Mibgħudin Għalxejn
“Fuq xejn bagħduni.”—ĠWANNI 15:25.
1, 2. (a) Xi wħud għala ma jistgħux jifhmu għalfejn jintqalu affarijiet kontra l-Kristjani, imma għala ma niħduhiex bi kbira li jsir dan id-diskors? (b) Liema tifsira tal-kelma “mibegħda” se nikkunsidraw f’dan l-artiklu? (Ara n-nota taʼ taħt.)
IX-XHIEDA TAʼ JEHOVAH jistinkaw biex jgħixu skond il-prinċipji fil-Kelma t’Alla. Minħabba f’hekk, huma għandhom reputazzjoni mill-aħjar f’ħafna pajjiżi. Madankollu, xi drabi ngħatat idea ħażina dwarhom. Per eżempju, uffiċjal tal-gvern fil-belt taʼ San Pietruburgu, ir-Russja, ftakar: “Konna ngħatajna l-idea li x-Xhieda taʼ Jehovah huma xi setta sigrieta li taħdem bil-moħbi u li l-membri tagħha joqtlu lit-tfal u lilhom infushom.” Imma wara li ħadem max-Xhieda taʼ Jehovah minħabba konvenzjoni internazzjonali, l-istess uffiċjal osserva: “Issa nara nies normali u daħqana . . . Huma paċifiċi u kalmi, u jħobbu ħafna lil xulxin.” Hu żied: “Ma nistax nifhem għala n-nies jigdbu daqshekk fuqhom.”—1 Pietru 3:16.
2 Il-qaddejja t’Alla xejn ma jieħdu gost jiġu malafamati bħala nies ħżiena, imma ma jiħduhiex bi kbira meta n-nies jgħidu kontrihom. Lis-segwaċi tiegħu, Ġesù kien wissiehom minn qabel: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom. . . . Dan ġara biex isseħħ il-kelma li hemm fil-Liġi tagħhom, ‘Fuq xejn bagħduni.’”a (Ġwanni 15:18-20, 25; Salm 35:19; 69:5 [69:4, NW]) Ftit qabel kien qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk lil sid id-dar tawh il-laqam taʼ Begħelżebul, kemm aktar lin-nies taʼ daru!” (Mattew 10:25) Il-Kristjani jifhmu li l-fatt li jissaportu dan it-tmaqdir huwa parti miz-“zokk tat-tortura” li aċċettaw meta saru segwaċi taʼ Kristu.—Mattew 16:24, NW.
3. Kemm kienet mifruxa l-persekuzzjoni tal-qaddejja veri?
3 Il-persekuzzjoni taʼ l-aduraturi veri ilha teżisti żmien twil, u bdiet lura fi żmien “Abel il-ġust.” (Mattew 23:34, 35) Ma kinitx biss xi ħaġa taʼ darba kultant. Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu li ‘kulħadd kien se jsir jobgħodhom’ minħabba f’ismu. (Mattew 10:22, korsiv tagħna.) Iktar minn hekk, l-appostlu Pawlu kiteb li l-qaddejja kollha t’Alla—inkluż kull wieħed u waħda minna—għandhom jistennew li jiġu persegwitati. (2 Timotju 3:12) X’inhi r-raġuni għal dan?
Is-Sors tal-Mibegħda Inġusta
4. Il-Bibbja kif turi x’inhu s-sors taʼ kull mibegħda inġusta?
4 Il-Kelma t’Alla tirrivela li mill-bidu kien hemm xewwiexi li ma jidhirx. Ikkunsidra l-qtil krudil taʼ l-ewwel bniedem taʼ fidi, Abel. Il-Bibbja tgħid li ħuh il-qattiel, Kajjin, “kien mill-Ħażin,” Satana x-Xitan. (1 Ġwanni 3:12) Kajjin wera l-attitudni taʼ Satana, u x-Xitan użah biex iwettaq il-pjanijiet mill-agħar tiegħu. Il-Bibbja titfaʼ dawl ukoll fuq is-sehem li kellu Satana fl-attakki ħorox kontra Ġob u Ġesù Kristu. (Ġob 1:12; 2:6, 7; Ġwanni 8:37, 44; 13:27) Il-ktieb taʼ l-Apokalissi ma jħalli l-ebda dubju x’inhu s-sors tal-persekuzzjoni tas-segwaċi taʼ Ġesù, għax jgħid: “Id-Demonju se jixħet ’il xi wħud minnkom fil-ħabs biex iġarrabkom.” (Apokalissi 2:10, korsiv tagħna.) Iva, Satana huwa s-sors taʼ kull mibegħda inġusta li tintwera man-nies t’Alla.
5. Satana għala jobgħodhom lill-aduraturi veri?
5 Satana għala jobgħodhom lill-aduraturi veri? F’komplott li jindika l-kburija esaġerata li għandu, Satana ħadha kontra s-“Sultan taʼ dejjem,” Alla Jehovah. (1 Timotju 1:17; 3:6) Hu jsostni li Alla huwa restrittiv iżżejjed bil-mod kif jaħkem fuq il-ħlejjaq tiegħu u li ħadd ma jaqdi lil Jehovah b’motiv pur, imma biss għal interessi egoistiċi. Satana jinsisti li jekk jitħalla jġarrab lill-bnedmin, hu jistaʼ jwaqqafhom ilkoll milli jaqdu lil Alla. (Ġenesi 3:1-6; Ġob 1:6-12; 2:1-7) Billi jimmalafama lil Jehovah bħala tirann, giddieb, u wieħed li jfalli f’kulma jagħmel, Satana jipprova jagħmel lilu nnifsu ħakkiem li għandu dritt daqs Jehovah li jkun is-sovran taʼ l-univers. Għalhekk, ir-rabja tiegħu kontra l-qaddejja t’Alla hija mqanqla mill-kilba li għandu biex jiġi meqjum.—Mattew 4:8, 9.
6. (a) Kif aħna involuti personalment fil-kwistjoni tas-sovranità taʼ Jehovah? (b) Il-fatt li nifhmu din il-kwistjoni kif se jgħinna nżommu l-integrità tagħna? (Ara l-kaxxa, paġna 16.)
6 Qed tifhem kif din il-kwistjoni teffettwalek ħajtek? Bħala qaddej taʼ Jehovah, int x’aktarx sibt li għalkemm jeħtieġ sforz kbir biex tagħmel ir-rieda t’Alla, il-benefiċċji li jiġu milli tagħmel dan huma ferm akbar. Xi ngħidu, iżda, jekk minħabba ċ-ċirkustanzi f’ħajtek issibha diffiċli, saħansitra taʼ wġigħ, li tkompli timxi fi qbil mal-liġijiet u l-prinċipji taʼ Jehovah? U xi ngħidu jekk donnu ma tkun qed tirċievi l-ebda benefiċċju minn dan? Se tikkonkludi li ma jaqbillikx tibqaʼ taqdi lil Jehovah? Jew inkella l-imħabba għal Jehovah u l-apprezzament profond għall-kwalitajiet grandjużi tiegħu jqanqluk tibqaʼ miexi fit-triqat kollha tiegħu? (Dewteronomju 10:12, 13) Billi jħalli lil Satana jġib ċerta tbatija fuqna, Jehovah jagħti lil kull wieħed minna ċ-ċans li nagħtu risposta personalment għall-isfida taʼ Satana.—Proverbji 27:11.
“Meta Jgħajjrukom”
7. X’inhi tattika waħda li juża x-Xitan biex jipprova jġagħalna nitilqu lil Jehovah?
7 Issa ejja nikkunsidraw iktar fil-fond waħda mill-makakkeriji li juża Satana biex jipprova juri li l-akkużi tiegħu huma veri—it-tmaqdir mimli gideb. Ġesù sejjaħ lil Satana “missier il-gideb.” (Ġwanni 8:44) Ix-Xitan huwa l-perċimes tal-kalunnji kontra Alla, il-kelma tajba tiegħu, u ismu qaddis. Ix-Xitan juża l-insinwazzjonijiet, l-akkużi foloz, u l-gideb sfaċċat biex jisfida s-sovranità taʼ Jehovah, u juża dawn l-istess tattiki biex jimmalafama lill-qaddejja leali t’Alla. Billi jitfaʼ kemm jiflaħ tmaqdir fuq dawn ix-Xhieda, hu jistaʼ jagħmilhielhom saħansitra iktar diffiċli biex jissaportu prova li diġà tkun ħarxa.
8. Satana kif ġab tmaqdir fuq Ġob, u dan x’effett kellu?
8 Ikkunsidra xi ġralu Ġob, li ismu jfisser “Mira taʼ Mibegħda.” Minbarra li kkaġunalu t-telfa tal-mezz t’għajxien, taʼ wliedu, u taʼ saħħtu, Satana ġagħal lil Ġob jidher bħala midneb li kien qed jiġi kastigat minn Alla. Għalkemm qabel kien bniedem rispettat ħafna, Ġob sar disprezzat, saħansitra minn qrabatu u l-ħbieb tal-qalb. (Ġob 19:13-19; 29:1, 2, 7-11) Iktar minn hekk, Satana ra kif ‘jagħsar lil Ġob bil-kliem’ permezz taʼ farraġa foloz, l-ewwel billi dawn insinwaw li hu bilfors għamel xi dnub serju u mbagħad billi kkundannawh direttament bħala midneb. (Ġob 4:6-9; 19:2; 22:5-10) Min jaf kemm kien skuraġġanti dan għal Ġob!
9.Ġesù kif ġie mġiegħel jidher bħala midneb?
9 Bħala l-iktar wieħed li appoġġa s-sovranità taʼ Jehovah, l-Iben t’Alla sar il-mira ewlenija tal-mibegħda taʼ Satana. Meta Ġesù ġie fuq l-art, Satana pprova jtebbagħlu r-reputazzjoni spiritwali tiegħu, bħalma pprova jagħmel lil Ġob, billi jġiegħel lil Ġesù jidher bħala midneb. (Isaija 53:2-4; Ġwanni 9:24) In-nies sejħulu sakranazz u wikkiel, u qalu li ‘kellu fih xitan.’ (Mattew 11:18, 19; Ġwanni 7:20; 8:48; 10:20) Ġie akkużat b’mod falz li dagħa. (Mattew 9:2, 3; 26:63-66; Ġwanni 10:33-36) Dan sewwidlu qalbu lil Ġesù, għax kien jaf li kien se jġib tmaqdir inġust fuq Missieru. (Luqa 22:41-44) Fl-aħħar, Ġesù ġie mdendel fuq zokk bħala kriminal misħut. (Mattew 27:38-44) Biex iżomm integrità perfetta, Ġesù kellu jissaporti ħafna ‘oppożizzjoni min-naħa tal-midinbin.’—Lhud 12:2, 3.
10. Il-fdal tal-midlukin kif kienu l-mira taʼ Satana fi żminijiet reċenti?
10 Fi żminijiet reċenti, il-fdal tas-segwaċi midlukin taʼ Kristu bl-istess mod saru l-mira tal-mibegħda tax-Xitan. Satana jiġi deskritt bħala “dak li jixli ’l ħutna [ħut Kristu], li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.” (Apokalissi 12:9, 10) Minn mindu tkeċċa mis-sema u tħalla joqgħod biss viċin l-art, Satana żied l-isforzi tiegħu biex iġiegħel lil ħut Kristu jidhru bħala nies li għandhom jiġu disprezzati mis-soċjetà. (1 Korintin 4:13) F’xi pajjiżi, huma ġew malafamati billi ssejħu setta perikoluża, bħalma kienu jissejħu l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. (Atti 24:5, 14; 28:22) Bħalma ssemma fil-bidu, huma ġew malafamati permezz taʼ propaganda falza. Madankollu, ‘fil-ġieħ u fl-għajb, kemm jekk intqal il-ħażin u kemm jekk intqal it-tajjeb fuqhom,’ ħut Kristu l-midlukin, appoġġati minn sħabhom in-“nagħaġ oħra,” bl-umiltà stinkaw biex iħarsu l-preċetti t’Alla u jagħmlu x-xogħol li jixhdu dwar Ġesù.—2 Korintin 6:8; Ġwanni 10:16; Apokalissi 12:17.
11, 12. (a) X’jistaʼ jkun il-kaġun taʼ ċertu tmaqdir li jirċievu l-Kristjani? (b) Kristjan b’liema mod għandu mnejn ibati inġustament minħabba l-fidi tiegħu?
11 M’għandniex xi ngħidu, mhux it-tmaqdir kollu li jirċievu l-qaddejja individwali t’Alla jiġi “minħabba s-sewwa.” (Mattew 5:10) Xi problemi jistgħu jiġu minħabba l-imperfezzjonijiet tagħna stess. M’hemm l-ebda mertu speċjali jekk ‘nieħdu bis-sabar is-swat meta nkunu għamilna l-ħażen.’ Madankollu, jekk Kristjan ‘ibati bla ħtija għal Alla, u jieħu bis-sabar it-tbatija, din tkun grazzja’ f’għajnejn Jehovah. (1 Pietru 2:19, 20) Dan meta jistaʼ jkun il-każ?
12 Xi wħud ġew maltrattati minħabba li rrifjutaw li jieħdu sehem fi drawwiet mhux skritturali konnessi mal-funerali. (Dewteronomju 14:1) Xhieda żgħażagħ qalgħu ħafna tagħjir minħabba li żammew mal-livelli morali taʼ Jehovah. (1 Pietru 4:4) Xi ġenituri Kristjani ġew mixlijin b’mod żbaljat li huma “traskurati” jew “abbużivi” għax fittxew kura medika mingħajr demm għal uliedhom. (Atti 15:29) Il-Kristjani ġew imwarrbin mill-qraba u mill-ġirien sempliċement għax saru qaddejja taʼ Jehovah. (Mattew 10:34-37) Dawn l-uħud kollha qed isegwu l-eżempju li ħallew il-profeti u Ġesù nnifsu meta batew inġustament.—Mattew 5:11, 12; Ġakbu 5:10; 1 Pietru 2:21.
Inkunu Lesti li Nissaportu t-Tmaqdir
13. X’jistaʼ jgħinna nżommu l-bilanċ spiritwali tagħna meta niġu mmaqdrin bl-aħrax?
13 Meta niġu mmaqdrin bl-aħrax minħabba l-fidi tagħna, forsi nħossuna skuraġġiti, bħalma ħassu l-profeta Ġeremija, u naħsbu li ma nistgħux nibqgħu naqdu lil Alla. (Ġeremija 20:7-9) X’jistaʼ jgħinna nżommu l-bilanċ spiritwali tagħna? Ipprova ara l-kwistjoni mill-ħarsa taʼ Jehovah. Lil dawk li jibqgħu leali meta jgħaddu minn prova, hu jqishom bħala rebbieħa, mhux bħala vittmi. (Rumani 8:37) Ipprova ġib f’moħħok lil dawk li appoġġaw is-sovranità taʼ Jehovah minkejja l-umiljazzjoni kollha li felaħ iġib fuqhom ix-Xitan—irġiel u nisa bħal Abel, Ġob, Marija omm Ġesù, u wħud leali oħra minn żmien il-qedem, kif ukoll sħabna fit-twemmin fi żmienna. (Lhud 11:35-37; 12:1) Immedita fuq l-integrità li wrew tul ħajjithom. Dik is-sħaba kbira taʼ wħud leali tistidinna ningħaqdu magħhom fuq il-palk tar-rebbieħa riservat għal dawk li bil-fidi tagħhom jirbħu lid-dinja.—1 Ġwanni 5:4.
14.It-talb bil-ħrara kif jistaʼ jsaħħaħna biex nibqgħu leali?
14 Jekk ‘joktor l-hemm ġo qalbna,’ nistgħu nduru lejn Jehovah b’talb bil-ħrara, u hu jfarraġna u jsaħħaħna. (Salm 50:15; 94:19) Se jagħtina l-għerf li neħtieġu biex inkampaw mal-prova u jgħinna nibqgħu ffokati fuq il-kwistjoni kbira, is-sovranità taʼ Jehovah, li hija l-kaġun tal-mibegħda inġusta li jesperjenzaw il-qaddejja leali tiegħu. (Ġakbu 1:5) Jehovah jistaʼ jagħtina wkoll “is-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem.” (Filippin 4:6, 7) Permezz taʼ din it-trankwillità mogħtija minn Alla nkunu nistgħu nibqgħu kalmi u determinati meta niffaċċjaw pressjoni estrema, billi ma nċedux għad-dubji jew il-biżaʼ. Permezz taʼ l-ispirtu tiegħu, Jehovah jistaʼ jgħinna nissaportu dak kollu li jippermetti li ngħaddu minnu.—1 Korintin 10:13.
15.X’jistaʼ jgħinna nevitaw li nimtlew bl-imrar meta ngħaddu minn xi tbatija?
15 X’jistaʼ jgħinna ma nimtlewx bl-imrar għal dawk li jobogħduna għalxejn? Tinsiex li l-għedewwa prinċipali tagħna huma Satana u d-demonji. (Efesin 6:12) Filwaqt li xi nies jippersegwitawna minn jeddhom u apposta, ħafna minn dawk li jopponu lin-nies t’Alla jagħmlu dan minħabba l-injoranza jew għax jiġu manipulati minn oħrajn. (Danjel 6:5-17 [6:4-16, NW]; 1 Timotju 1:12, 13) Jehovah jixtieq li “l-bnedmin kollha” jkollhom l-opportunità li “jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Timotju 2:4) Fil-fatt, xi wħud li qabel kienu jopponuna issa huma ħutna Kristjani minħabba li osservaw l-imġiba tajba tagħna. (1 Pietru 2:12) Barra minn hekk, nistgħu nisiltu tagħlima mill-eżempju taʼ Ġużeppi, bin Ġakobb. Għalkemm Ġużeppi bata ferm minħabba ħutu mill-missier, hu ma żammx f’qalbu dak li għamlulu. Għala le? Għax ra li id Jehovah kienet mexxiet l-affarijiet sabiex iwettaq l-iskop Tiegħu. (Ġenesi 45:4-8) Jehovah bl-istess mod jistaʼ jikkaġuna kwalunkwe tbatija inġusta li ngħaddu minnha biex taħdem għall-glorja taʼ ismu.—1 Pietru 4:16.
16, 17. Għala m’għandniex inkunu ansjużi jekk dawk li jopponuna jipprovaw ifixklu x-xogħol taʼ l-ippridkar?
16 M’għandniex għalfejn ninkwetaw iżżejjed jekk għal xi żmien dawk li jopponuna jidhru li qed jirnexxilhom ifixklu l-progress taʼ l-aħbar tajba. Jehovah issa qed iqanqal il-ġnus kollha permezz tax-xiehda globali li qed tingħata, u qed jinġabar il-ġid kollu. (Ħaggaj 2:7) Kristu Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja taʼ dejjem; . . . u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.” (Ġwanni 10:27-29, korsiv tagħna.) Hemm ukoll l-anġli qaddisa involuti fil-ħsad spiritwali kbir. (Mattew 13:39, 41; Apokalissi 14:6, 7) Għalhekk, xejn minn dak li jgħidu jew jagħmlu dawk li jopponuna m’hu se jfixkel l-iskop t’Alla.—Isaija 54:17; Atti 5:38, 39.
17 Spiss, l-isforzi li jagħmlu dawk li jopponuna jirriżultaw il-kontra taʼ li jkunu xtaqu. F’komunità Afrikana, kien inxtered ħafna gideb terribbli dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah, inkluż li huma jqimu lix-Xitan. Minħabba f’hekk, kulmeta x-Xhieda kienu jżuru lil Grace, din kienet taħrab wara d-dar tagħha u tinħeba sakemm jitilqu. Darba minnhom il-kappillan tal-knisja tagħha qabad waħda mill-pubblikazzjonijiet tagħna, urieha lil dawk kollha li kienu preżenti, u qalilhom biex ma jaqrawhiex għax inkella kienu jispiċċaw jiċħdu t-twemmin tagħhom. Dan qajmilha l-kurżità lil Grace. Meta x-Xhieda reġaʼ messhom imorru għandha, minflok ma nħbiet, hi qabdet konversazzjoni magħhom u ngħatat il-kopja persunali tagħha tal-pubblikazzjoni. Inbeda studju tal-Bibbja, u fl-1996 tgħammdet. Grace issa tuża l-ħin tagħha biex tfittex lil oħrajn li forsi ġew informati ħażin dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah.
Saħħaħ il-Fidi Tiegħek Issa
18. Għala hemm bżonn li nsaħħu l-fidi tagħna qabel ma jinqalgħu provi ħorox, u kif nistgħu nagħmlu dan?
18 Ladarba Satana x’ħin ifettillu jistaʼ jattakkana b’mibegħda inġusta, huwa vitali li nsaħħu l-fidi tagħna issa. Dan kif nistgħu nagħmluh? Rapport minn pajjiż fejn in-nies taʼ Jehovah kienu ġew persegwitati nnota: “Ħaġa waħda saret evidenti ħafna: Dawk li għandhom drawwiet spiritwali tajbin u apprezzament profond għall-verità tal-Bibbja m’għandhom l-ebda problema biex iżommu sod meta jiġu l-provi. Imma dawk li fi ‘żmien favorevoli’ jitilfu l-laqgħat, ma jkunux regulari fis-servizz taʼ l-għalqa, u jagħmlu kompromess f’affarijiet żgħar, taʼ spiss jaqgħu meta tiġi prova ‘tan-nar’.” (2 Timotju 4:2, NW) Jekk tara xi aspetti li għandek bżonn titjieb fihom, stinka biex tagħmel dan illum qabel għada.—Salm 119:60.
19. Meta l-qaddejja t’Alla jiffaċċjaw mibegħda inġusta u jżommu l-integrità, xi jkunu qed jagħmlu?
19 Meta l-aduraturi veri jintlaqtu mill-flaġell tal-mibegħda satanika u jżommu l-integrità, huma jkunu qed jagħtu xiehda ħajja li Jehovah għandu d-dritt u jistħoqqlu jkun is-Sovran, u li din hija ħaġa sewwa. Il-fedeltà tagħhom tferraħ lil qalb Alla. Għalkemm il-bniedem jistaʼ jitfaʼ t-tmaqdir fuqhom, dak li d-dinjità tiegħu hija ogħla mill-art u s-smewwiet “ma jistmellx jissejjaħ Alla tagħhom.” Iva, rigward l-uħud leali kollha bħal dawn jistaʼ jingħad bix-xieraq: “Id-dinja ma kienx jixirqilha jkollha nies bħal dawn.”—Lhud 11:16, 38.
[Nota taʼ taħt]
a Fl-Iskrittura, il-kelma “mibegħda” għandha diversi tifsiriet li huma kemm kemm differenti minn xulxin. F’kuntest wieħed, tfisser sempliċement li wieħed iħobb inqas. (Dewteronomju 21:15, 16, Karm Żammit) “Mibegħda” tistaʼ tfisser ukoll li xi ħaġa tant ma tkunx togħġbok li tkun trid tevitaha għax tistkerrahha, imma ma jkollokx l-intenzjoni li tagħmlilha l-ħsara. Madankollu, il-kelma “mibegħda” tistaʼ tfisser ukoll li tkun għadu kbir u fit-tul taʼ xi ħadd, u spiss tkun ukoll tixtieqlu d-deni. Din hi t-tifsira tal-kelma li se tiġi diskussa f’dan l-artiklu.
Tistaʼ Tispjega?
• L-aduraturi veri għala huma mibgħudin inġustament?
• Satana kif uża t-tmaqdir biex jipprova jkisser l-integrità taʼ Ġob u Ġesù?
• Jehovah kif isaħħaħna biex inżommu sod meta niffaċċjaw mibegħda satanika?
[Kaxxa/Stampa paġna 16]
Huma Fehmu X’Inhi l-Kwistjoni Vera
Wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Ukraina, fejn ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna kien projbit għal iktar minn 50 sena, osserva: “Is-sitwazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah m’għandhiex titqies biss minn kif jittrattawna bnedmin oħra. . . . Il-biċċa l-kbira mill-uffiċjali kienu sempliċement qed jagħmlu xogħolhom. Meta nbidel il-gvern, l-uffiċjali saru leali lejh, imma aħna bqajna l-istess. Irrealizzajna li s-sors veru taʼ l-inkwiet tagħna kien intwera fil-Bibbja.
“Ma konniex inqisu lilna nfusna sempliċement bħala vittmi innoċenti taʼ nies oppressivi. Dak li għenna nissaportu kien fehma ċara tal-kwistjoni li qamet fil-ġnien taʼ l-Għeden—il-kwistjoni jekk Alla għandux dritt jaħkem. . . . Aħna wrejna ċar fuq liema naħa konna fi kwistjoni li mhux biss hija konnessa maʼ l-interessi persunali tal-bnedmin imma wkoll maʼ l-interessi tas-Sovran taʼ l-univers. Stajna nifhmu ħafna aħjar x’kienu l-kwistjonijiet involuti. Dan saħħaħna u għenna biex inżommu l-integrità tagħna fl-iktar ċirkustanzi estremi.”
[Stampa]
Victor Popovych, arrestat fl-1970
[Stampa f’paġna 13]
Min kien responsabbli għat-tmaqdir li rċieva Ġesù?
[Stampi f’paġna 15]
Ġob, Marija, u l-qaddejja t’Alla fi żmienna, bħal Stanley Jones, appoġġaw is-sovranità taʼ Jehovah