LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 2/1 pp. 28-31
  • Qiegħda l-Verità Tagħmel il-Frott f’Dawk li Tgħallem Int?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qiegħda l-Verità Tagħmel il-Frott f’Dawk li Tgħallem Int?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Verità Trid Tilħaq il-​Qalb
  • Tgħallem minn Ġesù
  • Noħorġu Dak li Hemm fil-​Qalb
  • Ħalli l-​Verità Taħdem Fik
  • Kien Leali Minkejja l-Provi
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Kompli Aqdi lil Ġeħova, bħal Pietru
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Għin lil Oħrajn Jobdu Dak li Tgħallem il-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Hu Tgħallem mis-Sid X’Inhi l-Maħfra
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 2/1 pp. 28-31

Qiegħda l-​Verità Tagħmel il-​Frott f’Dawk li Tgħallem Int?

META ż-​żagħżugħ Eric qal lill-​ġenituri tiegħu li ma riedx jibqaʼ jissejjaħ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, il-​ġenituri tiegħu kienu qalbhom maqsuma. Huma ma kienu indunaw bl-​ebda bidla f’Eric. Meta kien għadu żgħir, hu kien jieħu sehem fl-​istudju tal-​Bibbja tal-​familja, kien jattendi l-​laqgħat Kristjani, u kien jieħu sehem mal-​kongregazzjoni fix-​xogħol tax-​xandir. Hu kien jidher li kien fil-​verità, biex ngħidu hekk. Imma issa li kien telaq mid-​dar, il-​ġenituri tiegħu rrealizzaw li l-​verità tal-​Bibbja ma kinitx fih. Dan ġagħalhom iħossuhom ixxokkjati u diżappuntati.

Oħrajn ħassew l-​istess sentimenti taʼ telfa meta xi student tal-​Bibbja waqaf jistudja bla mistenni. F’mumenti bħal dawn, ħafna jistaqsu lilhom infushom, ‘Għala ma indunajtx li kien se jiġri dan?’ Huwa possibbli nindunaw jekk il-​verità tkunx qed tagħmel il-​frott f’dawk li nkunu qed ngħallmu, qabel ma jseħħ xi diżastru spiritwali? Għal dan l-​għan, kif nistgħu nkunu ċerti li l-​verità qed taħdem fina kif ukoll f’dawk li ngħallmu? Fil-​parabbola famuża tar-​raġel li ħareġ jiżraʼ, Ġesù tana ħjiel taʼ x’inhi t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija.

Il-​Verità Trid Tilħaq il-​Qalb

“Iż-​żerriegħa hi l-​kelma t’Alla,” qal Ġesù. “Rigward dawk li waqgħu f’ħamrija tajba, dawn huma dawk li, wara li jisimgħu l-​kelma b’qalb nobbli u tajba, iżommuha u jagħtu l-​frott bis-​sabar.” (Luqa 8:​11, 15) Għalhekk, qabel ma l-​verità tas-​Saltna tkun tistaʼ tipproduċi xi riżultati fl-​istudenti tagħna, l-​ewwel trid trabbi l-​għeruq fil-​qalb figurattiva tagħhom. Ġesù assigurana li bħal żerriegħa tajba f’ħamrija tajba, hekk kif il-​verità divina tmiss qalb tajba, din mill-​ewwel tibda taħdem u tagħmel il-​frott. X’għandna nfittxu?

Irridu nagħtu importanza lill-​kwalitajiet tal-​qalb u mhux id-​dehra taʼ barra. Il-​fatt li l-​qima tkun parti mir-​rutina taʼ dak li jkun mhux dejjem juri xi jkun hemm f’qalbu. (Ġeremija 17:​9, 10; Mattew 15:​7-9) Irridu nħarsu iktar fil-​fond. Għandha ssir bidla ċara fix-​xewqat, il-​motivi, u l-​prijoritajiet taʼ dak li jkun. L-​individwu għandu jkun qed jiżviluppa l-​personalità l-​ġdida li hi fi qbil mar-​rieda t’Alla. (Efesin 4:​20-24) Sabiex inġibu eżempju: Meta t-​Tessalonikin semgħu l-​aħbar tajba, Pawlu qal li huma kienu aċċettawha minn qalbhom bħala l-​kelma t’Alla. Imma kienu s-​sabar, il-​fedeltà, u l-​imħabba li wrew wara dan li kkonfermawlu li l-​verità kienet “qed taħdem ukoll [fihom].”—1 Tessalonikin 2:​13, 14; 3:6.

M’għandniex xi ngħidu, dak li hemm f’qalb l-​istudent se jinkixef xi darba jew oħra bl-​aġir tiegħu, bħalma ġara fil-​każ taʼ Eric. (Marku 7:​21, 22; Ġakbu 1:​14, 15) Sfortunatament, sakemm xi karatteristiċi ħżiena jibdew jidhru sew fl-​imġiba taʼ dak li jkun, jistaʼ jkun tard wisq. Mela, l-​isfida hi li tipprova tidentifika d-​dgħjufijiet partikulari qabel isiru tfixkil għall-​ispiritwalità. Għandna bżonn insibu mod kif inħarsu fil-​qalb figurattiva. Kif nistgħu nagħmlu dan?

Tgħallem minn Ġesù

M’għandniex xi ngħidu, Ġesù kien kapaċi jaqra l-​qlub mingħajr ma jiżbalja. (Mattew 12:25) Ħadd minna ma jistaʼ jagħmel dan. Madankollu, hu wriena li aħna wkoll nistgħu nagħrfu x’inhuma x-​xewqat, il-​motivi, u l-​prijoritajiet taʼ individwu. Bħalma tabib kwalifikat juża diversi tekniki dijanjostiċi sabiex ikun jistaʼ jara x’hemm ħażin f’qalb fiżika taʼ pazjent, Ġesù uża l-​Kelma t’Alla sabiex ‘joħroġ’ u jikxef “il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb,” saħansitra anki meta jkunu għadhom ma ġewx notati min-​nies in ġenerali.—Proverbji 20:5; Ebrej 4:12.

Per eżempju, f’okkażjoni minnhom Ġesù għen lil Pietru jintebaħ bi dgħjufija li iktar tard fixklitu. Ġesù kien jaf li Pietru kien iħobbu. Fil-​fatt, Ġesù kien għadu kif fada lil Pietru bl-​“imfietaħ tas-​saltna tas-​smewwiet.” (Mattew 16:​13-19) Madankollu, Ġesù kien jaf ukoll li l-​appostli kienu l-​mira taʼ Satana. Fil-​ġranet taʼ wara, huma kellhom jiffaċċjaw pressjoni qawwija sabiex jagħmlu kompromess. Ġesù milli jidher għaraf li xi wħud mid-​dixxipli tiegħu kellhom dgħjufijiet fil-​fidi tagħhom. Għalhekk, ma qagħadx lura milli jgħidilhom fuq xiex kellhom jaħdmu. Innota kif qajjem dan f’diskussjoni.

Mattew 16:21 jgħid: “Minn dakinhar ’il quddiem Ġesù Kristu beda juri lid-​dixxipli tiegħu li kellu . . . jsofri . . . u li kellu jiġi maqtul.” Innota li Ġesù wriehom, mhux biss qalilhom, dak li kellu jiġri. Wisq probabbli hu uża versi tal-​Bibbja, bħal Salm 22:​15-19 (22:​14-18, NW) jew Isaija 53:​10-12, li jindikaw li l-​Messija kellu jsofri u jmut. Kien x’kien il-​każ, billi qara jew ikkwota direttament mill-​Iskrittura, Ġesù ta lil Pietru u lill-​oħrajn l-​opportunità biex iwieġbu minn qalbhom. Kif kienu se jirreaġixxu għall-​fatt li kellhom quddiemhom il-​prospett li jiġu persegwitati?

B’sorpriża, minkejja li Pietru kien wera li hu kuraġġuż u żeluż, it-​tweġiba li ta bla ma ħasibha sew f’din l-​okkażjoni kixfet nuqqas serju fil-​mod kif kien jirraġuna. “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej,” qallu, “żgur li mhux se jiġrilek dan.” Jidher ċar li l-​mod kif kien jaħseb Pietru kien żbaljat, għax kif wera Ġesù, Pietru ma kellux “il-​ħsibijiet t’Alla imma tal-​bnedmin”​—nuqqas serju li setaʼ jwassal għal konsegwenzi traġiċi. Mela Ġesù x’għamel imbagħad? Wara li ċanfar lil Pietru, Ġesù qal lilu u lill-​kumplament tad-​dixxipli: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-​zokk tat-​tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja.” Billi uża l-​ħsibijiet misjubin f’Salm 49:9 (49:​8, NW) u 62:13 (62:​12, NW), hu fakkarhom bil-​ħlewwa li l-​prospett tagħhom taʼ ħajja taʼ dejjem ma kienx jiddependi mill-​bnedmin, li ma jistgħu jipprovdu l-​ebda salvazzjoni, imma minn Alla.​—Mattew 16:​22-​28.

Għalkemm għal ftit ħin Pietru iktar tard ċeda għall-​biżaʼ mill-​bniedem u ċaħad lil Ġesù tliet darbiet, din id-​diskussjoni u oħrajn bla ebda dubju għenuh jipprepara lilu nnifsu ħalli jirkupra malajr spiritwalment. (Ġwanni 21:​15-19) Ħamsin jum biss wara, Pietru b’kuraġġ qam bil-​wieqfa quddiem folol sħaħ f’Ġerusalemm sabiex jagħti xiehda dwar il-​qawmien taʼ Ġesù mill-​mewt. Fil-​ġimgħat, ix-​xhur, u s-​snin taʼ wara, hu b’kuraġġ iffaċċja arresti, swat, u ntefaʼ l-​ħabs għal ħafna drabi, u b’dan ta eżempju mill-​aqwa taʼ kif għandha tkun integrità bla biżaʼ.​—Atti 2:​14-36; 4:​18-21; 5:​29-32, 40-42; 12:​3-5.

X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Tistaʼ tara x’għamel Ġesù biex joħroġ u jikxef x’kellu f’qalbu Pietru? L-​ewwel, hu għażel skritturi addattati sabiex ikun jistaʼ jiffoka l-​attenzjoni taʼ Pietru lejn il-​kwistjoni speċifika involuta. Imbagħad, hu ta lil Pietru opportunità biex jirreaġixxi minn qalbu. Fl-​aħħar, hu pprovda iktar pariri Skritturali sabiex jgħin lil Pietru jaġġusta l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tiegħu. Int għandek mnejn taħseb li m’intix kapaċi biżżejjed biex tieħu sehem f’dan il-​livell taʼ tagħlim, imma ejja nikkunsidraw żewġ esperjenzi li juru kif il-​preparazzjoni u l-​fatt li nistrieħu fuq Ġeħova jistgħu jgħinuna nimxu fuq l-​eżempju taʼ Ġesù.

Noħorġu Dak li Hemm fil-​Qalb

Meta missier Kristjan sar jaf li ż-​żewġ uliedu subien taʼ sitt u sebaʼ snin ħadu xi ħelu minn fuq il-​mejda taʼ l-​għalliema, hu poġġa bil-​qiegħda u qagħad jirraġuna magħhom. Minflok ma kkunsidra dan l-​aġir bħala li m’hu xejn, sempliċement logħob tat-​tfal, il-​missier jirrakkonta, “Ipprovajt noħroġ minn qalbhom dak li ġagħalhom jagħmlu din il-​ħaġa ħażina.”

Il-missier staqsa lis-​subien sabiex jiftakru f’dak li ġara lil Għakan, bħalma nsibu f’Ġożwè kapitlu 7. Is-​subien malajr fehmu l-​punt u ammettew x’kienu għamlu. Il-​kuxjenza tagħhom diġà kienet bdiet tniggiżhom. Għalhekk, il-​missier qalilhom biex jaqraw Efesin 4:​28, li jgħid: “Min kien jisraq ħa ma jisraqx iktar, imma minflok ħa jaħdem iebes . . . biex ikollu xi ħaġa x’jagħti lil min hu fil-​bżonn.” Billi l-​missier ġagħal lit-​tfal ipattu għal dak li għamlu billi jixtru l-​ħelu u jagħtuh lill-​għalliema, hu saħaq fuq il-​parir Skritturali.

“Konna nipprovaw inneħħu għalkollox il-​motivi ħżiena meta konna nindunaw bihom,” qal il-​missier, “u minflokhom inpoġġu motivi tajbin u puri billi nirraġunaw mat-​tfal.” Billi imitaw lil Ġesù meta għallmu lil uliedhom, maż-​żmien dawn il-​ġenituri kellhom riżultati mill-​aqwa. Eventwalment, uliedhom it-​tnejn ġew mistidnin isiru membri taʼ l-​istaff tal-​kwartieri ġenerali fil-​Betel taʼ Brooklyn, fejn wieħed minnhom għadu jaqdi sa llum, 25 sena wara.

Ikkunsidra kif Kristjana oħra setgħet tgħin lil studenta tal-​Bibbja. L-​istudenta kienet qed tattendi l-​laqgħat u tieħu sehem fil-​ministeru, u kienet diġà wriet ix-​xewqa li titgħammed. Imma hi dehret li kienet qed tistrieħ wisq fuqha nfisha minflok fuq Ġeħova. “Bħala mara waħedha, hi saret iktar indipendenti milli kienet taħseb,” tiftakar ix-​Xhud. “Bdejt nibżaʼ li se tasal f’punt fejn se tegħja fiżikament jew spiritwalment.”

Ix-Xhud ħadet l-​inizjattiva sabiex tirraġuna maʼ l-​istudenta fuq Mattew 6:​33, u inkuraġġietha biex taġġusta l-​prijoritajiet tagħha, tpoġġi s-​Saltna l-​ewwel, u tafda f’Ġeħova biex jieħu ħsieb l-​affarijiet għall-​aħjar. Hi staqsietha b’mod ċar: “Il-​fatt li tgħix waħdek jagħmilhielek diffiċli biex tistrieħ fuq oħrajn, saħansitra fuq Ġeħova?” L-​istudenta ammettiet li kienet kważi waqfet titlob. Il-​pubblikatriċi mbagħad inkuraġġietha sabiex tieħu l-​parir li nsibu f’Salm 55:22 (Karm Żammit) u tqiegħed it-​tagħbija tagħha fuq Ġeħova għax, kif jassigurana l-​1 Pietru 5:​7, ‘hu jimpurtah minna.’ Dan il-​kliem messilha qalbha. Ix-​Xhud tgħid, “Dik kienet waħda mill-​ftit drabi li rajtha tibki.”

Ħalli l-​Verità Taħdem Fik

Il-​fatt li naraw lil dawk li ngħallmu jirrispondu favorevolment għall-​verità tal-​Bibbja jġibilna ħafna ferħ. Però, jekk irridu li l-​isforzi tagħna jkollhom suċċess irridu nagħtu eżempju tajjeb aħna nfusna. (Ġuda 22, 23) Ilkoll kemm aħna rridu ‘nibqgħu nwettqu s-​salvazzjoni tagħna bil-​biżaʼ u t-​tregħid.’ (Filippin 2:12) Dan jinkludi li nħallu d-​dawl taʼ l-​Iskrittura jiddi regolarment fi qlubna, billi nfittxu għal attitudnijiet, xewqat, u affezzjonijiet li għandhom mnejn ikollhom bżonn jiġu aġġustati.—2 Pietru 1:19.

Per eżempju, naqas xi ftit iż-​żelu tiegħek għall-​attivitajiet Kristjani dan l-​aħħar? Jekk iva, għala? Raġuni waħda tistaʼ tkun li qed tistrieħ wisq fuqek innifsek. Kif tistaʼ tkun taf jekk dan huwiex minnu? Aqra Ħaggaj 1:​2-11, u irrifletti bis-​sinċerità fuq il-​mod kif Ġeħova rraġuna mal-​Lhud li kienu reġgħu marru f’art twelidhom. Imbagħad staqsi lilek innifsek: ‘Jien nitħasseb iżżejjed dwar is-​sigurtà finanzjarja u l-​kumditajiet materjali? Għandi verament fiduċja li Ġeħova se jieħu ħsieb il-​familja tiegħi jekk nagħti prijorità lill-​affarijiet spiritwali? Jew inħoss li rrid nieħu ħsieb l-​affarijiet tiegħi l-​ewwel?’ Jekk għandek bżonn tagħmel aġġustamenti fil-​mod kif taħseb jew kif tħossok, toqgħodx lura milli tagħmel dan. Pariri Skritturali, bħalma nsibu f’Mattew 6:​25-33, Luqa 12:​13-21, u l-​1 Timotju 6:​6-12, jipprovdu l-​bażi biex ikollna ħarsa bilanċjata lejn il-​bżonnijiet materjali u l-​affarijiet li nippossiedu, ħarsa li permezz tagħha jkollna l-​barka li ma taqtaʼ qatt taʼ Ġeħova.—Malakija 3:10.

Dan it-​tip t’eżami onest tiegħek innifsek jistaʼ jġagħlek tidħol f’qoxortok. Jistaʼ jkun diffiċli emozzjonalment li tammetti li għandek ċertu dgħjufijiet. Madankollu, meta tieħu l-​inizjattiva bl-​imħabba biex tgħin lil uliedek, l-​istudenti tal-​Bibbja tiegħek, jew saħansitra lilek innifsek​—tkun kemm tkun persunali jew sensittiva l-​kwistjoni—int għandek mnejn tkun qed tieħu l-​ewwel pass biex issalvalhom ħajjithom jew ħajtek stess.​—Galatin 6:1.

Imma xi ngħidu jekk l-​isforzi tiegħek jidhru li m’huma qed jagħtu ebda riżultat tajjeb? Taqtax qalbek malajr. Ix-​xogħol taʼ li taġġusta qalb imperfetta jistaʼ jkun delikat, jieħu l-​ħin, u kultant ikun anki frustranti. Imma jistaʼ wkoll ikun premjanti.

Iż-żagħżugħ Eric, li semmejna fil-​bidu, eventwalment ġie f’sensih u reġaʼ beda ‘miexi fil-​verità.’ (2 Ġwanni 4) “Kien biss meta rrealizzajt xi tlift li dort lejn Ġeħova,” jgħid hu. Bl-​għajnuna tal-​ġenituri tiegħu, Eric issa qed jaqdi lil Alla lealment. Għalkemm xi darba ma kienx jaħmel l-​isforzi ripetuti li l-​ġenituri tiegħu għamlu biex ifittxu x’kellu f’qalbu, issa hu japprezza dak li għamlu. “Il-​ġenituri tiegħi huma taʼ l-​għaġeb,” jgħid hu. “Qatt ma waqfu jħobbuni.”

Li nħallu d-​dawl tal-​Kelma t’Alla jiddi fi qlub dawk li ngħallmu huwa turija taʼ qalb tajba bl-​imħabba. (Salm 141:5) Ibqaʼ fittex f’qalb uliedek u l-​istudenti tal-​Bibbja tiegħek għal evidenza li l-​personalità Kristjana l-​ġdida qed taħdem fihom. Ħalli l-​verità tibqaʼ taħdem f’ħaddieħor u fik billi “timmaniġġa sew il-​kelma tal-​verità.”—2 Timotju 2:15.

[Stampa f’paġna 29]

Il-​kliem taʼ Ġesù kixef id-​dgħjufija f’Pietru

[Stampa f’paġna 31]

Uża l-​Bibbja biex toħroġ x’hemm fil-​qalb

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja