LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 9/15 pp. 8-9
  • “L-Għana Kbir taʼ l-Ibħra”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “L-Għana Kbir taʼ l-Ibħra”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Materjal Simili
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • L-Oċeani
    Stenbaħ!—2023
  • Il-Bniedem X’Qed Jagħmel lill-Art?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Il-Meravilji tal-Ħolqien Jeżaltaw lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 9/15 pp. 8-9

Il-​Meravilji tal-​Ħolqien taʼ Jehovah

“L-​Għana Kbir taʼ l-​Ibħra”

FI NŻUL ix-​xemx, żiffa ħelwa ċċaqlaq il-​baħar u l-​mewġ jitlaʼ bil-​mod sax-​xatt. Il-​ħoss ħlejju tal-​mewġ jattira ħafna lil għadd kbir taʼ nies lejn il-​bajjiet għall-​mistrieħ u l-​kwiet.a

Bajjiet twal bħal dawn issibhom mifruxin maʼ eluf taʼ kilometri taʼ xtut madwar id-​dinja. Din il-​linja li dejjem tinbidel bejn ir-​ramel u l-​baħar timmarka safejn jistaʼ jwassal il-​baħar. Dan hu l-​mod kif iddisinjaha l-​Ħallieq. Meta jitkellem dwaru nnifsu, Alla jiddikjara li hu ‘għamel ir-​ramel bħala tarf il-​baħar.’ Hu jżid: “Jitqanqlu l-​imwieġ bla ma jegħlbuha u jgargru l-​ħalel bla ma jaqbżuha.”—Ġeremija 5:22; Ġob 38:8; Salm 33:7.

Il-pjaneta tagħna hija tabilħaqq waħda miksija bl-​ilma, pjaneta li m’hemmx oħra bħalha fis-​sistema solari. Iktar minn 70 fil-​mija tal-​globu hu miksi bl-​ilma. Meta Jehovah kien qed jipprepara l-​art biex jgħammru fiha l-​bnedmin, hu ddikjara: “Ħa jinġemgħu naħa waħda l-​ilmijiet taʼ taħt is-​sema u jidher l-​inxif.” U fil-​fatt “hekk sar.” Ir-​rakkont iżid: “Sejjaħ Alla l-​inxif art; u l-​ġemgħa taʼ l-​ilma sejjħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb.” (Ġenesi 1:9, 10) L-​oċeani għala qegħdin hemm?

B’diversi modi taʼ l-​għaġeb, l-​ilma taʼ l-​oċeani sar bl-​intenzjoni li jsostni l-​ħajja. Per eżempju, l-​ilma kapaċi jaħżen is-​sħana. Għalhekk, l-​oċeani jaġixxu bħala maħżen kbir tas-​sħana li jimmoderaw il-​kesħa qawwija tax-​xitwa.

L-ilma għandu kapaċità oħra li jsostni l-​ħajja. Dan jistaʼ jħoll sustanzi oħra iktar minn kwalunkwe likwidu ieħor. Peress li l-​proċessi tal-​ħajja huma possibbli permezz taʼ reazzjonijiet kimiċi, bilfors huwa meħtieġ l-​ilma sabiex iħoll is-​sustanzi li joħolqu reazzjoni u jgħaqqad il-​molekuli tagħhom. Ħafna minn dan it-​taħlit kimiku li jinsab f’tessuti ħajjin fih l-​ilma. Il-​ktieb The Sea jinnota: “Kull forma taʼ ħajja teħtieġ l-​ilma—li fl-​aħħar mill-​aħħar bilfors irid jiġi mill-​oċeani, anki għall-​pjanti u l-​annimali li jgħixu fuq l-​art.”

L-oċeani tad-​dinja huma vitali wkoll biex isaffu l-​atmosfera. Il-​plankton tal-​baħar jassorbi d-​dijossidu karboniku u jarmi l-​ossiġnu. Skond wieħed riċerkatur, “70 fil-​mija taʼ l-​ossiġnu miżjud fl-​atmosfera kull sena jiġi mill-​plankton li hemm fil-​baħar.”

L-oċeani jistgħu wkoll jipprovdu mediċini naturali biex jitfejjaq il-​mard. L-​estratti mill-​ħut ilhom sekli sħaħ jintużaw bħala mediċina. Iż-​żejt tal-​ħuta ilu ħafna jiġi utilizzat mill-​bniedem. Dan l-​aħħar intużaw kimiċi minn ħut u ħlejjaq oħra tal-​baħar sabiex tiġi kkurata l-​ażżma u biex jintużaw kontra l-​viruses u l-​kanċer.

Sar sforz biex jiġi kalkulat il-​valur ekonomiku tal-​benefiċċji mill-​oċeani. Għalkemm ma jistgħux jaslu għal konklużjonijiet eżatti, ir-​riċerkaturi kkalkulaw li kważi żewġ terzi tal-​valur tal-​benefiċċji mill-​ekosistema globali jiġu mill-​oċeani. Dan jikkonferma l-​fatt li l-​ibħra nħolqu bi skop—biex jissodisfaw il-​bżonnijiet tal-​ħajja. Kemm jaqbel dan maʼ dak li l-​Bibbja ssejjaħlu “l-​għana kbir taʼ l-​ibħra”!—Dewteronomju 33:19, Karm Żammit.

Jehovah hu glorifikat bħala d-​Disinjatur il-​Kbir u Dak li għamel dan l-​għana. Neħemija tqanqal biex ifaħħru b’dan il-​kliem: “Int waħdek il-​Mulej, int għamilt is-​smewwiet, . . . l-​ibħra u kull ma fihom. Int iżżommhom ħajja.”—Neħemija 9:6.

[Nota taʼ taħt]

a Ara t-​2004 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Settembru/Ottubru.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 9]

Ilma, Riħ, u Mewġ

L-​ilma u r-​riħ joħolqu mewġ enormi li jaħbat u jagħmel tkarwita li ttarrxek maʼ l-​irdum kollu blat, bħal dan taʼ Kalifornja, fl-​Istati Uniti. Il-​mewġ minn dejjem kien aspett meraviljuż taʼ l-​oċeani u juri x’qawwa taʼ l-​għaġeb għandhom. Ukoll, dan ifakkarna b’mod taʼ l-​għaġeb fil-​qawwa li ma bħalha li għandu l-​Ħallieq. Jehovah hu l-​wieħed li “jimxi fuq imwieġ il-​baħar.” “Bil-​qawwa taʼ driegħu sikket il-​Baħar, bil-​ħila taʼ moħħu saħaq [“lit-​tempestier,” NW].” (Ġob 9:8, Saydon; 26:12) Tabilħaqq, “aqwa mill-​ħsejjes taʼ l-​ilma kotran, aqwa mill-​imwieġ tal-​baħar, qawwi l-​Mulej fl-​għoli.”—Salm 93:4.

Skulturi bir-​Ramel

Kultant, xatt il-​baħar jipprovdi l-​isfond għal skulturi tar-​ramel straordinarji, bħad-​duni li jidhru hawn mal-​kosta tan-​Namibja, fin-​nofsinhar taʼ l-​Afrika. Ir-​riħ hu l-​forza prinċipali li jagħti l-​forma unika lir-​ramel. Waqt li xi duni jidhru bħala sempliċi tumbati żgħar, oħrajn huma għoljin maʼ l-​400 metru. Dawn il-​kwantitajiet kbar taʼ ramel jgħinuna nifhmu l-​espressjoni li tuża l-​Bibbja “r-​ramel f’xatt il-​baħar.” Din tintuża biex tispjega xi ħaġa li ma tistax tgħoddha u diffiċli tkejjilha. (Ġenesi 22:17) Aħna nħarsu b’riverenza profonda lejn il-​Ħallieq, il-​wieħed li ddisinja dan l-​ilqugħ inġenjuż tar-​ramel kontra l-​invażjoni tal-​baħar imqalleb.

[Stampa f’paġna 9]

Il-​bajja taʼ nżul ix-​xemx, fid-​daħla tal-​Biafra, il-​Kamerun

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja