BIJOGRAFIJA
Ġeħova ‘Ddrittali Triqati’
DARBA waħda ħu żagħżugħ staqsieni, “Liema hi l-iskrittura favorita tiegħek?” Jien mill-ewwel għedtlu, “Proverbji 3, versi 5 u 6, li jgħidu: ‘Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.’” Iva, bla dubju, Ġeħova ddrittali triqati. Kif?
IL-ĠENITURI TIEGĦI GĦENUNI NSIB L-AĦJAR TRIQ
Wara l-1920, qabel il-ġenituri tiegħi żżewġu, sabu l-verità. Jien twelidt fl-1939. Meta kont għadni żgħir, konna ngħixu l-Ingilterra. Kont immur il-laqgħat mal-ġenituri tiegħi u bdejt nieħu sehem fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Għadni niftakar l-ewwel taħdita li għamilt. Kelli nitlaʼ fuq kaxxa biex inkun nistaʼ nara lill-aħwa. Kien għad kelli sitt snin u meta rajt l-aħwa t’esperjenza jħarsu lejja vera ħassejtni eċitat.
Nagħti xhieda fit-triq mal-ġenituri tiegħi
Għall-ministeru, missieri kitibli preżentazzjoni żgħira u sempliċi fuq kard biex nużaha waqt l-ippritkar. Kien għad kelli tmien snin meta ħabbatt l-ewwel bieb waħdi. Kemm kont ferħan meta l-inkwilin qara l-kard tiegħi u aċċetta mill-ewwel il-ktieb “Let God Be True”! Niftakar li tlaqt niġri biex ngħid lil missieri. Il-ministeru u l-laqgħat kienu jagħmluni ferħan u għenuni biex ikolli xewqa naqdi lil Ġeħova full-time.
Missieri kien kitibni biex nirċievi It-Torri tal-Għassa b’mod regulari. Dan għenni biex inħobb il-verità iktar. Malli kont nirċivihom, kont naqrahom mill-ewwel. Il-fidi tiegħi f’Ġeħova kibret u maż-żmien iddedikajt ħajti lilu.
Fl-1950, bħala familja attendejna l-assemblea “Theocracy’s Increase,” fi New York. Il-Ħamis, 3 taʼ Awwissu, it-tema kienet “Missionary Day.” Dakinhar, Ħuna Carey Barber, li iktar tard qeda bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, għamel it-taħdita tal-magħmudija. Wara li staqsa ż-żewġ mistoqsijiet lill-kandidati tal-magħmudija, jien qomt bilwieqfa u għedt, “Iva!” Kelli biss 11-il sena, imma kont naf li ħadt deċiżjoni importanti. Però, bdejt nibżaʼ ninżel fl-ilma għax kont għadni ma nafx ngħum. Iz-ziju ġie miegħi sa fejn il-pool u serraħli moħħi li mhu se jiġrili xejn. U f’kemm ili ngħidlek, tlajt u nżilt. Kien hemm żewġ aħwa; wieħed minnhom għammidni u l-ieħor tellagħni mill-pool. Minn dik il-ġurnata importanti ʼl quddiem, Ġeħova kompla jiddrittali triqati.
IDDEĊIDEJT LI NAFDA LIL ĠEĦOVA
Meta spiċċajt l-iskola, ridt nibda naqdi bħala pijunier, imma l-għalliema inkuraġġewni biex immur l-università. Jiena smajt minnhom u mort l-università. Imma malajr irrealizzajt li ma stajtx nimxi ʼl quddiem fil-verità u fl-istess ħin niffoka fuq l-istudji, għalhekk iddeċidejt li nieqaf. Tlabt lil Ġeħova dwarha u ktibt ittra lill-għalliema biex b’rispett nispjegalhom għal liema raġuni ddeċidejt li nieqaf fl-aħħar tal-ewwel sena. Jien fdajt kompletament f’Ġeħova u mill-ewwel bdejt naqdi bħala pijunier.
F’Lulju tal-1957, bdejt is-servizz full-time tiegħi f’Wellingborough. Jien staqsejt lill-aħwa f’Betel taʼ Londra biex jaraw jekk hemmx xi ħu pijunier tal-esperjenza ħalli jkun jistaʼ jgħinni fl-ippritkar. Ħuna Bert Vaisey għallimni ħafna affarijiet. Hu kien żeluż fl-ippritkar u għenni biex nagħmel skeda tajba għall-ministeru. Fil-kongregazzjoni kien hemm biss sitt aħwa nisa kbar fl-età, Ħuna Vaisey, u jien. Il-preparazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tawni l-opportunità biex nafda iktar f’Ġeħova u nesprimi l-fidi tiegħi.
Wara ftit żmien fil-ħabs minħabba li ma ridtx nieħu sehem fis-servizz militari, iltqajt maʼ Barbara, li kienet pijuniera speċjali. Aħna żżewwiġna fl-1959, u konna lesti mmorru fejn jibagħtuna. L-ewwel bagħtuna Lancashire, in-naħa taʼ fuq tal-Ingilterra. Imbagħad, f’Jannar tal-1961, ġejt mistieden biex nattendi l-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna għal xahar, f’Betel taʼ Londra. Fl-aħħar tal-kors ġejt inkarigat biex naqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Din kienet sorpriża għalija! Irċivejt trejning għall-ħmistax mingħand indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet tal-esperjenza fil-belt taʼ Birmingham, u Barbara setgħet tiġi miegħi. Imbagħad bdejna l-inkarigu tagħna ġewwa Lancashire u Cheshire.
META TAFDA F’ĠEĦOVA MA JIDDISPJAĊIKX
Waqt vaganza f’Awwissu tal-1962, irċivejna ittra mill-uffiċċju tal-fergħa. Mal-ittra kien hemm żewġ applikazzjonijiet għall-Iskola taʼ Gilegħad. Wara li tlabna dwarha, jien u Barbara mlejna l-formoli u bgħatniehom malajr lill-uffiċċju tal-fergħa. Ħames xhur wara morna Brooklyn, New York, biex nattendu t-38 klassi taʼ Gilegħad, għaxar xhur kors taʼ edukazzjoni teokratika.
Fl-Iskola taʼ Gilegħad tgħallimna ħafna dwar il-Kelma t’Alla, l-organizzazzjoni, u l-aħwa madwar id-dinja. Konna għadna żgħar, u tgħallimna ħafna mill-istudenti li kienu fil-klassi magħna. Kelli l-privileġġ li nagħmel xi xogħol ieħor f’Betel maʼ Ħuna Fred Rusk, wieħed mill-għalliema tagħna. Waħda mil-lezzjoni importanti li hu enfasizza kienet li meta nagħtu parir, għandu jkun dejjem ibbażat fuq l-Iskrittura. Fost l-aħwa li taw it-taħditiet kien hemm aħwa taʼ esperjenza bħal Ħutna Nathan Knorr, Frederick Franz, u Karl Klein. U kemm tgħallimna mill-eżempju t’umiltà taʼ Ħuna A. H. Macmillan! Hu għallimna kif Ġeħova għen l-aħwa fl-organizzazzjoni matul żmien diffiċli li esperjenzaw mill-1914 sal-bidu tal-1919!
BIDLA FL-INKARIGU
Lejn l-aħħar tal-kors, Ħuna Knorr qal lili u lil Barbara li ġejna assenjati l-Burundi, fl-Afrika. Aħna morna niġru fil-librerija taʼ Betel biex infittxu fil-Yearbook ħalli naraw kemm kien hemm pubblikaturi fil-Burundi. Bqajna sorpriżi meta ma sibna xejn dwar dan il-post! Iva, konna sejrin f’post fejn l-ippritkar qatt ma kien sar. Konna ansjużi ħafna! Imma wara li tlabna mill-qalb, Ġeħova kkalmana.
Fl-inkarigu l-ġdid tagħna, kollox kien differenti minn dak li esperjenzajna qabel—il-klima, il-kultura, u l-lingwa. Issa kellna nitgħallmu l-Franċiż. Ukoll, kellna nsibu post fejn ngħixu. Jumejn wara li wasalna, wieħed li kien magħna fil-klassi taʼ Gilegħad, Harry Arnott, ġie jżurna qabel mar lura għall-inkarigu tiegħu fiż-Żambja. Hu għenna nsibu appartament li sar l-ewwel dar tagħna. Però, malajr bdiet l-oppożizzjoni mill-awtoritajiet tal-lokal, li ma kienu jafu xejn dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Malli bdejna nħossuna ferħanin fl-inkarigu tagħna, l-awtoritajiet informawna li ma stajniex nibqgħu hemmhekk mingħajr permess tax-xogħol. B’dispjaċir, kellna nitilqu u nerġgħu naddattaw ruħna f’pajjiż ieħor. Din id-darba l-Uganda.
Konna ansjużi minħabba li ma kellniex viża biex immorru l-Uganda, imma fdajna f’Ġeħova. Ħu mill-Kanada li kien jaqdi fl-Uganda spjega s-sitwazzjoni tagħna lill-uffiċjal tal-immigrazzjoni, u hu qalilna li stajna nibqgħu għal ftit xhur sakemm ikollna l-permess. Dan tana prova li Ġeħova kien qed jgħinna.
Is-sitwazzjoni fl-Uganda kienet differenti ħafna minn dik fil-Burundi. Minkejja li kien hemm biss 28 Xhud fil-pajjiż, ix-xogħol tal-ippritkar fl-Uganda kien diġà qed isir. Fit-territorju kien hemm ħafna li jitkellmu bl-Ingliż. Imma malajr indunajna li biex ngħinu wħud interessati jagħmlu progress, kellna bżonn nitgħallmu minn tal-inqas waħda mill-ħafna lingwi li jitkellmu fil-pajjiż. Bdejna nippritkaw fil-belt taʼ Kampala, fejn kienu jitkellmu bil-lingwa Luganda. Għalhekk, iddeċidejna li nitgħallmu din il-lingwa. Domna snin biex nitgħallmuha, imma għamlet differenza kbira għax sirna iktar effettivi fix-xogħol tal-ippritkar! Bdejna nifhmu aħjar x’kellhom bżonn jitgħallmu l-istudenti tal-Bibbja tagħna. Meta l-istudenti raw li aħna ridna ngħinuhom, huma bdew jiftħu qalbhom magħna u jgħidulna kif iħossuhom dwar dak li kienu qed jitgħallmu.
ĦAFNA VJAĠĠI DIFFERENTI
Meta konna l-Uganda
Aħna konna nieħdu pjaċir ħafna ngħinu lin-nies jitgħallmu l-verità. U fraħna ħafna meta talbuni biex naqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Taħt id-direzzjoni tal-fergħa fil-Kenja, aħna vvjaġġajna fil-pajjiż biex insibu nħawi fejn kien hemm bżonn iktar pijunieri speċjali. Ħafna drabi, in-nies kienu ospitabbli ħafna magħna minkejja li qatt ma ltaqgħu max-Xhieda taʼ Ġeħova. Konna nħossuna komdi magħhom u ġieli anki ppreparaw l-ikel għalina.
Imbagħad kien imiss vjaġġ ieħor. Minn Kampala għamilt xi jumejn nivvjaġġa biex nasal fil-belt taʼ Mombasa, fil-Kenja. Imbagħad ivvjaġġajt b’vapur biex nasal is-Seychelles, grupp taʼ gżejjer fl-Oċean Indjan. Iktar tard, mill-1965 sal-1972, jien u Barbara bdejna nagħmlu żjajjar regulari fis-Seychelles. Fil-bidu, kulma kien hemm żewġ pubblikaturi, imma iktar tard kien hemm grupp u wara kongregazzjoni. Għamilt vjaġġi oħrajn biex inżur l-aħwa fl-Eritrea, fl-Etjopja, u fis-Sudan.
Is-sitwazzjoni politika fl-Uganda nbidlet wara li grupp militari ħa l-kontroll tal-gvern. Is-snin taʼ wara kienu diffiċli ħafna u tgħallimt kemm hu importanti li nobdi l-kmand tal-Bibbja biex nobdi lill-gvern. (Mk. 12:17) Il-barranin kollha li kienu jgħixu fl-Uganda ġew mitluba biex imorru jirreġistraw isimhom fl-eqreb għassa tal-pulizija tad-dar tagħhom. Aħna obdejna mill-ewwel. Fil-ġranet taʼ wara, waqt li jien u missjunarju ieħor konna qegħdin insuqu f’Kampala, uffiċjali tal-pulizija waqqfuna. Konna bżajna ħafna! Huma akkużawna li konna spiji u ħaduna d-depot tal-pulizija fejn spjegajnielhom li aħna missjunarji. Aħna għednielhom li diġà konna rreġistrajna isimna mal-pulizija, imma ma emmnuniex. Ġejna arrestati u ħaduna l-għassa tal-pulizija viċin id-dar li konna ngħixu fiha. Malli wasalna l-għassa ħadna r-ruħ għax il-pulizija li rreġistrajna isimna miegħu qabel għarafna, u qal lill-gwardjan biex jeħlisna!
Dak iż-żmien, spiss iltqajna maʼ roadblocks li kienet tagħmel l-armata, u spiss is-suldati li kienu jwaqqfuna kienu jkunu fis-sakra. Kull darba li kien jiġrilna hekk, konna nitolbu u dan kien jgħinna biex nibqgħu kalmi. U dejjem ħallewna ngħaddu bil-kwiet. B’dispjaċir, fl-1973, il-missjunarji barranin kollha ġew mitluba biex jitilqu mill-Uganda.
Nagħmel kopji taʼ Il-Ministeru tas-Saltna f’Abidjan, fil-fergħa tal-Kosta tal-Avorju
Għal darb’oħra ngħatajna inkarigu ġdid, fil-Kosta tal-Avorju, l-Afrika tal-Punent. Din kienet bidla kbira oħra għalina. Kellna nidraw kultura kompletament ġdida, nitkellmu bil-Franċiż il-ħin kollu, u ngħixu maʼ missjunarji minn pajjiżi differenti. Imma, hemmhekk erġajna rajna kif uħud taʼ qalb onestà u umli aċċettaw l-aħbar tajba malajr. Jien u Barbara rajna li meta fdajna f’Ġeħova, hu ddrittalna triqatna.
BIDLA FIĊ-ĊIRKUSTANZI
Imbagħad Barbara mardet bil-kanċer. Għall-kura morna ħafna drabi lura fl-Ewropa, u fl-1983 irrealizzajna li ma stajniex inkomplu naqdu fl-inkarigu tagħna ġewwa l-Afrika. Konna vera diżappuntati!
Waqt li konna qegħdin naqdu f’Betel Londra, il-marda li kellha Barbara kompliet tiggrava u mietet. Il-familja taʼ Betel kienet taʼ sapport kbir għalija. Koppja partikulari għenitni biex nidra u nkompli nafda f’Ġeħova. Imbagħad iltqajt maʼ oħt li kienet pijuniera speċjali li bdiet taħdem part-time f’Betel, u stajt nara li kienet tħobb ħafna lil Ġeħova. Jien u Ann iżżewwiġna fl-1989, u ilna naqdu flimkien f’Betel taʼ Londra minn dakinhar.
Maʼ Ann quddiem il-Betel il-ġdida fil-Brittanja
Mill-1995 sal-2018, kelli l-privileġġ li naqdi bħala rappreżentant tal-kwartieri ġenerali u żort kważi 60 pajjiż. F’kull żjara li għamilt, rajt li Ġeħova jieħu ħsieb lin-nies tiegħu, jiġri x’jiġri.
Fl-2017, waħda miż-żjajjar kienet l-Afrika. Kont ferħan ħafna li Ann ġiet miegħi għall-ewwel darba l-Burundi. It-tnejn li aħna konna impressjonati kemm ġew nies fil-verità! Fl-istess triq fejn kont nipprietka minn dar għal dar fl-1964, issa hemm Betel. Illum, hemm iktar minn 15,500 pubblikatur fil-pajjiż.
Kont ferħan ħa ntir meta rċivejt l-iskeda taż-żjajjar fl-2018 għax fuq il-lista tal-pajjiżi kien hemm il-Kosta tal-Avorju. Malli wasalna Abidjan, l-iktar belt kbira fil-pajjiż, ħassejtni qisni mort lura d-dar. Mil-lista tan-numri tat-telefowns tal-aħwa li kienu jaħdmu f’Betel, indunajt li l-ħu li kien jgħix fil-kamra ħdejn il-guestroom fejn konna qegħdin aħna, kien Ħuna Sossou. Ftakart li hu kien jaqdi bħala indokratur tal-belt meta kont ngħix Abidjan. Imma kelli żball, għax kien it-tifel tiegħu u mhux hu.
Ġeħova żamm il-wegħda tiegħu. L-affarijiet diffiċli li esperjenzajt għallmuni li meta nafdaw f’Ġeħova, hu verament jiddrittalna triqatna. Jien determinat li nibqaʼ naqdi lil Ġeħova sakemm iwassalni fid-dinja l-ġdida.—Prov. 4:18.