Bijografija
Imberkin bil-Kbir għax Żammejna l-Ispirtu Missjunarju
KIF RAKKONTATA MINN TOM COOKE
Il-ħoss taʼ l-isparar f’daqqa waħda kiser il-kwiet taʼ wara nofsinhar. Il-balal bdew għaddejjin b’veloċità kbira minn mas-siġar tal-ġnien tagħna. X’kien qed jiġri? Malajr sirna nafu li kien hemm kolp taʼ stat u li l-Uganda issa kienet taħt il-ħakma tal-Ġeneral Idi Amin. Dan seħħ fis-sena 1971.
JIEN u l-mara tiegħi, Ann, għala tlaqna mill-Ingilterra, li kienet relattivament fil-paċi biex immorru ngħixu f’din il-parti perikoluża taʼ l-Afrika? Naħseb li jien daqsxejn avventuruż minni, imma kien primarjament l-eżempju żeluż tal-ġenituri tiegħi fis-servizz tas-Saltna li qanqal l-ispirtu missjunarju ġo fija.
Jien niftakar dik il-ġurnata sħuna f’Awissu tas-sena 1946 meta l-ġenituri tiegħi ltaqgħu għall-ewwel darba max-Xhieda taʼ Jehovah. Damu ħafna fil-bieb taʼ barra jitkellmu maż-żewġ viżitaturi. Dawn il-viżitaturi, Fraser Bradbury u Mamie Shreve, ġew lura bosta drabi, u fix-xhur taʼ wara, il-ħajja għall-familja tagħna nbidlet b’mod drammatiku.
L-Eżempju Kuraġġuż tal-Ġenituri Tiegħi
Il-ġenituri tiegħi kienu involuti f’ħafna attivitajiet fil-komunità. Per eżempju, ftit qabel ma bdew jistudjaw il-Bibbja, kellna kartelluni taʼ Winston Churchill mad-dar kollha. Matul l-elezzjonijiet nazzjonali taʼ wara l-gwerra, id-dar tagħna ntużat bħala ċ-ċentru lokali għall-Kumitat tal-Partit Konservattiv. Il-familja tagħna kellha wkoll kuntatti reliġjużi u soċjali prominenti. Għalkemm kelli biss disaʼ snin dak iż-żmien, jien stajt nara kemm baqgħu xxokkjati l-qraba tagħna meta saru jafu li konna se nsiru Xhieda taʼ Jehovah.
L-eżempju kuraġġuż u l-entużjażmu tax-Xhieda li konna nassoċjaw magħhom qanqal lill-ġenituri tiegħi biex isiru attivi fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Missieri ma damx ma beda jagħti taħditiet fit-toroq permezz t’amplifajer fil-post ċentrali fejn kien hemm ħafna ħwienet fi Spondon, ir-raħal fejn konna ngħixu, waqt li aħna t-tfal konna noqogħdu f’postijiet fejn nidhru bit-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! f’idejna. Irrid nammetti li meta kienu javviċinawni xi tfal li kont immur l-iskola magħhom, kont nixtieq l-art tiblagħni.
L-eżempju tal-ġenituri tiegħi inkuraġġixxa lil oħti l-kbira, Daphne, biex tibda taqdi bħala pijuniera. Fl-1955, hi attendiet l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) u ġiet assenjata biex taqdi bħala missjunarja fil-Ġappun.a Iżda, oħti ż-żgħira, Zoe, ma baqgħetx taqdi lil Jehovah.
Sadanittant, jien spiċċajt mill-iskola fejn studjajt l-arti u l-grafika. F’dak iż-żmien, kwistjoni taħraq fost sħabi l-istudenti kienet il-lieva. Meta għedtilhom li jien kont noġġezzjona minħabba l-kuxjenza tiegħi, ħasbuni qed niċċajta. Din il-kwistjoni tatni ċ-ċans biex ikolli ħafna diskussjonijiet mill-Bibbja maʼ xi wħud mill-istudenti. Fi ftit taż-żmien, jien ġejt sentenzjat 12-il xahar ħabs għax irrifjutajt is-servizz militari. Waħda mill-istudenti fil-kulleġġ taʼ l-arti li wriet interess fil-messaġġ tal-Bibbja iktar tard saret marti. Imma se nħalli lil Ann tgħidilkom kif saret taf bil-verità.
Kif Ann Saret Taf bil-Verità
“Il-familja tiegħi ma kinitx reliġjuża, u jien ma kont mgħammda f’ebda reliġjon. Peress li jien kont kurjuża dwar is-suġġett tar-reliġjon kont immur fi kwalunkwe knisja li kienu jattendu l-ħbieb tiegħi. L-interess tiegħi fil-Bibbja tqanqal meta kont nismaʼ d-diskussjonijiet imħeġġin li Tom u Xhud ieħor kien ikollhom maʼ studenti oħra fil-kulleġġ. Meta Tom u x-Xhud l-ieħor intbagħtu l-ħabs għax irrifjutaw is-servizz militari, tgħidx kif inħsadt.
“Żammejt kuntatt maʼ Tom waqt li kien il-ħabs, u l-interess tiegħi fil-Bibbja kiber. Meta mort ngħix Londra biex inkompli l-istudji sekulari tiegħi, jien aċċettajt li nistudja l-Bibbja maʼ Muriel Albrecht. Muriel kienet qdiet bħala missjunarja fl-Estonja, u kemm hi u kemm ommha kienu taʼ inkuraġġiment kbir għalija. Fi ftit ġimgħat, jien kont qed nattendi l-laqgħat u kont immur quddiem l-istazzjon tal-ferrovija, Victoria Station, noffri t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!
“Jien kont nattendi l-kongregazzjoni taʼ Southwark fin-naħa t’isfel taʼ Londra. Fiha kien hemm aħwa nisa u rġiel spiritwali taʼ diversi nazzjonalitajiet, li ħafna minnhom kienu ftit batuti finanzjarjament. Għalkemm kont stranġiera, huma ttrattawni daqslikieku kont waħda minnhom. Kienet l-imħabba f’dik il-kongregazzjoni li verament ikkonvinċietni li din kienet il-verità, u jien tgħammidt fl-1960.”
L-Istess Miri—Ċirkustanzi Differenti
Jien u Ann iżżewwiġna iktar tard fl-1960, u kellna l-mira li nidħlu fis-servizz missjunarju. Imma ċ-ċirkustanzi tagħna nbidlu meta sirna nafu li kien se jkollna tarbija. Wara li twieldet it-tifla tagħna Sara, jien u Ann xorta kellna x-xewqa li naqdu f’pajjiż fejn il-bżonn għal pubblikaturi tas-Saltna kien akbar. Applikajt għal xogħol f’diversi pajjiżi, u eventwalment, f’Mejju taʼ l-1966, waslet ittra mill-Ministeru taʼ l-Edukazzjoni fl-Uganda li kkonfermat li kienu sabuli xogħol. Però, sadanittant Ann kienet tqila bit-tieni tarbija tagħna. Xi wħud ħasbu li ma kienx għaqli li nikkunsidraw li mmorru noqogħdu f’post daqshekk ’il bogħod. Aħna tkellimna mat-tabib tagħna, li qal: “Jekk se tmorru, ħa jkollkom isiefru qabel ma martek tagħlaq sebaʼ xhur tqala.” Għalhekk, mill-ewwel tlaqna għall-Uganda. Minħabba f’hekk, il-ġenituri tagħna ma rawx it-tieni tifla tagħna, Rachel, sakemm għalqet sentejn. Issa li aħna stess għandna t-tfal tat-tfal, nistgħu napprezzaw is-sagrifiċċju li għamlu l-ġenituri għeżież tagħna.
Il-wasla tagħna fl-Uganda fl-1966 kienet kemm eċċitanti u kemm taʼ qtigħ il-qalb. X’ħin inżilna mill-ajruplan mill-ewwel bqajna impressjonati bil-kuluri madwarna għax tant kienu jixegħlu. L-ewwel dar li kellna kienet viċin belt żgħira jisimha Iganga, li kienet 50 kilometru ’l bogħod minn Jinja, belt qrib il-post minfejn tibda x-Xmara Nil. Ix-Xhieda li kienu jgħixu l-iktar viċin tad-dar tagħna kienu grupp iżolat f’Jinja. Il-missjunarji Gilbert u Joan Walters u Stephen u Barbara Hardy ħadu ħsieb il-grupp. Jien applikajt għal trasferiment biex naħdem f’Jinja ħalli nkunu nistgħu ngħinu aħjar lil dan il-grupp. Ftit wara li twieldet Rachel, morna noqogħdu Jinja. Hemmhekk kellna l-ferħ li naqdu mal-grupp żgħir taʼ Xhieda leali li maż-żmien kiber u sar it-tieni kongregazzjoni fl-Uganda.
Naqdu Bħala Familja f’Art Barranija
Jien u Ann ħassejna li ma stajniex nagħżlu ambjent aħjar għat-trobbija tal-familja tagħna. Aħna kellna l-privileġġ li naħdmu flimkien maʼ missjunarji minn pajjiżi differenti u ngħinu kongregazzjoni li kienet għadha kif ifformat biex tkompli tikber. Konna nħobbu l-kumpanija taʼ ħutna rġiel u nisa mill-Uganda, li spiss żaru d-dar tagħna. Stanley u Esinala Makumba kienu speċjalment taʼ inkuraġġiment għalina.
Imma l-aħwa ma kinux l-uniċi viżitaturi li kien ikollna peress li konna mdawrin b’varjetà inkredibbli t’annimali. L-ippopotami kienu jitilgħu mix-Xmara Nil bil-lejl u jiġu viċin ħafna tad-dar tagħna. Jien għadni niftakar qisu l-bieraħ dakinhar li kellna piton, serp twil 6 metri fil-ġnien. Kultant, aħna konna mmorru naraw l-annimali f’xi santwarju naturali, fejn l-iljuni u l-annimali salvaġġi l-oħra kienu jiġru maʼ kullimkien.
Fil-ministeru, konna spettaklu mhux tas-soltu għan-nies lokali għax qatt qabel ma kienu raw puxċer. Waqt li konna mmorru minn dar għal dar, aħna spiss kellna grupp taʼ tfal jimxu warajna. In-nies kienu jħarsu lejna b’rispett u mbagħad kienu jmissu lit-tarbija bajda. L-għoti taʼ xiehda kien taʼ pjaċir għax in-nies kienu jilqgħuna ħafna. Aħna ħsibna li kulħadd kien se jidħol fil-verità, għaliex kien faċli ħafna li tibda studji tal-Bibbja. Madankollu, ħafna sabuha diffiċli biex jeħilsu mit-tradizzjonijiet mhux skritturali. Madankollu, numru mhux ħażin aċċettaw il-livelli morali għoljin tal-Bibbja, u l-kongregazzjoni kibret. L-ewwel assemblea tas-circuit f’Jinja fl-1968 kienet punt sinifikanti fl-istorja taʼ dik il-kongregazzjoni. Il-magħmudija fix-Xmara Nil taʼ xi ftit minn dawk li konna studjajna l-Bibbja magħhom hija tifkira li tant ngħożżuha. Imma l-paċi tagħna ma damitx ma sfaxxat fix-xejn.
Il-Projbizzjoni—Test taʼ Fidi u Ħila
Fl-1971, il-Ġeneral Idi Amin ħataf il-poter. Kien hemm konfużjoni sħiħa f’Jinja, u kien waqt li konna qed nieħdu kikkra te fil-ġnien tagħna li seħħ dak li ddeskrivejt fil-bidu. Matul is-sentejn taʼ wara, il-komunità kbira mill-Asja ġiet imkeċċija. Ħafna mill-barranin għażlu li jitilqu, u l-iskejjel u l-faċilitajiet mediċi batew ħafna. Imbagħad, kien hemm l-avviż aħrax li x-Xhieda taʼ Jehovah ġew projbiti. Minħabba li kienu konċernati dwar is-sigurtà tagħna, dawk fid-Dipartiment taʼ l-Edukazzjoni ħaduna fil-belt kapitali, Kampala. Din il-bidla kienet taʼ benefiċċju b’żewġ modi. F’Kampala ma tantx kienu jafuna, u b’hekk kellna iktar libertà. Kien hemm ukoll ħafna xogħol xi jsir fil-kongregazzjoni u fil-ministeru taʼ l-għalqa.
Brian u Marion Wallace u ż-żewġt itfal tagħhom kienu fl-istess sitwazzjoni tagħna, u huma wkoll iddeċidew li jibqgħu fl-Uganda. Aħna apprezzajna ħafna l-kumpanija tagħhom waqt li qdejna flimkien fil-Kongregazzjoni taʼ Kampala matul dan il-perijodu diffiċli. Ir-rakkonti li konna qrajna dwar ħutna li qdew f’pajjiżi oħra fejn ix-xandir kien projbit issa saru taʼ inkuraġġiment speċjali għalina. Konna niltaqgħu fi gruppi żgħar, u darba fix-xahar, konna niltaqgħu fi gruppi akbar fil-Ġonna Botaniċi taʼ Entebbe, billi taparsi qed nagħmlu laqgħa soċjali. Iż-żewġt ibniet tagħna kienet togħġobhom ħafna din l-idea.
Kellna nużaw id-dehen dwar kif nagħmlu x-xogħol taʼ l-ippridkar. Il-fatt li nies bojod iżuru d-djar taʼ wħud mill-Uganda kien jagħti wisq fl-għajn. Għalhekk, il-ħwienet, l-appartamenti, u xi nħawi fejn kien hemm l-iskejjel saru t-territorju tagħna. Metodu wieħed li jien kont nuża kien li nistaqsi għal xi prodott li kont naf li kien skars, bħaz-zokkor jew ir-ross. Jekk dak tal-ħanut kien juri niket minħabba dak li kien qed jiġri fil-pajjiż, jien kont nintroduċi l-messaġġ tas-Saltna. Dan il-metodu ħadem tajjeb. Kultant, meta kont nitlaq mill-ħanut kien ikolli żjara lura kif ukoll kwantità żgħira taʼ dak il-prodott li jkun skars.
Sadanittant, il-vjolenza kienet qed tiżdied madwarna. Minħabba li r-relazzjonijiet bejn l-Uganda u l-Britannja kienu qed jeħżienu, l-awtoritajiet ma ridux iġedduli l-kuntratt. B’hekk fl-1974, wara tmien snin fl-Uganda, kien imiss lilna b’dispjaċir biex insellmu lil ħutna. Madankollu, l-ispirtu missjunarju ma naqasx.
Tlaqna Lejn il-Ginea l-Ġdida
F’Jannar taʼ l-1975, aħna ħtafna l-opportunità biex immorru naħdmu f’Papwa Ginea Ġdida. U hekk bdew tmien snin taʼ servizz pjaċevoli f’dan ir-reġjun tal-Paċifiku. Il-ħajja tagħna maʼ l-aħwa u fil-ministeru kienet rikka u premjanti.
Il-familja tagħna tiftakar fiż-żmien li qattajna fil-Papwa Ginea Ġdida bħala ż-żmien tad-drammi—jiġifieri drammi mill-Bibbja. Kull sena, konna involuti fil-preparazzjoni tad-drammi għall-konvenzjoni distrettwali, u x’ferħ konna ngawdu! Aħna gawdejna l-kumpanija taʼ ħafna familji spiritwali, u dawn kienu taʼ influwenza pożittiva għall-bniet tagħna. It-tifla l-kbira tagħna, Sara, iżżewġet lil Ray Smith, pijunier speċjali, u flimkien qdew bħala pijunieri speċjali qrib il-fruntiera taʼ Irian Jaya (issa Papwa, provinċja taʼ l-Indoneżja). Id-dar tagħhom fir-raħal lokali kienet għarix magħmul mill-ħaxix, u Sara tgħid li ż-żmien li damet hemm f’dak l-inkarigu kien taʼ taħriġ eċċellenti għaliha.
Naddattaw għal Ċirkustanzi Ġodda
Sadanittant, il-ġenituri tiegħi kellhom bżonn taʼ xi ħadd biex jieħu ħsiebhom. Minflok ma morna lura l-Ingilterra, il-ġenituri tiegħi qablu li jiġu jgħixu magħna, u fl-1983 ilkoll kemm aħna morna ngħixu l-Awstralja. Huma qattgħu wkoll ftit żmien m’oħti Daphne, li kienet għadha l-Ġappun. Wara li mietu l-ġenituri tiegħi, jien u Ann iddeċidejna li naqdu bħala pijunieri regulari, u dan wassal għal privileġġ li jien sibtu daqsxejn taʼ sfida.
Konna għadna kif bdejna bħala pijunieri meta ġejna mistidnin naqdu fix-xogħol tas-circuit. Mindu kont tifel żgħir, kont inħares lejn iż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit bħala avveniment speċjali. Issa jien kont l-indokratur tas-circuit. Dan kien l-iktar inkarigu diffiċli li kellna l-privileġġ ingawdu sa dan il-punt f’ħajjitna, imma darba wara l-oħra Jehovah għenna b’modi li ma konniex esperjenzajna qabel.
Matul iż-żjara taż-żona taʼ Ħuna Theodore Jaracz fl-Awstralja fis-sena 1990, aħna staqsejnieh jekk kienx jaħseb li fl-età avanzata tagħna kienx possibbli li naqdu fix-xogħol full-time f’pajjiż barrani. Hu qalilna: “X’taħsbu dwar il-Gżejjer Solomon?” B’hekk fl-aħħar, meta jien u Ann kellna iktar minn 50 sena, tlaqna għal dak li sar l-ewwel inkarigu uffiċjali tagħna bħala missjunarji.
Naqdu fil-“Gżejjer Ferrieħa”
Il-Gżejjer Solomon huma magħrufin bħala l-Gżejjer Ferrieħa, u s-servizz tagħna hawn f’dawn l-aħħar għaxar snin tabilħaqq kien żmien taʼ ferħ. Jien u Ann rajna l-qalb tajba u ġentili taʼ l-aħwa rġiel u nisa fil-gżejjer Solomon waqt li qdejt bħala l-indokratur tad-distrett. L-ospitalità li wrewna missitilna qalbna, u kulħadd wera tolleranza għall-isforzi tiegħi biex nispjega affarijiet b’lingwa li jien ħsibt li kont nafha, dik tal-Pidgin tal-Gżejjer Solomon—lingwa li għandha wieħed mill-iżgħar vokabolarji fid-dinja.
Ftit wara l-wasla tagħna fil-Gżejjer Solomon, uħud li opponew ipprovaw iwaqqfuna milli nużaw is-Sala taʼ l-Assemblea tagħna. Il-knisja Anglikana akkużat lix-Xhieda taʼ Jehovah, billi qalet li s-Sala taʼ l-Assemblea l-ġdida tagħna f’Honiara kellha biċċa minnha mibnija fuq l-art tagħhom. Il-gvern appoġġa l-akkuża tagħhom, u għalhekk aħna appellajna d-deċiżjoni lill-Qorti Superjuri. Ir-riżultat taʼ l-appell kien se jiddetermina jekk kellniex inħottu s-Sala taʼ l-Assemblea l-ġdida tagħna li kienet tesaʼ 1,200 ruħ.
Il-każ dam jiġi mismugħ fil-qorti għal ġimgħa sħiħa. L-avukat li kien kontrina kien kunfidenti b’mod arroganti waqt li l-każ kien qed jiġi preżentat kontrina. Imbagħad, b’argumenti b’saħħithom wieħed wara l-ieħor, l-avukat tagħna, Ħuna Warren Cathcart min-New Zealand, kixef u ġab fix-xejn kull parti mill-każ taʼ l-oppożizzjoni. Sal-Ġimgħa, l-aħbar taʼ din id-drama fil-qorti kienet infirxet sew, u l-qorti kienet ippakkjata b’uffiċjali għoljin tal-knisja, uffiċjali tal-gvern, u ħutna l-Kristjani. Għadni niftakar l-iżball fuq l-iskeda tal-qorti uffiċjali. Kien hemm miktub: “Il-Gvern tal-Gżejjer Solomon u l-Knisja tal-Melanesja kontra Jehovah.” Aħna rbaħna.
Madankollu, it-trankwillità komparattiva tal-Gżejjer Ferrieħa ma kellhiex iddum. Jien u Ann erġajna sibna ruħna f’nofs l-inkwiet u l-vjolenza taʼ kolp militari. Rivalità etnika wasslet għal gwerra ċivili. Fil-5 taʼ Ġunju tas-sena 2000, il-gvern twaqqaʼ u l-belt kapitali ġiet fil-kontroll taʼ militanti armati. Għal ftit ġimgħat, is-Sala taʼ l-Assemblea tagħna saret ċentru għal persuni li tilfu djarhom. L-awtoritajiet baqgħu impressjonati li ħutna l-Kristjani minn gruppi etniċi differenti kienu qed jgħixu bħala familja waħda ferħana u magħquda taħt saqaf wieħed fis-Sala taʼ l-Assemblea. Kemm kienet xiehda mill-aqwa din!
Anki l-militanti rrispettaw in-newtralità tax-Xhieda taʼ Jehovah. Dan għenna nikkonvinċu lil wieħed mill-kmandanti biex iħallina naqsmu bit-trakk mimli letteratura u provvisti oħra ħalli niħduhom lil grupp żgħir t’aħwa li kienu maqtugħin minħabba li kienu f’post kontrollat mis-suldati taʼ kontrihom. Meta sibna lil dawk il-familji li kienu ilhom mifrudin minna għal xi xhur, ma naħsibx li kien hemm xi ħadd li ma bekiex.
Ħafna Għalxiex Inkunu Grati
Meta nirriflettu fuq il-ħajja tagħna fis-servizz taʼ Jehovah, naraw kemm għandna għalxiex inkunu grati. Bħala ġenituri, aħna kellna l-barka li naraw iż-żewġt ibniet tagħna u l-irġiel tagħhom, Ray u John, ikomplu jaqdu lil Jehovah lealment. Kienu vera t’appoġġ għalina fl-inkarigu missjunarju tagħna.
Għall-aħħar 12-il sena, jien u Ann kellna l-privileġġ li naqdu fl-uffiċċju tal-fergħa fil-Gżejjer Solomon, u matul dan iż-żmien, rajna n-numru taʼ proklamaturi tas-Saltna fil-Gżejjer Solomon jirdoppja, u issa laħaq iktar minn 1,800 proklamatur. Reċentement, jien irċivejt privileġġ ieħor, dak li nattendi l-Iskola għal Membri tal-Kumitati tal-Fergħa f’Patterson, New York. Verament, aħna gawdejna ħajja rikka b’ħafna barkiet għax żammejna l-ispirtu missjunarju.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “We Did Not Procrastinate” fil-Watchtower, 15 taʼ Jannar taʼ l-1977.
[Stampa f’paġna 23]
Il-ġurnata tat-tieġ tagħna, fl-1960
[Stampa f’paġna 24]
Fl-Uganda, Stanley u Esinala Makumba kienu taʼ inkuraġġiment għall-familja tagħna
[Stampa f’paġna 24]
Sara dieħla fl-għarix tal-ġâra
[Stampa f’paġna 25]
Jien kont inpinġi l-istampi biex jgħinuni ngħallem lin-nies tal-Gżejjer Solomon
[Stampa f’paġna 25]
Laqgħa maʼ kongregazzjoni iżolata fil-Gżejjer Solomon
[Stampa f’paġna 26]
Il-familja tagħna llum