LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 6/1 pp. 24-28
  • “Il-Ħajja t’Issa”—Kif Tgawdiha bis-Sħiħ!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Il-Ħajja t’Issa”—Kif Tgawdiha bis-Sħiħ!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nidħol fis-​Servizz Full-Time
  • L-​Isfida tan-​Newtralità
  • Bidliet fis-​Snin taʼ Wara l-​Gwerra
  • Lejn is-​Servizz Missjunarju
  • Naddattaw Ruħna għall-​Bidliet
  • Nerġgħu Mmorru Xi Mkien Ieħor
  • Nuru Gratitudni Lejn Jehovah—Permezz tas-Servizz Full-time!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Imsaħħaħ mill-Fratellanza Tagħna mad-Dinja Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Ġeħova ‘Ddrittali Triqati’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Insir “kollox għal nies taʼ kull xorta”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 6/1 pp. 24-28

Bijografija

“Il-​Ħajja t’Issa”—Kif Tgawdiha bis-​Sħiħ!

KIF RAKKONTATA MINN TED BUCKINGHAM

Kont ili sitt snin naqdi bħala ministru full-time u miżżewweġ għal sitt xhur meta f’daqqa waħda mradt bil-​poljomelite. Kienet is-​sena 1950, u kelli biss 24 sena. Peress li qattajt disaʼ xhur l-​isptar kelli ħafna ċans biex nimmedita dwar ħajti. Bid-​diżabilitajiet il-​ġodda tiegħi, x’futur kien se jkollna jien u marti, Joyce?

FL-​1938 missieri, li qatt ma kien raġel reliġjuż, kiseb kopja tal-​ktieb Government.a Probabbilment kienu t-​taqlib politiku u lprospett tal-​gwerra li qanqluh biex jikseb dan il-​ktieb. Safejn naf jien, qatt ma qrah, imma qratu ommi li kienet mara tassew reliġjuża. Hi mill-​ewwel irreaġixxiet għall-​messaġġ tiegħu. Telqet il-​Knisja taʼ l-​Ingilterra u, minkejja l-​oppożizzjoni minn missieri, saret Xhud leali taʼ Ġeħova u baqgħet sakemm mietet fl-​1990.

Ommi ħaditni għall-​ewwel laqgħa Kristjana tiegħi f’Sala tas-​Saltna qrib Epsom, in-​naħa t’isfel taʼ Londra. Il-​kongregazzjoni kienet tiltaqaʼ f’post li qabel kien ħanut, u smajna rikording taʼ taħdita minn J. F. Rutherford, li kien jindokra x-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’dak iż-​żmien. Dan ħalla impressjoni qawwija fuqi.

L-ibbombardjar qawwi waqt attakk Ġermaniż mill-​ajru fuq Londra ppreżentalna perikli akbar. Allura, fl-​1940, missieri ddeċieda li jieħu lill-​familja f’post inqas perikoluż—Maidenhead, raħal ċkejken li jinsab 45 kilometru fil-​punent taʼ Londra. Dan sewa taʼ ġid, għaliex it-​30 membru tal-​kongregazzjoni f’dan il-​post kienu tassew sors taʼ inkuraġġiment mill-​aqwa. Fred Smith, ħu taʼ saħħa spiritwali li ma bħalha u li tgħammed fl-​1917, ħa interess persunali fija u ħarriġni biex insir predikatur iktar effettiv. Għadni sa llum grat ferm għall-​eżempju tiegħu u għall-​għajnuna li tani bl-​imħabba.

Nidħol fis-​Servizz Full-Time

Fl-​1941, taʼ 15-il sena, tgħammidt fix-​xmara Thames f’ġurnata kiesħa taʼ Marzu. Sa dak iż-​żmien, ħija l-​kbir, Jim, kien beda jaqdi bħala evanġelizzatur full-time. Illum, hu u martu, Madge, jgħixu f’Birmingham, wara li qattgħu ħajjithom fis-​servizz taʼ Ġeħova f’inkarigi tas-​circuit u tad-​distrett madwar il-​Britannja. Oħti ż-​żgħira Robina, u żewġha Frank, ukoll għadhom jaqdu lil Ġeħova lealment.

Jien kont naħdem bħala skrivan taʼ wieħed li jagħmel il-​ħwejjeġ. Darba minnhom id-​direttur sejjaħli fl-​uffiċċju tiegħu biex joffrili l-​prospett taʼ karriera promettenti li tinvolvi x-​xiri taʼ l-​affarijiet għall-​kumpanija. Però, jien kont ili naħsibha għal xi żmien jekk insegwix l-​eżempju taʼ ħija, allura bl-​edukazzjoni kollha ċħadt l-​offerta tas-​sid, waqt li spjegajtlu għala. B’sorpriża għalija, hu faħħarni minn qalbu talli ridt nistinka għal din l-​attività Kristjana taʼ valur. Allura, wara l-​konvenzjoni distrettwali f’Northampton fl-​1944, jien sirt evanġelizzatur full-time.

L-ewwel inkarigu tiegħi kien f’Exeter, fil-​kontea taʼ Devon. Dak iż-​żmien din il-​belt kienet qed tirkupra mill-​ibbombardjar tal-​gwerra. Kont ngħix f’appartament fejn kienu joqogħdu żewġ pijunieri, Frank u Ruth Middleton, li kienu verament qalbhom tajba miegħi. Kont għadni kemm għalaqt 18-il sena, bi ftit li xejn esperjenza fil-​ħasil tal-​ħwejjeġ u t-​tisjir, imma l-​affarijiet marru għall-​aħjar hekk kif bdejt nitħarreġ fihom.

Dak li kien jakkumpanjani fl-​ippridkar kien Victor Gurd, raġel Irlandiż taʼ 50 sena li kien ilu jippriedka mis-​snin 20. Hu għallimni kif inqassam il-​ħin tiegħi b’mod vantaġġuż, niżviluppa interess iktar profond fil-​qari tal-​Bibbja, u napprezza l-​valur taʼ diversi traduzzjonijiet tal-​Bibbja. Matul dawn is-​snin importanti li fformawli l-​karattru, l-​eżempju sod taʼ Victor kien eżatt dak li kelli bżonn.

L-​Isfida tan-​Newtralità

Il-​gwerra kienet waslet biex tispiċċa, imma l-​awtoritajiet kienu għadhom qed ifittxu rġiel żgħażagħ għas-​servizz militari. Fl-​1943, jien kont dhert quddiem tribunal f’Maidenhead, fejn għedt ċar u tond għala kelli niġi eżentat bħala ministru taʼ l-​Evanġelju. Għalkemm l-​appell tiegħi ġie rifjutat, jien iddeċidejt li mmur Exeter biex nibda l-​inkarigu tiegħi. Allura, kien f’Exeter li maż-​żmien intlabt nidher quddiem il-​qorti lokali. Wara li qatagħli s-​sentenza taʼ sitt xhur xogħol iebes fil-​ħabs, il-​maġistrat qalli li ddispjaċieh li ma setax jaqfilni għal iktar żmien. Wara li għamilt dawk is-​sitt xhur, erġajt intbgħatt il-​ħabs għal erbaʼ xhur oħra.

Peress li kont l-​uniku Xhud fil-​ħabs, il-​gwardjani kienu jsejħuli Ġeħova. Kont inħossni daqsxejn stramb inwieġeb għar-​rassenja meta jsejħuli b’dak l-​isem, għaliex hekk kien meħtieġ, imma xi privileġġ kien li tismaʼ l-​isem t’Alla mħabbar jum wara l-​ieħor! Dan wera lill-​ħabsin li kien minħabba l-​kuxjenza tiegħi bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova li ntbgħatt fosthom. Iktar tard, Norman Castro ntbagħat fl-​istess ħabs, u l-​isem inbidel. Issa sirna Mosè u Aron.

Jien intbgħatt minn Exeter għal Bristol u fl-​aħħar fil-​ħabs taʼ Winchester. Il-​kundizzjonijiet ma kinux dejjem pjaċevoli, imma l-​umoriżmu kien t’għajnuna biex inkampa. Jien u Norman kellna l-​pjaċir nosservaw it-​Tifkira flimkien meta konna Winchester. Francis Cooke, li żarna fil-​ħabs, tana taħdita mill-​aqwa.

Bidliet fis-​Snin taʼ Wara l-​Gwerra

Fil-​konvenzjoni taʼ Bristol fl-​1946, meta ħareġ il-​ktieb bħala għajnuna għall-​istudju tal-​Bibbja “Let God Be True,” iltqajt maʼ tfajla ħelwa, Joyce Moore, li wkoll kienet taqdi bħala pijuniera f’Devon. Il-​ħbiberija tagħna fjorixxiet, u żewwiġna erbaʼ snin wara f’Tiverton, fejn kont ili ngħix mill-​1947. Darna kienet kamra mikrija bi 15-il xelin (50 ċenteżmu) fil-​ġimgħa. Konna ngħixu tassew ferħanin!

Matul l-​ewwel sena taż-​żwieġ tagħna, għamilna ċaqliqa oħra li ħaditna fi Brixham, raħal li fih port sabiħ fejn bdiet it-​teknika tas-​sajd bit-​tartarun. Però, ftit wara li morna hemm laqtitni l-​poljo waqt li kont qed nivvjaġġa għall-​konvenzjoni lejn Londra. Waqajt f’koma. Imbagħad ħriġt mill-​isptar—wara disaʼ xhur, kif semmejt qabel. Idi l-​leminija u saqajja t-​tnejn ġew effettwati bl-​ikrah sa llum il-​ġurnata, u biex nimxi kelli nuża bastun. L-​għażiża marti kienet is-​sieħba dejjem ferriħija tiegħi u sors taʼ inkuraġġiment, speċjalment minħabba li rnexxielha tibqaʼ fil-​ministeru full-time. Imma x’konna se nagħmlu issa? Malajr kont se ninduna kemm id Ġeħova ma tiqsarx.

Is-sena taʼ wara attendejna assemblea f’Wimbledon, Londra. Sa dan iż-​żmien kont bdejt nimxi mingħajr il-​bastun. Hemmhekk iltqajna maʼ Pryce Hughes, li kien qed jindokra x-​xogħol fil-​Britannja. Hu mill-​ewwel qalli: “Ara min hawn! Irriduk fix-​xogħol tas-​circuit!” Ma setax tani inkuraġġiment aqwa! Kont b’saħħti biżżejjed? Jien u Joyce, it-​tnejn konna mħassbin dwar dan, imma wara li ngħatajna ġimgħa taħriġ u b’fiduċja sħiħa f’Ġeħova rġajna fi triqitna lejn il-​lbiċ taʼ l-​Ingilterra fejn ġejt inkarigat naqdi bħala indokratur tas-​circuit. Sa dak iż-​żmien kelli biss 25 sena, imma għadni niftakar b’apprezzament kbir il-​qalb tajba u l-​paċenzja taʼ dawk ix-​Xhieda li tant kienu t’għajnuna għalija.

Mill-oqsma differenti kollha taʼ l-​attività teokratika tagħna, jien u Joyce sibna li ż-​żjajjar lill-​kongregazzjonijiet kienu l-​iktar li ressquna qrib ħutna l-​Kristjani. Ma kellniex karozza, u allura vvjaġġajna jew bil-​ferrovija jew b’tal-linja. Għalkemm kont għadni qed nidra r-​restrizzjonijiet li ġabitli l-​marda tiegħi, gawdejna l-​privileġġi tagħna sa l-​1957. Kienet ħajja sodisfaċenti, imma dik is-​sena ffaċċjajna sfida oħra.

Lejn is-​Servizz Missjunarju

Tgħidx kemm fraħna meta rċivejna l-​istedina biex nattendu t-​30 klassi taʼ Gilgħad! Kont qed inkampa sew mal-​paralisi tiegħi, u allura jien u Joyce minn qalbna aċċettajna din is-​sejħa. Mill-​esperjenza, konna nafu li Ġeħova dejjem jipprovdi s-​saħħa jekk infittxu li nagħmlu r-​rieda tiegħu. Il-​ħames xhur taʼ taħriġ intensiv fl-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), fil-​post mill-​isbaħ taʼ South Lansing, New York, l-​Istati Uniti, għaddew malajr. Il-​maġġuranza taʼ l-​istudenti kienu koppji miżżewġin li jaqdu fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar. Meta lill-​klassi saritilha l-​mistoqsija jekk kienx hemm min irid joffri ruħu għall-​qasam missjunarju f’pajjiż taʼ lingwa differenti, aħna konna fost dawk li offrew ruħhom mill-​ewwel. Fejn konna se mmorru? L-​Uganda, fil-​Lvant taʼ l-​Afrika!

Peress li dak iż-​żmien ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova kien projbit fl-​Uganda, ngħatajt il-​parir li nissetilja fil-​pajjiż u nsib xogħol sekulari. Wara vjaġġ twil bil-​ferrovija u l-​vapur, wasalna Kampala, fl-​Uganda. L-​uffiċjali taʼ l-​imigrazzjoni ma ħadux pjaċir x’ħin rawna u ħallewna noqogħdu biss ftit xhur. Imbagħad ordnawlna biex nitilqu. Bl-​istruzzjonijiet mill-​kwartieri ġenerali, ivvjaġġajna lejn ir-​Rodeżja taʼ Fuq (illum iz-​Zambja). Kemm fraħna meta f’dan il-​post iltqajna m’erbgħa minn dawk li kienu magħna fl-​Iskola taʼ Gilgħad—Frank u Carrie Lewis u Hayes u Harriet Hoskins. Minn hemm, erġajna ġejna inkarigati naqdu fir-​Rodeżja t’Isfel (illum iż-​Żimbabwe).

Ivvjaġġajna bil-​ferrovija u għall-​ewwel darba rajna l-​ġmiel tal-​Victoria Falls qabel wasalna Bulawayo. Qgħadna għal ftit żmien mal-​familja McLuckie, li kienu fost l-​ewwel Xhieda li ssetiljaw f’dan il-​post. Kellna l-​privileġġ li nsiru nafuhom sew matul is-​16-il sena li kien imiss.

Naddattaw Ruħna għall-​Bidliet

Wara ħmistax taʼ taħriġ biex insir familjari mal-​ministeru Afrikan, ġejt maħtur naqdi bħala indokratur tad-​distrett. Biex nagħtu xiehda fil-​foresti Afrikani kellna nġorru x’nixorbu, x’nieklu, fiex norqdu, ħwejjeġ persunali, proġekter u ġeneratur taʼ elettriku, skrin kbir, u affarijiet neċessarji oħra. Dan kollu konna nippakkjawh fi trakk b’saħħtu biżżejjed biex jgħaddina mill-​art imħarbta li kien hemm.

Jien kont naħdem maʼ l-​indokraturi tas-​circuit Afrikani filwaqt li Joyce kienet tieħu gost tgħin lin-​nisa tagħhom u lil uliedhom li kienu jiġu magħna wkoll. Il-​mixi fl-​art Afrikana kien jegħjina, speċjalment fis-​sħana tal-​jum, imma malajr skoprejt li f’din il-​klima stajt inkampa aħjar mal-​limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi, u kont grat għal dan.

In-nies in ġenerali kienu foqra. Ħafna kienu mgħaddsin fit-​tradizzjoni u s-​superstizzjoni u kienu jipprattikaw il-​poligamija; però, huma wrew rispett profond għall-​Bibbja. F’ċerti nħawi, il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni kienu jsiru taħt siġar kbar li jagħtu d-​dell, u fil-​għaxija, id-​dawl kien jiġi minn lampi taż-​żejt imdendlin. Dejjem ħassejna riverenza profonda meta konna nistudjaw il-​Kelma t’Alla taħt is-​smewwiet kollhom kwiekeb, parti daqshekk meraviljuża mill-​ħolqien.

Esperjenza oħra li ma ninsiex hi meta konna nuru l-​films tal-​Watch Tower Society f’riservi Afrikani. Il-​kongregazzjoni kien ikollha xi 30 Xhud, imma f’dawn l-​okkażjonijiet, konna nafu li stajna nistennew attendenza taʼ 1,000 ruħ jew iktar!

M’għandniex xi ngħidu, fit-​tropiċi, il-​mard jistaʼ jkun problema imma hemm bżonn li dejjem iżżomm ħarsa pożittiva. Jien u Joyce tgħallimna nkampaw b’suċċess—jien kampajt mal-​malarja li ġieli kienet taqbadni, u Joyce kampat maʼ marda kaġunata mill-​ameba.

Iktar tard, ġejna inkarigati naħdmu fl-​uffiċċju tal-​fergħa f’Salisbury (issa Harare), fejn kellna l-​privileġġ li naħdmu maʼ qaddejja leali oħra taʼ Ġeħova, fosthom Lester Davey u George u Ruby Bradley. Il-​gvern inkarigani biex naħdem bħala fizzjal taż-​żwieġ u dan ippermettieli nżewweġ lill-​aħwa Afrikani, u għalhekk stajt insaħħaħ ir-​rabta taż-​żwieġ Kristjan fost il-​kongregazzjonijiet. Ftit snin wara, ngħatajt privileġġ ieħor. Issa kelli nżur lill-​kongregazzjonijiet kollha li ma kinux jitkellmu bl-​Afrikan. Għal iktar minn għaxar snin, jien u Joyce ħadna gost insiru nafu lil ħutna b’dan il-​mod, u fraħna bil-​progress spiritwali tagħhom. Waqt dan iż-​żmien żorna wkoll lil ħutna fil-​Botswana u l-​Możambik.

Nerġgħu Mmorru Xi Mkien Ieħor

Wara ħafna snin taʼ ferħ fin-​nofsinhar taʼ l-​Afrika, fl-​1975 ngħatajna inkarigu ġdid fi Sierra Leone, fil-​Punent taʼ l-​Afrika. Malajr issetiljajna fl-​uffiċċju tal-​fergħa fejn gawdejna l-​qasam ġdid tal-​ministeru tagħna, imma dan ma tantx kien se jdum. Jien imradt u sirt iktar dgħajjef minħabba diversi attakki qawwijin tal-​malarja, u maż-​żmien kelli niġi kkurat f’Londra, fejn ngħatali l-​parir biex ma nerġax lura lejn l-​Afrika. Iddispjaċiena minħabba dan, imma jien u Joyce ġejna milqugħin mill-​qalb mill-​familja taʼ Betel f’Londra. L-​għadd kbir t’aħwa Afrikani f’ħafna mill-​kongregazzjonijiet taʼ Londra għenuna nħossuna milqugħin. Hekk kif saħħti bdiet titjieb, erġajna addattajna ruħna għal rutina ġdida, u jien intlabt nieħu ħsieb id-​Dipartiment tax-​Xiri. Bit-​tkabbir kollu li rajna tul is-​snin taʼ wara, dan kien xogħol tassew interessanti.

Fil-bidu tas-​snin 90, l-​għażiża Joyce qabditha marda fin-​nervituri magħrufa bħala motor neuron disease, u mietet fl-​1994. Hi kienet mara kollha mħabba, leali, u dedikata, dejjem lesta biex taġġusta ruħha għad-​diversi ċirkustanzi li ffaċċjajna flimkien. Biex inkampa maʼ din it-​telfa, sibt li hu importanti nżomm ħarsa spiritwali ċara u nibqaʼ nħares ’il quddiem. Il-​fatt li bl-​għajnuna tat-​talb żammejt skeda teokratika tajba, inkluż l-​ippridkar, għenni nżomm moħħi okkupat bis-​sħiħ.—Proverbji 3:​5, 6.

Is-servizz f’Betel hu privileġġ u stil taʼ ħajja mill-​aqwa. Hemm bosta żgħażagħ li tistaʼ taħdem magħhom u hemm ħafna ferħ li tistaʼ taqsam m’oħrajn. Waħda mill-​barkiet hi l-​għadd taʼ viżitaturi li nilqgħu hawnhekk f’Londra. Kultant nara lil xi ħbieb għeżież mill-​inkarigi Afrikani li kelli, u tgħidx kemm ikolli memorji taʼ ferħ! Dan kollu jgħinni biex inkompli ngawdi bis-​sħiħ “il-​ħajja t’issa” u nimmedita b’fiduċja sħiħa u nittama fil-​ħajja “li ġejja.”—1 Timotju 4:8.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​1928, imma m’għadux jiġi stampat.

[Stampa f’paġna 25]

M’ommi fl-​1946

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ Joyce fil-​ġurnata tat-​tieġ tagħna, fl-​1950

[Stampa f’paġna 26]

F’konvenzjoni fi Bristol fl-​1953

[Stampi f’paġna 27]

Naqdi maʼ grupp iżolat (fuq) u maʼ kongregazzjoni (xellug) fir-​Rodeżja t’Isfel, illum iż-​Żimbabwe

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja