqaʼ impressjonat mill-​fatt li Alla tagħna jirrikjedi qdusija mis-​segwaċi tiegħu. Dan il-​ktieb Bibliku jistaʼ jqanqlek ukoll biex tagħti l-​aħjar tiegħek lill-​Iktar Għoli, billi dejjem iżżomm il-​qdusija għat-​tifħir tiegħu.

[Stampa f’paġna 21]

Sagrifiċċji offruti taħt il-​liġi ppontaw lejn Ġesù Kristu u s-​sagrifiċċju tiegħu

[Stampa f’paġna 22]

Il-​Festa tal-​Ħobż Bla Ħmira kienet okkażjoni taʼ ferħ kbir

[Stampa f’paġna 23]

Festi annwali, bħall-​Festa taʼ l-​Għerejjex, kienu okkażjonijiet taʼ radd il-​ħajr lil Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja