Bijografija
Determinat li Naqdi lil Ġeħova
KIF RAKKONTATA MINN RAIMO KUOKKANEN
Fl-1939, faqqgħet it-tieni gwerra dinjija fl-Ewropa, u l-Unjoni Sovjetika attakkat art twelidi, il-Finlandja. Missieri telaq biex jiġġieled fl-armata Finlandiża. Ftit wara, ajruplani militari Russi kienu qed iwaddbu l-bombi fuq il-belt fejn konna, u ommi bagħtitni ngħix maʼ nannti f’post iktar ’il bogħod mill-periklu.
Fl-1971 kont qed naqdi bħala missjunarju fl-Uganda, l-Afrika tal-Lvant. Ġurnata waħda waqt li kont qed nippriedka minn dar għal dar, għaddew jiġru minn ħdejja ħafna nies imbeżżgħin. Smajt l-isparar taʼ l-ixkubetti u bdejt niġri lejn id-dar. Hekk kif l-isparar smajtu iktar fil-viċin, qbiżt ġo foss li kien hemm mal-ġenb tat-triq. Bil-balal għaddejjin minn fuq rasi, bdejt nitkaxkar lejn id-dar.
Ma stajt nagħmel xejn biex niskansa l-effetti tat-tieni gwerra dinjija, imma jien u marti għala esponejna lilna nfusna għall-inkwiet taʼ l-Afrika tal-Lvant? It-tweġiba għandha x’taqsam ħafna mad-determinazzjoni tagħna biex naqdu lil Ġeħova.
Tinżeraʼ Żerriegħa taʼ Determinazzjoni
Twilidt fl-1934 f’Ħelsinki, il-Finlandja. Missieri kien bajjâd, u ġurnata minnhom mar b’xogħol fil-bini taʼ l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Finlandja. Ix-Xhieda qalulu dwar il-laqgħat tal-kongregazzjoni li jkollhom. Meta ġie d-dar, hu qal lil ommi dwar dawn il-laqgħat. Hi ma bdietx tattendi dak iż-żmien, imma iktar tard bdiet tiddiskuti suġġetti Bibliċi maʼ seħbitha tax-xogħol li kienet Xhud. Ommi malajr ħadet bis-serjetà dak li tgħallmet, u fl-1940 tgħammdet bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Ftit qabel dan, nannti kienet ħaditni f’darha li kienet fil-kampanja għall-kumplament tat-tieni gwerra dinjija. Minn Ħelsinki ommi bdiet tikteb lil ommha u lil oħtha ż-żgħira dwar it-twemmin tax-Xhieda taʼ Ġeħova. It-tnejn li huma wrew interess u qasmu miegħi dak li tgħallmu. Xi rappreżentanti li jivvjaġġaw tax-Xhieda taʼ Ġeħova żaru dar nannti u inkuraġġewna, u madankollu jien kont għadni m’iniex determinat li naqdi lil Alla.
Jibda t-Taħriġ Teokratiku
Meta spiċċat il-gwerra fl-1945, jien mort lura Ħelsinki, u ommi bdiet tiħodni l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Kultant kont immur iċ-ċinema minflok. Imma ommi kienet tgħidli dwar it-taħdita li tkun semgħet fil-laqgħa, u darba wara l-oħra hi enfasizzatli punt wieħed: Armageddon hi tassew fil-qrib. Jien ikkonvinċejt ruħi minn dan u ma bqajtx nitlef il-laqgħat. Hekk kif l-apprezzament tiegħi għall-verità tal-Bibbja kiber, l-istess għamlet ix-xewqa tiegħi biex nieħu sehem fl-attivitajiet kollha tal-kongregazzjoni.
B’mod speċjali ħadt pjaċir nattendi l-assembleat u l-konvenzjonijiet. Fl-1948, attendejt il-konvenzjoni distrettwali li nżammet ħdejn dar nannti, fejn kont qed inqattaʼ l-vaganzi tas-sajf. Ħabib tiegħi kien se jitgħammed f’dik il-konvenzjoni, u ħeġġiġni biex nagħmel bħalu. Għedtlu li ma ġibtx malja miegħi, imma hu ssuġġerixxa li wara li jitgħammed hu, nuża tiegħu. Jien aċċettajt u tgħammidt fis-27 taʼ Ġunju, 1948, meta kelli 13-il sena.
Wara l-konvenzjoni, xi ħbieb t’ommi qalulha li kont tgħammidt. Meta ratni riedet tkun taf għala kont ħadt pass tant importanti mingħajr ma tkellimt magħha qabel. Spjegajtilha li jien kont nifhem it-tagħlim bażiku tal-Bibbja u kont naf li kont responsabbli quddiem Ġeħova għall-kondotta tiegħi.
Id-Determinazzjoni Tiegħi Tikber
L-aħwa rġiel fil-kongregazzjoni għenuni nsaħħaħ id-determinazzjoni tiegħi biex naqdi lil Ġeħova. Huma ssieħbu miegħi fil-ministeru minn dar għal dar u tawni inkarigi fil-laqgħat kważi kull ġimgħa. (Atti 20:20) Meta kelli 16-il sena tajt l-ewwel taħdita pubblika tiegħi. Ftit wara dan, inħtart bħala l-qaddej taʼ l-istudju tal-Bibbja tal-kongregazzjoni tagħna. Din l-attività spiritwali kollha għenitni nimmatura, imma kien għad baqagħli negħleb il-biżaʼ mill-bniedem.
Dak iż-żmien, konna nirreklamaw it-taħdita pubblika tal-konvenzjoni distrettwali permezz taʼ tabelli kbar. Kull waħda minn dawn it-tabelli kienet tikkonsisti minn żewġ kartelluni marbutin flimkien permezz taʼ ċineg li kienu jitpoġġew fuq spallejn il-persuna biex jiddendlu wieħed fuq quddiem u l-ieħor fuq wara. Għal din ir-raġuni xi nies kienu jsejħulna sandwich men.
Darba kont fil-kwiet f’kantuniera fit-triq bit-tabella tiegħi meta rajt grupp minn sħabi tal-klassi resqin lejja. Hekk kif għaddew minn ħdejja l-ħarsa f’għajnejhom ġagħlitni nibżaʼ. Tlabt lil Ġeħova għall-kuraġġ u bqajt dritt bil-wieqfa bit-tabella. Il-fatt li għelibt il-biżaʼ mill-bniedem dak iż-żmien ippreparani għall-prova akbar taʼ li nżomm in-newtralità Kristjana.
Maż-żmien, il-gvern ordna li jien u għadd taʼ Xhieda żgħażagħ oħra mmorru għas-servizz militari. Aħna morna l-istitut militari bħalma ordnawlna, imma bir-rispett irrifjutajna li nilbsu l-uniformi. L-uffiċjali żammewna arrestati, u ftit wara l-qorti tatna sentenza taʼ sitt xhur ħabs. Ukoll, ġejna miżmumin il-ħabs għat-tmien xhur li suppost qattajna fis-servizz militari. Għalhekk, b’kollox għamilna 14-il xahar il-ħabs minħabba l-waqfa newtrali tagħna.
Fil-ħabs, aħna konna niltaqgħu kuljum biex nikkunsidraw il-Bibbja flimkien. Matul dawk ix-xhur, ħafna minna qrajna l-Bibbja kollha darbtejn. Meta s-sentenza tagħna spiċċat, il-maġġuranza minna ħallejna l-ħabs iktar determinati minn qatt qabel li naqdu lil Ġeħova. Sa llum il-ġurnata, ħafna minn dak il-grupp taʼ żgħażagħ Xhieda qed jaqdu lil Ġeħova bil-fedeltà.
Wara li ħriġt mill-ħabs, erġajt mort ngħix mal-ġenituri tiegħi. Ftit wara dan, sirt naf lil Veera, Xhud żeluża, li kienet għadha kemm tgħammdet. Iżżewwiġna fl-1957.
Lejla li Biddlitilna Ħajjitna
Lejla minnhom, waqt li konna qed inżuru xi aħwa rġiel responsabbli mill-uffiċċju tal-fergħa, wieħed mill-aħwa staqsiena jekk xtaqniex nidħlu fix-xogħol tas-circuit. Wara li tlabna l-lejl kollu, ċempilt lill-fergħa u għedtilhom iva. Sabiex nidħol fil-ministeru full-time ridt inħalli x-xogħol b’paga tajba li kelli, imma aħna konna determinati li npoġġu s-Saltna l-ewwel f’ħajjitna. Jien kelli 23 sena u Veera kellha 19-il sena meta bdejna x-xogħol taʼ l-ivvjaġġar f’Diċembru, 1957. Għal tliet snin aħna gawdejna x-xogħol taʼ li nżuru u ninkuraġġixxu l-kongregazzjonijiet tal-poplu taʼ Ġeħova fil-Finlandja.
Lejn it-tmiem taʼ l-1960 irċivejt stedina biex nattendi l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) fi Brooklyn, New York. Tlieta minna, mill-Finlandja, kellna nattendu kors speċjali t’għaxar xhur għal taħriġ fix-xogħol tal-fergħa. In-nisa tagħna baqgħu l-Finlandja u ħadmu fl-uffiċċju tal-fergħa.
Eżatt qabel ma spiċċa l-kors, qaluli biex immur sa l-uffiċċju taʼ Nathan H. Knorr, li dak iż-żmien kien qed jieħu ħsieb ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja. Ħuna Knorr offra lili u lil marti l-inkarigu taʼ missjunarji fir-Repubblika tal-Malagasi, li issa hija magħrufa bħala Madagaskar. Jien ktibt lil Veera, u staqsejtha x’kienet taħseb dwar l-inkarigu, hi mill-ewwel wieġbet, “Iva.” Meta mort lura l-Finlandja, aħna bla telf taʼ żmien bdejna llestu għall-ħajja fil-Madagaskar.
Ferħ u Diżappunt
F’Jannar taʼ l-1962 tirna lejn Antananarivo, il-belt kapitali tal-pajjiż, lebsin kpiepel tas-suf u ġkieket ħoxnin, għax konna tlaqna fix-xitwa Finlandiża. Però, fis-sħana tropikali tal-Madagaskar malajr biddilna l-istil taʼ l-ilbies. L-ewwel dar missjunarja tagħna kienet dar żgħira b’kamra tas-sodda waħda. Diġà kien hemm koppja missjunarja hemmhekk, u allura jien u Veera konna norqdu fil-veranda.
Bdejna nitgħallmu l-Franċiż, lingwa uffiċjali tal-Madagaskar. Dan kien daqsxejn diffiċli għax aħna ma kellniex lingwa komuni maʼ l-għalliema tagħna, oħtna Carbonneau. Hi użat l-Ingliż biex tgħallimna l-Franċiż, imma Veera ma kinitx taf titkellem bl-Ingliż. Allura jien ittraduċejt l-istruzzjonijiet t’oħtna Carbonneau bil-Finlandiż għal Veera. Imbagħad indunajna li Veera kienet tifhem aħjar il-konċetti tekniċi bl-Isvediż, u allura spjegajtilha l-grammatika Franċiża bl-Isvediż. Ma domniex ma bdejna nagħmlu progress tajjeb bil-Franċiż u bdejna nistudjaw il-Malagasi, il-lingwa lokali.
L-ewwel studju tal-Bibbja li kelli fil-Madagaskar kien maʼ raġel li kien jaf biss il-Malagasi. Jien kont infittex l-iskritturi fil-Bibbja tiegħi bil-Finlandiż, imbagħad konna nfittxu l-istess versi fil-Bibbja tiegħu bil-Malagasi. Ma tantx stajt nispjegalu l-iskritturi imma l-verità Biblika bdiet tikber f’qalbu, u għamel progress sal-punt tal-magħmudija.
Fl-1963, Milton Henschel ġie jżur il-Madagaskar mill-kwartieri tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn. Ftit wara dan, ġie stabbilit uffiċċju tal-fergħa ġdid fil-Madagaskar, u jien inħtart bħala l-indokratur tal-fergħa, flimkien max-xogħol li diġà kelli bħala indokratur tad-distrett u tas-circuit. Matul dan iż-żmien kollu, Ġeħova berikna bil-kbir. Mill-1962 sa l-1970, l-għadd taʼ pubblikaturi tas-Saltna fil-Madagaskar żdied minn 85 għal 469 ruħ.
Ġurnata minnhom fl-1970, hekk kif ġejna lura mill-ministeru pubbliku, sibna nota mal-bieb tagħna li ordnat lill-missjunarji kollha tax-Xhieda taʼ Ġeħova biex imorru fl-uffiċċju tal-ministru taʼ l-affarijiet interni. Hemmhekk, uffiċjal qalilna li l-gvern kien ordna li nitilqu mill-pajjiż immedjatament. Meta staqsejt x’delitt għamilt li minħabba fih kelli niġi deportat, l-uffiċjal qal: “Sur Kuokkanen, m’għamilt xejn ħażin.”
“Ilna tmien snin hawn,” għedt jien. “Din hi darna. Ma nistgħux naqbdu u nitilqu hekk.” Minkejja l-isforzi kollha li għamilna, il-missjunarji kollha kellhom jitilqu f’ġimgħa. Il-fergħa ngħalqet, u Xhud lokali beda jieħu ħsieb ix-xogħol. Qabel ma tlaqna lil ħutna għeżież fil-Madagaskar, irċivejna inkarigu ġdid, għall-Uganda.
Nibdew mill-Ġdid
Ftit ġranet wara li tlaqna mill-Madagaskar, wasalna f’Kampala, il-belt kapitali taʼ l-Uganda. Immedjatament, bdejna nitgħallmu l-Luganda, lingwa mill-isbaħ li tinstemaʼ melodjuża imma li hi diffiċli ħafna biex titgħallem. Missjunarji oħra għenu lil Veera titgħallem l-Ingliż l-ewwel, u b’din il-lingwa stajna nippridkaw b’mod effettiv.
Il-klima sħuna u umduża taʼ Kampala kellha effett ħażin fuq is-saħħa taʼ Veera. Għalhekk, irċivejna inkarigu fi Mbarara, raħal fl-Uganda bi klima iktar moderata. Aħna konna l-ewwel Xhieda hemmhekk, u fl-ewwel ġurnata tal-ministeru tberikna b’esperjenza sabiħa. Kont qed nitkellem maʼ raġel f’daru meta martu ħarġet mill-kċina. Kien jisimha Margaret, u kienet semgħet il-preżentazzjoni tiegħi. Veera bdiet tistudja l-Bibbja maʼ Margaret, li għamlet progress spiritwali mill-aħjar. Hi tgħammdet u saret pubblikatriċi żeluża tas-Saltna.
Ġlied fit-Toroq
Fl-1971 gwerra ċivili kissret il-paċi tagħna fl-Uganda. Ġurnata minnhom battalja seħħet viċin id-dar missjunarja tagħna fi Mbarara. Kien matul dak iż-żmien li kelli l-esperjenza li semmejt fil-bidu taʼ dan ir-rakkont.
Veera diġà kienet id-dar meta wasalt wara li tkaxkart għal distanza twila fil-foss, moħbi mis-suldati. F’rokna tad-dar bnejna “fortizza” bis-saqqijiet u l-għamara. Domna ġimgħa ġewwa, nisimgħu l-aħbarijiet fuq ir-radju. Kultant il-balal tal-pistoli kienu jaħbtu u jerġgħu lura minn mal-ħitan hekk kif konna nitgeddsu fil-fortizza tagħna. Bil-lejl ma konniex nużaw dwal biex ma nurux li konna fid-dar. Darba, xi suldati ġew sal-bieb u bdew jgħajtu. Aħna bqajna fejn konna u tlabna f’qalbna lil Ġeħova. Wara li spiċċa l-ġlied, il-ġirien tagħna ġew u rringrazzjawna għas-sigurtà li kellhom. Huma emmnu li Ġeħova kien ipproteġa lilna lkoll, u aħna qbilna magħhom.
Kollox baqaʼ kalm sakemm ġurnata minnhom smajna fuq ir-radju li l-gvern taʼ l-Uganda kien ipprojbixxa lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Ir-radju qal li x-Xhieda taʼ Ġeħova kollha kellhom jerġgħu lura għar-reliġjon li kellhom qabel. Jien ipprovajt niddefendi l-każ tagħna quddiem l-uffiċjali tal-gvern, imma ma kellix suċċess. Imbagħad mort sa l-uffiċċju tal-President Idi Amin u tlabt għal appuntament miegħu. Is-segretarju qalli li l-president kellu ħafna x’jagħmel. Jien mort lura ħafna drabi imma qatt ma rnexxieli nitkellem mal-president. Fl-aħħar, f’Lulju taʼ l-1973 kellna nitilqu mill-Uganda.
Sena Ssir Għaxra
Id-dwejjaq li ħassejna meta kellna nitilqu mill-Madagaskar reġgħu ħakmuna hekk kif ħallejna lill-għeżież ħutna fl-Uganda. Qabel ma morna għall-inkarigu l-ġdid tagħna fis-Senegal, aħna vvjaġġajna lejn il-Finlandja. Hemmhekk, l-inkarigu Afrikan tagħna ġie kanċellat, u ntqalilna biex nibqgħu l-Finlandja. Kien jidher li x-xogħol tagħna bħala missjunarji kien spiċċa. Fil-Finlandja, aħna qdejna bħala pijunieri speċjali u mbagħad erġajna dħalna fix-xogħol tas-circuit.
Sa l-1990, l-oppożizzjoni għax-xogħol fil-Madagaskar kienet naqset, u konna sorpriżi meta ġejna mistoqsijin mill-kwartieri ġenerali fi Brooklyn jekk stajniex immorru hemm għal inkarigu taʼ sena. Aħna ridna mmorru imma konna qed niffaċċjaw żewġ sfidi kbar. Missieri, li kien avanzat fl-età, kellu bżonn min jieħu ħsiebu, u Veera kien qed ikollha problemi taʼ saħħa. Ħassejtni mnikket bil-mewt taʼ missieri f’Novembru taʼ l-1990, imma s-saħħa taʼ Veera li kienet dejjem sejra għall-aħjar tatna t-tama li mmorru lura fix-xogħol missjunarju. Aħna morna lura l-Madagaskar f’Settembru taʼ l-1991.
L-inkarigu tagħna kien għal sena, imma dam għaxra. Matul dan iż-żmien, l-għadd taʼ pubblikaturi żdied minn 4,000 għal 11,600 ruħ. Jien tassew ħadt gost naqdi bħala missjunarju. Madankollu, kultant ħassejtni skuraġġit, u dan għax qgħadt nitħasseb dwar jekk kontx ittraskurajt il-bżonnijiet fiżiċi u emozzjonali taʼ l-għażiża marti. Ġeħova tana s-saħħa biex inkomplu. Finalment, fl-2001 aħna morna lura l-Finlandja fejn għadna qed naħdmu fl-uffiċċju tal-fergħa. Iż-żelu tagħna għas-Saltna jkompli jbaqbaq fina, u għadna s’issa ngħożżu l-memorji taʼ l-Afrika. Aħna determinati li nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova jibgħatna fejn jibgħatna.—Isaija 6:8.
[Mappa f’paġna 12]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
FINLANDJA
EWROPA
[Mappa f’paġna 14]
AFRIKA
MADAGASKAR
[Mappa f’paġna 15]
AFRIKA
UGANDA
[Stampa f’paġna 14]
Fil-ġurnata tat-tieġ tagħna
[Stampi f’paġna 14, 15]
Mix-xogħol tas-“circuit” fil-Finlandja, fl-1960 . . .
. . . għax-xogħol missjunarju fil-Madagaskar, fl-1962
[Stampa f’paġna 16]
Maʼ Veera llum