LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 9/15 p. 24-p. 27 para. 15
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tad-Dewteronomju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tad-Dewteronomju
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘TINSIEX IL-​ĦWEJJEĠ LI RAJT B’GĦAJNEJK’
  • (Dewteronomju 1:1–4:49)
  • ĦOBB LIL JEHOVAH, U OBDI L-​KMANDAMENTI TIEGĦU
  • (Dewteronomju 5:1–26:19)
  • “AGĦŻEL IL-​ĦAJJA”
  • (Dewteronomju 27:1–34:12)
  • Taʼ Siwi Kbir Għalina
  • Tgħallem it-Triqat taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • M’Għandek Qatt Tinsa lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Alla Jeħles lil Ulied Israel
    Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 9/15 p. 24-p. 27 para. 15

Il-​Kelma taʼ Jehovah Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb tad-​Dewteronomju

IS-​SENA hija l-​1473 Q.E.K. Għaddew 40 sena mindu Jehovah ħeles lil ulied Iżrael mill-​jasar Eġizzjan. Dan iż-​żmien qattgħuh fid-​deżert, u għalhekk l-​Iżraelin għadhom ġens bla art. Iżda, sa fl-​aħħar, jinsabu fuq l-​għatba taʼ l-​Art Imwiegħda. X’hemm jistenniehom meta ssir tagħhom? Maʼ liema problemi se jiltaqgħu, u kif għandhom jiffaċċjawhom?

Qabel ma l-​Iżraelin jaqsmu x-​Xmara Ġordan għal ġo l-​art taʼ Kangħan, Mosè jipprepara l-​ġemgħa għall-​biċċa xogħol kbira li ġejja. Kif? Billi jagħti diversi taħditiet taʼ inkuraġġiment u tħeġġiġ, twiddib u twissija. Hu jfakkar lill-​Iżraelin li Alla Jehovah jistħoqqlu devozzjoni esklużiva u li m’għandhomx jimitaw lill-​ġnus taʼ madwarhom. Kważi l-​ktieb Bibliku kollu tad-​Dewteronomju huwa magħmul minn dawn it-​taħditiet. U l-​pariri li jingħataw fihom huma eżatt dak li għandna bżonn illum, għax aħna wkoll ngħixu f’dinja fejn huwa taʼ sfida li nagħtu d-​devozzjoni esklużiva tagħna lil Jehovah.—Lhud 4:12.

Il-ktieb tad-​Dewteronomju, li nkiteb minn Mosè minbarra l-​aħħar kapitlu, ikopri perijodu taʼ ftit iktar minn xahrejn.a (Dewteronomju 1:3; Ġożwè 4:19) Ejja naraw kif dak li hemm imniżżel fih jistaʼ jgħinna nħobbu lil Alla Jehovah b’qalbna kollha u naqduh fedelment.

‘TINSIEX IL-​ĦWEJJEĠ LI RAJT B’GĦAJNEJK’

(Dewteronomju 1:1–4:49)

Fl-​ewwel taħdita, Mosè jirrakkonta ftit mill-​esperjenzi fid-​deżert—b’mod partikulari dawk li kienu se jgħinu lill-​Iżraelin hekk kif jippreparaw biex jieħdu l-​Art Imwiegħda. Ir-​rakkont tal-​ħatra taʼ l-​imħallfin x’aktarx li fakkarhom li meta Jehovah jorganizza n-​nies tiegħu, hu jkun ċert li jkun hemm min jieħu ħsiebhom bl-​imħabba. Mosè jitkellem ukoll dwar ir-​rapport ħażin taʼ l-​għaxar spiji li minħabba fih il-​ġenerazzjoni taʼ qabel tilfet il-​prospett li tidħol fl-​art tal-​wegħda. Aħseb dwar l-​effett li kellu dan l-​eżempju taʼ twissija fuq is-​semmiegħa taʼ Mosè hekk kif setgħu jaraw dik l-​art quddiem għajnejhom stess.

Meta ftakru fir-​rebħiet li Jehovah ta lil ulied Iżrael qabel qasmu l-​Ġordan, huma żgur li għamlu l-​kuraġġ hekk kif kienu lesti biex jibdew jirbħu l-​artijiet fin-​naħa l-​oħra tax-​xmara. L-​art li kienu waslu biex jieħdu kienet mimlija idolatrija. Kemm kien xieraq li Mosè jagħti twissija iebsa kontra l-​qima lill-​idoli!

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

2:4-6, 9, 19, 24, 31-35; 3:1-6—L-​Iżraelin għala qerdu lil xi nies li kienu jgħixu fin-​naħa tal-​lvant tal-​Ġordan imma ħallew lil oħrajn ħajjin? Jehovah ikkmanda lill-​Iżraelin biex ma jitqabdux maʼ wlied Għesaw. Għala? Għax kienu n-​nisel taʼ ħu Ġakobb. L-​Iżraelin ma kellhomx idejqu l-​Mowabin u l-​Għammonin jew jiggwerraw kontrihom, għax dawn kienu dixxendenti taʼ Lot, in-​neputi t’Abraham. Madankollu, is-​Slaten Amurrin Siħon u Għog ma kinux jiġu mill-​Iżraelin, u għalhekk ma kellhomx dritt għall-​art li kienet f’idejhom. Għaldaqstant, meta Siħon irrifjuta li jħalli lill-​Iżraelin jgħaddu u Għog ġie biex jiggwerra kontra l-​Iżraelin, Jehovah ikkmanda lill-​Iżraelin biex jeqirdulhom il-​bliet u ma jħallu lil ħadd ħaj.

4:15-20, 23, 24—Il-​projbizzjoni li m’għandhomx isiru xbihat minquxa tfisser li hu ħażin li tagħmel xbieha t’oġġetti għal skopijiet artistiċi? Le. Il-​projbizzjoni hawnhekk kienet kontra li jsiru xbihat għall-​qima—kontra li ‘tinxteħet quddiem l-​idoli u tadurahom.’ L-​Iskrittura ma tgħidx li m’għandhomx isiru skulturi minquxin jew pitturi t’oġġetti għal skopijiet artistiċi.—1 Slaten 7:18, 25.

Lezzjonijiet Għalina:

1:2,19. Ulied Iżrael iġġerrew fid-​deżert għal xi 38 sena, avolja Kades-barnegħa kien biss “ħdax-il jum mixi ’l bogħod minn Ħoreb [l-inħawi muntanjużi madwar il-​Muntanja Sinaj fejn ngħataw l-​Għaxar Kmandamenti] . . . mit-​triq tal-​muntanja Xegħir.” Kemm ħallsu qares talli m’obdewx lil Alla Jehovah!—Numri 14:26-34.

1:16, 17. Illum Alla għadu juża l-​istess livelli fejn jidħol il-​ġudizzju. Dawk li jiġu fdati bir-​responsabbiltà li jaqdu f’kumitat ġudizzjarju m’għandhomx iħallu l-​favoritiżmu jew il-​biżaʼ mill-​bniedem jeffettwa l-​ġudizzju tagħhom.

4:9. Biex Iżrael jirnexxi kien essenzjali għalih li ‘ma jinsiex il-​ħwejjeġ li ra b’għajnejh.’ Hekk kif toqrob id-​dinja ġdida mwiegħda, huwa vitali li aħna wkoll inżommu quddiem għajnejna l-​għemejjel meraviljużi taʼ Jehovah billi nistudjaw il-​Kelma tiegħu bir-​reqqa.

ĦOBB LIL JEHOVAH, U OBDI L-​KMANDAMENTI TIEGĦU

(Dewteronomju 5:1–26:19)

Fit-​tieni taħdita tiegħu, Mosè jitkellem dwar meta ngħatat il-​Liġi ħdejn il-​Muntanja Sinaj u jerġaʼ jsemmi l-​Għaxar Kmandamenti. Sebat iġnus jissemmew b’mod speċifiku biex jiġu meqrudin kompletament. Ulied Iżrael jiġu mfakkrin dwar lezzjoni importanti li tgħallmu fid-​deżert: “Mhux bil-​ħobż biss jgħix il-​bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-​Mulej, b’dan jgħix il-​bniedem.” Fis-​sitwazzjoni l-​ġdida tagħhom, għandhom ‘iħarsu kull ma ordnalhom’ Jehovah.—Dewteronomju 8:3; 11:8.

Hekk kif jissetiljaw fl-​art tal-​wegħda, l-​Iżraelin se jkollhom bżonn liġijiet mhux biss rigward il-​qima imma wkoll dwar kif isir ġudizzju, dwar it-​tmexxija, il-​gwerer, u l-​ħajja soċjali u privata taʼ kuljum. Mosè jirrivedi dawn il-​liġijiet u jenfasizza l-​bżonn li wieħed iħobb lil Jehovah u jobdi l-​kmandamenti tiegħu.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

8:3, 4—Il-​ħwejjeġ taʼ l-​Iżraelin b’liema mod ma qdimux u saqajhom ma ntefħux waqt li kienu fid-​deżert? Dan kien provvediment mirakoluż, bħalma kienet ukoll il-​provvista regulari tal-​manna. L-​Iżraelin baqgħu jużaw l-​istess ħwejjeġ u żraben li kellhom fil-​bidu, x’aktarx billi għaddewhom lil oħrajn meta t-​tfal kibru u l-​kbar mietu. Peress li ż-​żewġ ċensimenti li saru fil-​bidu u fl-​aħħar tal-​ġiri tagħhom fid-​deżert urew li l-​għadd taʼ l-​Iżraelin baqaʼ l-​istess, l-​ammont taʼ lbies u żraben li kien hemm fil-​bidu kien biżżejjed.—Numri 2:32; 26:51.

14:21—Ladarba l-​Iżraelin ma setgħux jieklu annimal mejjet mhux skarnat, għala setgħu jagħtuh lill-​frustier jew ibigħuh lill-​barrani? Fil-​Bibbja, il-​kelma “frustier” setgħet tirreferi għal wieħed mhux Iżraeli li jkun sar proselit jew għal xi ħadd li jkun mar jgħix fil-​pajjiż u jobdi l-​liġijiet bażiċi tal-​post imma ma jadurax lil Jehovah. Barrani u frustier li ma kinux isiru proseliti setgħu jużaw annimali mejtin mhux skarnati b’diversi modi għax ma kinux taħt il-​Liġi. L-​Iżraelin setgħu jagħtuhom jew ibigħulhom dawn l-​annimali. Il-​proselit, mill-​banda l-​oħra, kien marbut bil-​patt tal-​Liġi. Bħalma jindika Levitiku 17:10, individwu bħal dan ma setax jiekol id-​demm t’annimal.

24:6—Li wieħed jieħu ‘b’rahan il-​ħaġra taʼ fuq jew il-​ħaġra taʼ taħt’ taʼ mitħna għala ġie mqabbel maʼ li jieħu “ħajja”? Il-​ħaġra taʼ fuq u taʼ taħt taʼ mitħna taʼ l-​idejn kienu jirrappreżentaw il-​“ħajja” taʼ persuna, jew il-​mezz t’għajxien tagħha. Jekk xi ħadd jieħu waħda minnhom kien se jċaħħad lill-​familja kollha mill-​ħobża taʼ kuljum.

25:9—Għala kien sinifikanti l-​fatt li jekk raġel ma kienx ikun irid jiżżewweġ lill-​armla taʼ ħuh, din kienet taqlagħlu l-​qorq u tobżoqlu f’wiċċu? “Dik il-​ħabta kienet id-​drawwa f’Iżrael, li meta wieħed kien jifdi . . . xi ħaġa, . . . kien jaqlaʼ l-​qorq u jagħtih lill-​ieħor.” (Rut 4:7) Għalhekk, meta armla kienet taqlaʼ l-​qorq taʼ ħu żewġha li ma kienx ikun irid jiżżewwiġha kienet tikkonferma li hu kien ċaħad il-​pożizzjoni u d-​dritt tiegħu li jipproduċi werriet għal ħuh il-​mejjet. Dan kien t’għajb. (Dewteronomju 25:10) Il-​fatt li kienet tobżoqlu f’wiċċu kien att taʼ umiljazzjoni.—Numri 12:14.

Lezzjonijiet Għalina:

6:6-9. Bħalma l-​Iżraelin ġew kmandati biex ikunu jafu l-​Liġi, aħna wkoll għandna nkunu nafu sew il-​kmandi t’Alla, inżommuhom quddiem għajnejna l-​ħin kollu, u nnaqqxuhom f’uliedna. Irridu ‘norbtuhom b’sinjal maʼ idna’ fis-​sens li l-​azzjonijiet tagħna—rappreżentati minn idejna—iridu juru li aħna ubbidjenti lejn Jehovah. U rridu ‘ndendluhom bejn għajnejna’ biex kulħadd ikun jistaʼ jara li aħna ubbidjenti.

6:16. Jalla qatt ma nġarrbu lil Jehovah bħalma għamlu l-​Iżraelin bla fidi f’Massa, fejn gemgmu minħabba n-​nuqqas taʼ ilma.—Eżodu 17:1-7.

8:11-18. Il-​materjaliżmu jistaʼ jġagħalna ninsew lil Jehovah.

9:4-6. Irridu noqogħdu għassa li ma naħsbux li aħna nies sewwa iktar minn ħaddieħor.

13:7 (13:6, NW). Ma rridu nħallu lil ħadd ibegħedna mill-​qima lil Jehovah.

14:1. Il-​fatt li wieħed jagħmel qtugħ fuq persuntu juri diżrispett għall-​ġisem uman, jistaʼ jkollu x’jaqsam mar-​reliġjon falza, u m’għandux isir. (1 Slaten 18:25-28) Minħabba t-​tama tagħna fl-​irxoxt ma jkunx xieraq li nesprimu n-​niket tagħna għall-​mewt taʼ xi ħadd b’dan il-​mod tant estrem.

20:5-7; 24:5. Għandha tintwera konsiderazzjoni lejn dawk b’ċirkustanzi speċjali, anki meta dak li tkun trid tagħmel ikun importanti.

22:23-27. Meta mara tkun fil-​periklu li tiġi stuprata, waħda mill-​aħjar affarijiet li tistaʼ tagħmel biex tiddefendi ruħha hi li tgħajjat.

“AGĦŻEL IL-​ĦAJJA”

(Dewteronomju 27:1–34:12)

Fit-​tielet taħdita tiegħu, Mosè jgħid li kif jaqsmu l-​Ġordan, l-​Iżraelin għandhom jiktbu l-​Liġi fuq ġebel kbir u jlissnu s-​saħtiet għad-​diżubbidjenza u l-​barkiet għall-​ubbidjenza. Ir-​rabaʼ taħdita tiftaħ bit-​tiġdid tal-​patt bejn Jehovah u Iżrael. Mosè jerġaʼ jwissi kontra d-​diżubbidjenza u jħeġġeġ lin-​nies biex ‘jagħżlu l-​ħajja.’—Dewteronomju 30:19.

Minbarra l-​erbaʼ taħditiet li ta, Mosè jiddiskuti l-​bidla fit-​tmexxija u jgħallem lill-​Iżraelin għanja sabiħa li tfaħħar lil Jehovah u twissi dwar il-​gwaj li jirriżulta min-​nuqqas taʼ fedeltà. Wara li jbierek lit-​tribujiet, Mosè jmut fl-​età taʼ 120 sena u jindifen. Il-​vistu jdum 30 jum, kważi nofs iż-​żmien li jkopri l-​ktieb tad-​Dewteronomju.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

32:13, 14—Peress li l-​Iżraelin ma kellhomx jieklu x-​xaħam, x’kien ifisser il-​fatt li jieklu x-​“xaħam taʼ l-​iħrief” (Saydon)? L-​espressjoni hawnhekk tintuża b’mod figurattiv u tindika l-​aħjar tal-​merħla. Fil-​vers jidher ċar li qed jintuża l-​istil poetiku għax fih jissemma wkoll “demm il-​għeneb.”

33:1-29—Simgħon għala ma ssemmiex b’mod speċifiku fil-​barka li biha Mosè bierek lil ulied Iżrael? Dan kien minħabba li Simgħon kif ukoll Levi aġixxew b’“kefrija,” u l-​għadab tagħhom kien “qalil.” (Ġenesi 34:13-31; 49:5-7) Il-​wirt tagħhom ma kienx eżatt l-​istess bħal dak tat-​tribujiet l-​oħrajn. Levi rċieva 48 belt, u sehem Simgħon kien fit-​territorju taʼ Ġuda. (Ġożwè 19:9; 21:41, 42) Għaldaqstant, Mosè ma birikx speċifikament lil Simgħon. Madankollu, Simgħon ħa l-​barka meta Iżrael ġie mbierek b’mod ġenerali.

Lezzjonijiet Għalina:

31:12. Iż-​żgħar għandhom joqogħdu bil-​qiegħda ħdejn il-​kbar fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u jagħmlu ħilithom biex jisimgħu u jitgħallmu.

32:4. Għemil Jehovah huwa kollu perfett fis-​sens li hu jesprimi l-​attributi tal-​ġustizzja, l-​għerf, l-​imħabba, u l-​qawwa f’bilanċ perfett.

Taʼ Siwi Kbir Għalina

Dewteronomju jippreżenta lil Jehovah bħala “l-​Mulej waħdu.” (Dewteronomju 6:4) Huwa ktieb dwar poplu b’relazzjoni unika m’Alla. Il-​ktieb tad-​Dewteronomju jwissi wkoll kontra l-​idolatrija u jenfasizza l-​bżonn li nagħtu devozzjoni esklużiva lill-​Alla veru.

Żgur li Dewteronomju huwa taʼ siwi kbir għalina! Għalkemm m’aħniex taħt il-​Liġi, nistgħu nitgħallmu ħafna affarijiet minnha li se jgħinuna ‘nħobbu lil Jehovah Alla tagħna b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, u b’saħħitna kollha.’—Dewteronomju 6:5.

[Nota taʼ taħt]

a L-aħħar kapitlu, li fih ir-​rakkont taʼ meta miet Mosè, setaʼ ġie miżjud minn Ġożwè jew mill-​Qassis il-​Kbir Elgħażar.

[Mappa f’paġna 24]

XEGĦIR

Kades- barnegħa

Muntanja Sinaj (Ħoreb)

Baħar l-​Aħmar

[Sors]

Based on maps copyrighted by Pictorial Archive (Near Eastern History) Est. and Survey of Israel

[Stampa f’paġna 24]

Kważi l-​ktieb kollu tad-​Dewteronomju huwa magħmul mit-​taħditiet taʼ Mosè

[Stampa f’paġna 26]

Il-​provvediment tal-​manna minn Jehovah x’lezzjoni jgħallimna?

[Stampa f’paġna 26]

Li wieħed jieħu b’rahan il-​ħaġra taʼ fuq jew il-​ħaġra taʼ taħt taʼ mitħna ġie mqabbel maʼ li jieħu “ħajja”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja