Bijografija
Imsaħħaħ mill-Fratellanza Tagħna mad-Dinja Kollha
KIF RAKKONTATA MINN THOMSON KANGALE
Nhar l-24 t’April, 1993, ġejt mistieden nattendi għall-programm tad-dedikazzjoni tal-kumpless ġdid tal-fergħa li inkluda 13-il binja, f’Lusaka, iz-Zambja. Peress li kelli diffikultà biex nimxi, l-oħt Kristjana li kienet qed iddawwarna mal-post b’qalb tajba staqsietni, “Tixtieqni nġorrlok siġġu biex tkun tistaʼ tpoġġi fuqu minn ħin għall-ieħor?” Jien iswed, u hi bajda, imma għaliha dan ma kienx jagħmel differenza. Ħassejtni mqanqal b’dak li għamlet u rringrazzjajtha, għax permezz tal-qalb tajba tagħha stajt inżur il-faċilitajiet kollha tal-fergħa.
MATUL is-snin, esperjenzi bħal dawn qawwewli qalbi, u saħħew il-konvinzjoni tiegħi li fost is-sħubija Kristjana tax-Xhieda taʼ Jehovah, teżisti l-imħabba li Kristu qal illi minnha kellhom jintgħarfu s-segwaċi veri tiegħu. (Ġwann 13:35; 1 Pietru 2:17) Ħalli ngħidilkom kif sirt naf b’dawn il-Kristjani lura fl-1931, is-sena meta stqarru pubblikament ix-xewqa tagħhom li jkunu magħrufin bħala Xhieda taʼ Jehovah, isem ibbażat fuq il-Bibbja.—Isaija 43:12.
Il-Bidu tal-Ministeru Ġewwa l-Afrika
F’Novembru taʼ l-1931, kelli 22 sena u kont ngħix f’Kitwe, li kien jinsab fir-reġjun taʼ Copperbelt fir-Rodeżja taʼ Fuq (issa z-Zambja). Wieħed ħabib tiegħi, li kien jilgħab il-futbol miegħi, laqqagħni max-Xhieda. Jien mort għal xi laqgħat minn tagħhom u ktibt lill-uffiċċju tal-fergħa f’Cape Town, l-Afrika t’Isfel, biex nitlobhom il-ktieb li kien jintuża għall-istudju tal-Bibbja, The Harp of God.a Il-ktieb kien bl-Ingliż, u sibtu tqil biex nifhmu, peress li ma kontx naf il-lingwa sew.
Fir-reġjun taʼ Copperbelt, li jinsab madwar 240 kilometru lejn il-lbiċ tal-Lag Bangweulu, viċin fejn trabbejt jien, kien hemm ħafna nies minn provinċji oħrajn impjegati fil-minjieri tal-bronż. Diversi gruppi taʼ Xhieda kienu jiltaqgħu hemmhekk regolarment għall-istudju tal-Bibbja. Wara ftit żmien, minn Kitwe mort noqgħod f’belt fil-viċin, Ndola, u bdejt nissieħeb maʼ grupp taʼ Xhieda hemmhekk. Dak iż-żmien, kont captain taʼ tim tal-futbol li kien jismu Prince of Wales. Kont naħdem ukoll bħala seftur fid-dar taʼ raġel abjad li kien id-direttur taʼ l-African Lakes Corporation, kumpanija li kellha diversi ħwienet mifruxin maʼ l-Afrika ċentrali.
Ma tantx kont ħadt edukazzjoni formali u l-ftit Ingliż li qbadt kien mill-Ewropej li kont impjegat magħhom. Xorta waħda, kont ħerqan li nkompli bl-edukazzjoni sekulari tiegħi u applikajt biex nistudja fi skola ġewwa Plumtree, fir-Rodeżja t’Isfel (issa Żimbabwe). Sadattant, però, ktibt lill-uffiċċju tal-fergħa f’Cape Town għat-tieni darba. Għarrafthom li kont irċivejt il-ktieb The Harp of God u li ridt naqdi lil Jehovah full-time.
Bqajt skantat meta rċivejt risposta mingħandhom li kienet tgħid: “Napprezzaw ix-xewqa tiegħek li taqdi lil Jehovah. Nixtiequ ninkuraġġuk titlob dwar dan, u Jehovah se jgħinek ikollok fehma aħjar tal-verità, u se jsiblek post fejn taqdih.” Wara li qrajt l-ittra kemm-il darba, staqsejt lil diversi Xhieda dwar x’kelli nagħmel. Dawn qaluli: “Jekk tassew tixtieq taqdi lil Jehovah, fittex agħmel hekk issa stess.”
Għal ġimgħa sħiħa, tlabt dwar din il-kwistjoni u fl-aħħar qtajtha li nitlaq l-edukazzjoni sekulari tiegħi u nkompli nistudja l-Bibbja max-Xhieda. Is-sena taʼ wara, f’Jannar taʼ l-1932, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Alla Jehovah bil-magħmudija taʼ l-ilma. Mill-belt taʼ Ndola mort noqgħod f’belt fil-viċin, Luanshya, u ftit wara ltqajt maʼ Jeanette, li kellha l-istess twemmin tiegħi. Iżżewwiġna f’Settembru taʼ l-1934. Meta żżewwiġna, Jeanette diġà kellha tifel u tifla.
Bil-mod il-mod bdejt nagħmel progress spiritwali, u fl-1937 dħalt fil-ministeru full-time. Ftit wara nħtart bħala ministru li jivvjaġġa, issa msejjaħ indokratur tas-circuit. L-indokraturi li jivvjaġġaw iżuru l-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah biex isaħħuhom spiritwalment.
L-Ippridkar fl-Ewwel Ftit Snin
F’Jannar taʼ l-1938, intqalli biex inżur kap Afrikan li kien jismu Sokontwe. Dan kien talab lix-Xhieda taʼ Jehovah biex iżuruh. Domt tlett ijiem għaddej bir-rota sakemm wasalt fejn kien joqgħod. Meta għedtlu li kont intbgħatt għandu minħabba l-ittra tiegħu lill-uffiċċju tagħna f’Cape Town, hu wera apprezzament kbir.
Mort minn għarix għal għarix fost niesu u stidinthom jiġu fl-insaka (tip taʼ tinda pubblika). Meta kienu nġabru hemm kellimt lill-folla. Bħala riżultat, inbdew ħafna studji tal-Bibbja. Il-kap tal-villaġġ u l-iskrivan tiegħu kienu fost l-ewwel uħud li saru indokraturi tal-kongregazzjonijiet t’hemmhekk. Illum, hemm iktar minn 50 kongregazzjoni f’dawk l-inħawi, u issa huma magħrufin bħala d-distrett taʼ Samfya.
Mill-1942 sa l-1947 qdejt fir-reġjun taʼ madwar il-Lag Bangweulu. Kont inqattaʼ għaxart ijiem maʼ kull kongregazzjoni. Peress li l-ħaddiema fix-xogħol tal-ħsad spiritwali kienu ftit, ħassejna eżatt bħas-Sid tagħna, Ġesù Kristu, meta qal: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” (Mattew 9:36-38) F’dak iż-żmien tal-bidu, kien diffiċli li tivvjaġġa minn post għal ieħor, u għalhekk Jeanette ġeneralment kienet tibqaʼ f’Luanshya mat-tfal waqt li jien kont inżur il-kongregazzjonijiet. Sa dak iż-żmien, jien u Jeanette kellna żewġt itfal oħra, imma wieħed minnhom miet t’għaxar xhur.
Dak iż-żmien ma tantx kien hemm karozzi, u għalhekk, m’għandniex xi ngħidu, lanqas toroq ma tant kien hemm. Darba minnhom, qbadt ir-rota taʼ Jeanette u vvjaġġajt iktar minn 200 kilometru. Kultant, meta kien ikolli naqsam xi xmara żgħira, kont inqiegħed ir-rota fuq spallejja, inżommha b’id waħda, u bl-id l-oħra ngħum. Intant, in-numru taʼ Xhieda kiber ferm f’Luanshya, u fl-1946, attendew 1,850 ruħ għall-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu.
Niffaċċjaw Oppożizzjoni għal Xogħolna
F’okkażjoni minnhom matul it-Tieni Gwerra Dinjija, kummissarju tad-distrett f’Kawambwa sejjaħli għandu u qalli: “Irridek tieqaf tuża l-kotba tal-Watch Tower Society għax issa huma projbiti. Imma nistaʼ nagħtik għodod oħra li tistaʼ tużahom biex tikteb kotba oħrajn u tużahom fix-xogħol tiegħek.”
“Kuntent bil-letteratura li għandna,” weġibtu jien. “M’għandi bżonn xejn iktar.”
“Int ma tafhomx l-Amerikani,” qal hu (il-letteratura tagħna dakinhar kienet tiġi stampata fl-Istati Uniti). “Dawk iqarrqu bik.”
“Le, mhux dawk li nagħmilha magħhom jien,” għedtlu.
Imbagħad staqsieni: “Ma tistax tinkuraġġixxi l-kongregazzjonijiet tiegħek jagħmlu iktar donazzjonijiet taʼ flus ħalli jgħinu fil-gwerra bħalma qed jagħmlu reliġjonijiet oħra?”
“Dak xogħol il-messaġġiera tal-gvern,” weġibtu jien.
“Għala ma tmurx id-dar u taħsibha ftit?” qalli.
“F’Eżodu 20:13 u fit-2 Timotju 2:24, il-Bibbja tikkmandana biex ma noqtlux u ma niġġildux,” weġibt.
Għalkemm ħallieni nitlaq, iktar tard sejjaħli l-kummissarju tad-distrett f’Fort Rosebery, belt li issa tissejjaħ Mansa. “Sejjaħtlek hawn biex tkun taf li l-gvern ipprojbixxa l-kotba tagħkom,” qal dan.
“Iva. Smajt,” għedtlu jien.
“Mela, trid tmur għand il-kongregazzjonijiet kollha u tgħid lin-nies li tqim magħhom biex iġibu l-kotba kollha hawnhekk. Fhimt?”
“Dak mhux xogħli,” weġibtu jien. “Dik responsabbiltà tal-messaġġiera tal-gvern.”
Laqgħa b’Kumbinazzjoni Tagħti l-Frott
Wara l-gwerra, komplejna nippridkaw bla heda. Fl-1947, kont għadni kemm spiċċajt inżur kongregazzjoni fil-villaġġ taʼ Mwanza meta staqsejt fejn stajt immur nieħu tazza te. Qaluli biex immur fid-dar tas-Sur Nkonde, li kellu ħanut żgħir tat-te. Is-Sur Nkonde u martu laqgħuni bil-qalb. Staqsejt lis-Sur Nkonde jekk, waqt li kont qed nieħu t-te, riedx jaqra l-kapitlu “Hell, a Place of Rest in Hope” (L-Infern, Post taʼ Serħan fit-Tama) fil-ktieb “Let God Be True.”
“Mela x’tifhem bih l-infern?” staqsejtu wara li spiċċajt it-te. Mgħaġġeb b’dak li kien qara, hu beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda u iktar tard tgħammed flimkien maʼ martu. Għalkemm ma baqax Xhud, martu u ħafna mit-tfal tiegħu baqgħu. Fil-fatt, waħda minn uliedu, Pilney, għadha taqdi fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fiz-Zambja. U għalkemm omm Pilney issa mdaħħla fiż-żmien sew, għadha Xhud leali.
Żjara Qasira fl-Afrika tal-Lvant
L-uffiċċju tagħna tal-fergħa fir-Rodeżja taʼ Fuq, li twaqqaf fil-bidu taʼ l-1948 f’Lusaka, tani l-inkarigu f’Tanganyika (issa t-Tanzanija). Xhud ieħor ġie miegħi u mal-mara fuq il-vjaġġ tagħna bil-mixi mit-territorju muntanjuż. Il-vjaġġ ħadilna tlett ijiem u għajjejna ħafna. Jien ġarrejt munzell kotba, il-mara ġarret ħwejjiġna, u x-Xhud l-ieħor ġarr il-friex tagħna.
Meta wasalna Mbeya f’Marzu taʼ l-1948, kien hemm ħafna xi jsir biex ngħinu lill-aħwa jagħmlu aġġustamenti biex iġibu ħajjithom fi qbil mat-tagħlim tal-Bibbja. L-ewwelnett, f’dawk l-inħawi konna magħrufin bħala n-nies tat-Torri taʼ l-Għassa. Għalkemm l-aħwa kienu aċċettaw l-isem Xhieda taʼ Jehovah, dan ma ngħatax importanza b’mod pubbliku. Iktar minn hekk, xi Xhieda kellhom bżonn jitilqu ċerti użanzi li kellhom x’jaqsmu maʼ li jonoraw lill-mejtin. Imma x’aktarx l-iktar aġġustament diffiċli għal ħafna kien li jirreġistraw legalment iż-żwieġ tagħhom, u jżommuh fil-ġieħ quddiem kulħadd.—Lhud 13:4.
Iktar tard kelli l-privileġġ li naqdi fi nħawi oħrajn fl-Afrika tal-Lvant, inkluż l-Uganda. Qattajt xi sitt ġimgħat f’Entebbe u Kampala, fejn ħafna ġew megħjuna jieħdu l-għarfien tal-verità tal-Bibbja.
Stedina Lejn il-Belt taʼ New York
Wara li qdejt għal ftit taż-żmien fl-Uganda, fil-bidu taʼ l-1956 wasalt f’Dar es Salaam, il-kapitali taʼ Tanganyika. Hemmhekk kienet qed tistennieni ittra mill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Kien fiha l-istruzzjonijiet biex nibda nipprepara ħalli mmur New York għall-konvenzjoni internazzjonali li kellha tinżamm mis-27 taʼ Lulju sat-3 t’Awissu, 1958. M’għandniex xi ngħidu, ħassejtni eċċitat ferm b’dan il-prospett.
Meta wasal iż-żmien, jien u indokratur li jivvjaġġa ieħor, Luka Mwango, qbadna l-ajruplan mill-belt taʼ Ndola għal Salisbury (issa Harare), fir-Rodeżja t’Isfel, u mbagħad lejn Nairobi, il-Kenja. Minn hemm tirna lejn Londra, l-Ingilterra, fejn ġejna milqugħin mill-qalb. Meta morna norqdu, f’dik il-lejla li wasalna l-Ingilterra, konna mimlijin eċċitament u bqajna nitkellmu dwar kif aħna l-Afrikani ġejna milqugħin b’tant ospitalità minn nies bojod. Din l-esperjenza inkuraġġietna ferm.
Fl-aħħar, wasalna fi New York, fejn saret il-konvenzjoni. Ġurnata waħda waqt il-konvenzjoni, tajt rapport dwar l-attività tax-Xhieda taʼ Jehovah fir-Rodeżja taʼ Fuq. F’dik il-ġurnata fl-udjenza kien hemm kważi 200,000 ruħ miġburin flimkien fil-Polo Grounds tal-Belt taʼ New York u fil-Yankee Stadium. Dak il-lejl ma stajtx norqod għax bdejt naħseb dwar il-privileġġ kbir li kont gawdejt.
Il-konvenzjoni taret u morna lura d-dar. Aħna u sejrin lura, erġajna esperjenzajna l-ospitalità bl-imħabba minn ħutna fl-Ingilterra. L-għaqda fost in-nies taʼ Jehovah, minkejja r-razza jew in-nazzjonalità, stajna narawha ċara matul dak il-vjaġġ u m’aħna se ninsewha qatt!
Iktar Servizz u Provi
Fl-1967, inħtart bħala qaddej tad-distrett—ministru li jivvjaġġa minn circuit għal ieħor. Sa dak iż-żmien, in-numru taʼ Xhieda fiz-Zambja kien żdied għal iktar minn 35,000. Iktar tard, minħabba li saħħti kienet sejra lura, erġajt ngħatajt l-inkarigu bħala indokratur tas-circuit f’Copperbelt. Maż-żmien, Jeanette żviluppat problemi taʼ saħħa u f’Diċembru taʼ l-1984 mietet leali lejn Jehovah.
Wara mewtha, weġġajt ħafna meta wħud mill-familja tagħha li m’għandhomx l-istess twemmin bħali akkużawni li kkaġunajt il-mewt tagħha billi użajt is-seħer. Imma xi wħud li kienu jafu bil-marda taʼ Jeanette u kienu tkellmu mat-tabib tagħha spjegaw lil dawn il-familjari x’kienet is-sitwazzjoni verament. Imbagħad ġiet prova oħra. Xi qraba riduni nżomm mad-drawwa tradizzjonali msejħa ukupyanika. Fir-reġjun minfejn ġej jien, din id-drawwa titlob li meta xi ħadd mill-imseħbin fiż-żwieġ imut, min minnhom jibqaʼ ħaj irid ikollu x’jaqsam sesswalment maʼ xi ħadd tal-familja qrib tal-mejjet. Ovvjament, irrifjutajt.
Maż-żmien, il-pressjoni mill-qraba spiċċat. Kont grat li Jehovah kien għenni biex nieħu waqfa soda. Xahar wara li dfint lil marti, ħu resaq fuqi u qalli: “Ħuna Kangale, veru kont taʼ inkuraġġiment għalina meta mietet martek għax ma kienx hemm tradizzjoni ħażina waħda li ċedejt għaliha. Nixtiequ nirringrazzjawk ferm.”
Ħsad taʼ l-Għaġeb
Issa għaddew 65 sena minn mindu bdejt il-ministeru full-time tiegħi bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Kemm kien taʼ ferħ matul dawn is-snin li nara mijiet taʼ kongregazzjonijiet jiġu fformati u ħafna Swali tas-Saltna jinbnew fejn darba kont naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa! Minn xi 2,800 Xhud fl-1943, issa żdidna għal iktar minn 122,000 proklamatur tas-Saltna fiz-Zambja. Iva, is-sena l-oħra ’l fuq minn 514,000 ruħ attendew għall-Mafkar f’dan il-pajjiż, li għandu popolazzjoni taʼ inqas minn 11-il miljun ruħ.
Sadattant, Jehovah jibqaʼ jieħu ħsiebi sew. Meta jkolli bżonn l-attenzjoni medika, ħu Kristjan jiħodni l-isptar. Il-kongregazzjonijiet għadhom jistidnuni biex nagħti taħditiet pubbliċi, u dan jipprovdili ħafna mumenti inkuraġġanti. Il-kongregazzjoni li nassoċja magħha għamlet arranġament biex aħwa nisa Kristjani jnaddfuli d-dar darba kull wieħed, u l-aħwa rġiel joffru li jwassluni l-laqgħat kull ġimgħa. Naf li qatt ma kont se ngawdi dan l-interess b’imħabba kieku ma kontx qed naqdi lil Jehovah. Jien nirringrazzjah talli kompla jużani fil-ministeru full-time u għall-ħafna responsabbiltajiet li stajt nerfaʼ s’issa.
Il-vista tiegħi qed tmur, u meta nimxi sas-Sala tas-Saltna, ikolli nistrieħ ħafna drabi m’għonq it-triq. Il-basket tiegħi tal-kotba donnu jinħass itqal daż-żmien, allura nħaffu billi nneħħi xi kotba li forsi ma jkollix bżonnhom fil-laqgħa. Il-ministeru tiegħi taʼ l-għalqa jikkonsisti fil-biċċa l-kbira f’li nikkonduċi studji tal-Bibbja maʼ dawk li jiġu d-dar tiegħi. Iżda, kemm nieħu gost inħares lura fiż-żmien u nirrifletti dwar iż-żjieda taʼ l-għaġeb li seħħet! Jien qdejt f’għalqa fejn kliem Jehovah imniżżel f’Isaija 60:22 twettaq b’mod li jispikka. Dan jgħid: “L-iżgħar fostkom isir tribù u l-iċken isir ġens qawwi. Jien il-Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.” Iva, jien għext biex rajt preċiż din il-ħaġa mhux biss fiz-Zambja imma mad-dinja kollha.b
[Noti taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah imma issa m’għadux jiġi stampat.
b B’dispjaċir, is-saħħa taʼ Ħuna Kangale fl-aħħar marret lura ħafna, u hu miet leali waqt li dan l-artiklu kien qed jiġi preparat għall-pubblikazzjoni.
[Stampi f’paġna 24]
Thomson bil-fergħa taz-Zambja warajh
[Stampa f’paġna 26]
Il-fergħa taz-Zambja llum