Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Xi nies isostnu li Pawlu ma kienx nawfragat fuq il-gżira taʼ Malta, fin-nofsinhar taʼ Sqallija, imma fuq gżira oħra. Fejn kien nawfragat?
Din il-mistoqsija tirreferi għall-proposta reċenti li l-appostlu Pawlu ma kienx nawfragat fuq il-gżira taʼ Malta imma fuq Cephalonia (jew, Kefallinía) ħdejn Korfù fil-Baħar Jonju, qrib il-kosta tal-punent tal-Greċja. Il-kitba ispirata tgħid li Pawlu telaq bil-baħar minn Ċesarija bħala priġunier fdat f’idejn Ġulju, ċenturjun Ruman. Magħhom kien hemm ukoll xi suldati oħra u sħab Pawlu. Kif turi l-mappa, salpaw lejn Sidon u Mira. Minn hemmhekk qabdu vapur ieħor, li kien ġifen kbir tal-qamħ ġej minn Lixandra, l-Eġittu, u telqu lejn Knidu fuq in-naħa tal-punent. Ma setgħux iżommu mar-rotta pjanata biex jaqsmu l-Baħar Eġew u jgħaddu minn mal-ponta tal-Greċja u jibqgħu sejrin dritt għal Ruma. Irjieħ qawwijin ġarrewhom lejn Kreta, fin-nofsinhar, għall-kenn tax-xtajtiet tagħha. Hemmhekk, waqfu fil-Portijiet is-Sbieħ. Meta ‘telaq minn Kreta,’ il-ġifen ‘inqabad’ minn “riefnu qawwi, jgħidulu grigal.” Il-ġifen, imtaqqal bit-tagħbija tal-qamħ, ġie ‘mitfugħ ’l hawn u ’l hinn fil-baħar’ sa l-erbatax-il lejl. Fl-aħħar, il-276 persuna kollha kienu nawfragati fuq gżira msejħa Melite fit-test Grieg taʼ l-Iskrittura Mqaddsa.—Atti 27:1–28:1.
Matul is-snin, saru diversi suġġerimenti dwar l-identità taʼ din il-gżira, Melite. Xi wħud ħasbu li kienet il-gżira Melite Illyrica, issa magħrufa bħala Mljet, fil-Baħar Adrijatiku lil hinn mill-kosta tal-Kroazja. Iżda dan ma jidhirx li kien il-każ, peress li Mljet tinsab wisq lejn it-tramuntana biex tikkorrispondi mal-postijiet li wara waqaf fihom Pawlu fil-vjaġġ tiegħu, jiġifieri Sirakuża, fi Sqallija, u mbagħad il-kosta tal-punent taʼ l-Italja.—Atti 28:11-13.
II-biċċa l-kbira mit-tradutturi tal-Bibbja kkonkludew li Melite tirreferi għall-gżira Melite Africanus, issa magħrufa bħala Malta. L-aħħar post li daħal fih il-ġifen li kien qed iġorr lil Pawlu kien il-Portijiet is-Sbieħ, fi Kreta. Imbagħad riefnu qawwi ġarr il-ġifen lejn Kawda fil-punent. Ir-riħ baqaʼ jimbotta l-ġifen għal bosta ġranet. Huwa raġunevoli għall-aħħar li l-ġifen li nġarr mir-riefnu baqaʼ sejjer lejn il-punent u wasal Malta.
Rigward ir-riħ li kien qed jonfoħ u “d-direzzjoni u s-saħħa li biha kien qed jitkaxkar il-ġifen,” Conybeare u Howson qalu fil-ktieb tagħhom The Life and Epistles of St. Paul: “Id-distanza bejn Klawda [jew, Kawda] u Malta hija xi ftit inqas minn 770 kilometru. Il-koinċidenza tant hi kbira li ma tantx hu possibbli li wieħed jemmen li l-art, li l-baħrin waslu qribha fl-erbatax-il lejl, setgħet kienet xi post ieħor għajr Malta. Il-probabbiltà hija kbira wisq.”
Filwaqt li jistgħu jiġu offruti suġġerimenti dwar postijiet oħra, nawfraġju f’Malta kif muri fil-mappa inkluża f’dan l-artiklu jidher li jaqbel mar-rakkont li hemm imniżżel fil-Bibbja.
[Mappa/Stampa f’paġna 31]
Ġerusalemm
Ċesarija
Sidon
Mira
Knidu
KRETA
KAWDA
MALTA
SQALLIJA
Sirakuża
Ruma
MLJET
GREĊJA
CEPHALONIA