Sirakuża—Waqfa Qasira Matul il-Vjaġġ taʼ Pawlu
MADWAR is-sena 59 E.K., ġifen baħħar mill-gżira Mediterranja taʼ Malta lejn l-Italja. Fil-pruwa l-ġifen kellu s-simbolu taʼ “Wlied Żews,” l-allat meqjusin bħala l-protetturi tal-baħħara. Il-kittieb Bibliku Luqa jirrakkonta li l-vapur daħal “fil-port taʼ Sirakuża” fil-kosta tax-xlokk taʼ Sqallija u ‘baqaʼ hemm tlett ijiem.’ (Atti 28:11, 12) Abbord maʼ Luqa kien hemm Aristarku u l-appostlu Pawlu, li kien qed jiġi meħud Ruma biex jidher quddiem il-qorti.—Atti 27:2.
Ma nafux jekk Pawlu tħalliex jinżel minn fuq il-ġifen f’Sirakuża. Jekk hu jew dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu niżlu, x’setgħu raw?
Fi żmien il-Griegi u r-Rumani, Sirakuża kienet importanti kważi daqs Ateni u Ruma. Skond it-tradizzjoni, din instabet mill-Korintin fis-sena 734 Q.E.K. Sirakuża kellha perijodi taʼ glorja u kienet art twelid xi persunaġġi famużi miż-żminijiet tal-qedem, bħall-kittieb tad-drammi Epikarmu u l-matematiku Arkimede. Fis-sena 212 Q.E.K., ir-Rumani għelbu lil Sirakuża.
Żjara fil-belt moderna tistaʼ tagħtik ftit ħjiel taʼ kif kienet Sirakuża fi żmien Pawlu. Il-belt kienet maqsuma f’żewġ partijiet—waħda fuq il-gżira żgħira t’Ortiġja, li x’aktarx kienet fejn waqaf il-vapur taʼ Pawlu, u l-oħra fuq il-gżira prinċipali.
Illum, fuq il-gżira tistaʼ ssib il-fdalijiet taʼ l-eqdem tempju fi Sqallija bl-arkitettura Griega li kienet sempliċi u klassika—it-tempju t’Apollo, li jmur lura għas-sitt seklu Q.E.K. Hemm ukoll kolonni taʼ tempju dedikat lil Atena, li jmur lura għall-ħames seklu Q.E.K., imma dawn saru parti mill-katidral.
Iċ-ċentru tal-belt moderna jinsab fuq il-gżira prinċipali, fejn tistaʼ żżur il-park arkeoloġiku taʼ Neapoli. Viċin id-dħul tiegħu hemm it-teatru Grieg. Dan jirrappreżenta wieħed mill-iktar eżempji impressjonanti t’arkitettura Griega fit-teatri li għadhom jeżistu. Minħabba li jinsab faċċata tal-baħar, dan ħoloq ambjent spettakolari għall-preżentazzjonijiet tat-teatru. Fit-tarfnett tal-park fin-nofsinhar hemm l-anfiteatru Ruman tat-tielet seklu E.K. Huwa ovali, twil 140 metru u wiesaʼ 119-il metru, u huwa t-tielet l-akbar fl-Italja.
Jekk ikollok l-opportunità li żżur Sirakuża, tistaʼ tpoġġi bil-qiegħda fuq wieħed mill-bankijiet faċċata tal-baħar f’Ortiġja, iftaħ il-Bibbja tiegħek f’Atti 28:12, u immaġina lill-appostlu Pawlu abbord il-vapur hekk kif daħal fil-port hawnhekk.
[Tabella/Mappa f’paġna 30]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Malta
Sqallija
Sirakuża
ITALJA
Reġġju
Putijoli
Ruma
[Stampa f’paġna 30]
Fdalijiet taʼ teatru Grieg f’Sirakuża