LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 7/1 p. 28-p. 31 para. 12
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Ewwel Slaten

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Ewwel Slaten
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • SULTAN GĦAREF JIPPROMWOVI S-​SLIEM U L-​PROSPERITÀ
  • (1 Slaten 1:1–11:43)
  • SALTNA MAGĦQUDA TISFAXXA
  • (1 Slaten 12:1–22:​54 [1 Slaten 12:​1–22:​53, NW])
  • Taʼ Valur Kbir Għalina
  • Punti mill-1 Slaten
    Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
  • Salamun Jaħkem bl-Għerf
    Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
  • Iservi t’Eżempju Tajjeb Għalik jew taʼ Twissija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • It-tmexxija tal-pajjiż tinqasam
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 7/1 p. 28-p. 31 para. 12

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb taʼ l-​Ewwel Slaten

“META s-​setgħa tkun f’idejn il-​ġusti, jifraħ il-​poplu, imma meta jaħkmu l-​ħżiena, il-​poplu jitniehed.” (Proverbji 29:2) Il-​ktieb Bibliku taʼ l-​Ewwel Slaten jagħti stampa ħajja taʼ kemm hu minnu dan il-​proverbju. Dan jitkellem dwar il-​ħajja taʼ Salamun, li matul il-​ħakma tiegħu Iżrael igawdi żmien taʼ sigurtà u prosperità li ma bħalha. L-​Ewwel Slaten jinkludi wkoll rakkont taʼ kif il-​ġens jinqasam wara l-​mewt taʼ Salamun u erbatax-il sultan li jiġu warajh, xi wħud f’Iżrael u xi wħud f’Ġuda. Tnejn biss minn dawn is-​slaten baqgħu dejjem leali lejn Ġeħova. Barra minn hekk, il-​ktieb jitkellem dwar l-​attivitajiet taʼ sitt profeti, inkluż Elija.

Ir-​rakkont miktub f’Ġerusalemm u f’Ġuda mill-​profeta Ġeremija jkopri perijodu taʼ xi 129 sena​—mill-​1040 Q.E.K. sad-​911 Q.E.K. Waqt li kien qed iħejji l-​ktieb, milli jidher Ġeremija rrefera għal dokumenti antiki bħala “Ktieb il-​Ġrajja taʼ Salamun.” Dawk ir-​rapporti separati m’għadhomx jeżistu.—1 Slaten 11:41; 14:19; 15:7.

SULTAN GĦAREF JIPPROMWOVI S-​SLIEM U L-​PROSPERITÀ

(1 Slaten 1:1–11:43)

L-​Ewwel Slaten jibda b’rakkont interessanti taʼ kif Adonija, bin is-​Sultan David, jagħmel attentat biex jipprova jieħu taħt idejh is-​saltna taʼ missieru bla ma kellu jedd għaliha. Minħabba li l-​profeta Natan jaġixxi mill-​ewwel, il-​pjan jiġi mfixkel, u Salamun, bin David, jintgħamel sultan. Ġeħova jieħu pjaċir bit-​talba tas-​sultan li għadu kif inħatar fuq it-​tron u jagħtih “moħħ għaref u għaqli” u maʼ dan jagħtih “sew ġid [u] sew glorja.” (1 Slaten 3:​12, 13) L-​għerf tas-​sultan qatt ma kien hemm bħalu u lanqas bħall-​għana tiegħu. Iżrael igawdi perijodi taʼ sliem u prosperità.

Fost il-​proġetti tal-​bini li Salamun ilesti hemm it-​tempju taʼ Ġeħova u diversi binjiet governattivi. Ġeħova jiżgura lil Salamun: “Jiena [se] nżomm sħiħ it-​tron tas-​saltna tiegħek fuq Iżrael għal dejjem,” sakemm is-​sultan jibqaʼ ubbidjenti. (1 Slaten 9:​4, 5) L-​Alla veru jwissih ukoll dwar il-​konsegwenzi tad-​diżubbidjenza. Minkejja dan, Salamun jiżżewweġ ħafna nisa pagani. Minħabba li dawn jinfluwenzawh, fi xjuħitu hu jdur lejn il-​qima falza. Ġeħova jbassar li s-​saltna tiegħu se tinqasam. Fis-​sena 997 Q.E.K., Salamun imut u jtemm ir-​renju tiegħu t’40 sena. Ibnu Reħobogħam jieħu t-​tron.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:5​—Adonija għala pprova jieħu t-​tron waqt li David kien għadu ħaj? Il-​Bibbja ma tgħidilniex. Però, huwa raġunevoli li nikkonkludu li peress li ħutu l-​kbar, Amnon u Absalom, kienu diġà mietu, bħalma probabbilment kien mejjet Kilab, bin David, Adonija ħaseb li kellu d-​dritt għat-​tron bħala l-​akbar wieħed minn ulied David li kienu għadhom ħajjin. (2 Samwel 3:​2-4; 13:​28, 29; 18:​14-​17) Peress li Adonija kiseb l-​appoġġ taʼ Ġowab, il-​kap qawwi taʼ l-​armata, u t’Abjatar, il-​qassis il-​kbir prominenti, probabbilment hu ħassu kunfidenti li l-​attentat tiegħu kien se jirnexxi. Il-​Bibbja ma tgħidx jekk kienx jaf bil-​pjan taʼ David biex Salamun jiret it-​tron. Però, Adonija ma stidinx lil Salamun u oħrajn leali lejn David għas-​“sagrifiċċji.” (1 Slaten 1:​9, 10) Dan jagħtina x’nifhmu li kien iħares lejn Salamun bħala rival.

1:​49-​53; 2:​13-​25​—Salamun għala qatel lil Adonija wara li ħafirlu? Avolja Batseba ma indunatx, Salamun għaraf l-​intenzjoni vera wara t-​talba t’Adonija biex hi titlob li s-​sultan jagħtih lil Abisag bħala martu. Għalkemm David ma kellux relazzjonijiet magħha, is-​sabiħa Abisag kienet kunsidrata bħala l-​konkubina taʼ David. Skond id-​drawwa taʼ dak iż-​żmien, hi kienet se ssir tappartjeni biss lill-​werriet legali taʼ David. Adonija setaʼ ħaseb li billi jieħu lil Abisag bħala martu, hu setaʼ jerġaʼ jkollu ċans jieħu t-​tron. Peress li interpreta t-​talba t’Adonija bħala turija taʼ l-​ambizzjoni tiegħu biex isir sultan, Salamun irtira l-​maħfra.

6:37–​8:2​—Meta ġie inawgurat it-​tempju? It-​tempju tlesta fit-​tmien xahar taʼ l1027 Q.E.K., fil-​11-il sena tal-​ħakma taʼ Salamun. Milli jidher ittieħdu 11-il xahar biex jinġieb it-​tagħmir u jsiru tħejjijiet oħra. L-​inawgurazzjoni allura bilfors li saret fis-​sebaʼ xahar tas-​sena 1026 Q.E.K. Qabel ma jsemmi l-​inawgurazzjoni, ir-​rakkont jiddeskrivi proġetti tal-​bini oħra wara li jitlesta t-​tempju, ovvjament, biex jagħti deskrizzjoni iktar ċara dwar kif jiffunzjona l-​bini.​—2 Kronaki 5:​1-3.

9:​10-​13​—Kienet l-​għotja taʼ Salamun fi qbil mal-​Liġi Mosajka meta ta l-​20 belt fl-​art tal-​Galilija lis-​Sultan Ħiram taʼ Tir? Il-​Liġi kif imniżżla f’​Levitiku 25:​23, 24 setgħet titqies bħala li tapplika biss għal territorju okkupat mill-​Iżraelin. Huwa possibbli li l-​bliet li Salamun ta lil Ħiram kienu abitati minn uħud li ma kinux Iżraelin, minkejja li kienu fit-​truf taʼ l-​Art Imwiegħda. (Eżodu 23:31) L-​azzjoni taʼ Salamun setgħet ukoll tindika l-​fatt li naqas milli jżomm kompletament mal-​Liġi, bħal meta ‘żied iż-​żwiemel’ u meta żżewweġ ħafna nisa. (Dewteronomju 17:​16, 17) Kien x’kien il-​każ, Ħiram ma kienx sodisfatt bl-​għotja. Forsi l-​bliet ma kinux miżmuma sew mill-​abitanti pagani tagħhom, jew jistaʼ jkun li ma kinux jinsabu f’postijiet ideali.

11:4​—Huwa minħabba d-​dgħjufija tax-​xjuħija li Salamun ma baqax leali fi xjuħitu? Dan ma jidhirx li hu l-​każ. Salamun kien għadu żgħir mhux ħażin meta beda jaħkem, u għalkemm ħakem għal 40 sena, hu ma laħaqx l-​età avanzata tax-​xjuħija. Iktar minn hekk, hu ma waqafx għalkollox milli jsegwi lil Ġeħova. Milli jidher hu pprova jħallat forom differenti taʼ twemmin.

Lezzjonijiet Għalina:

2:​26, 27, 35. Dak li jbassar Ġeħova dejjem iseħħ. It-​tneħħija taʼ Abjatar bħala dixxendent t’Għeli, wettqet “il-​kelma tal-​Mulej li kien qal għal dar Għeli.” Meta Sadok, mil-​linja taʼ Fineħas, ħa post Abjatar, seħħ il-​kliem taʼ Numri 25:​10-​13.​—Eżodu 6:​25; 1 Samwel 2:​31; 3:​12; 1 Kronaki 24:3.

2:​37, 41-​46. Kemm hu perikoluż li wieħed jaħseb li jistaʼ jikser ir-​regoli mingħajr ma jiġi kastigat! Dawk li minn jeddhom jiżvijaw milli jsegwu ‘t-​triq imħarbta li tieħu għall-​ħajja’ se jbatu l-​konsegwenzi tad-​deċiżjoni tagħhom nieqsa mill-​għaqal.—Mattew 7:14.

3:​9, 12-​14. Ġeħova jwieġeb it-​talb sinċier tal-​qaddejja tiegħu għall-​għerf, il-​fehma, u l-​gwida biex iwettqu s-​servizz tiegħu.—Ġakbu 1:5.

8:​22-​53. X’apprezzament mill-​qalb esprima Salamun għal Ġeħova—Alla kollu mħabba, Dak li jwettaq il-​wegħdi, u Semmiegħ it-​talb! Jekk nimmeditaw fuq il-​kliem tat-​talba li għamel Salamun fl-​inawgurazzjoni se nkabbru l-​apprezzament tagħna għal dawn l-​aspetti u aspetti oħra tal-​personalità t’Alla.

11:​9-14, 23, 26. Meta Salamun sar diżubbidjenti fl-​aħħar snin taʼ ħajtu, Ġeħova qajjimlu l-​għedewwa. “Alla jopponi lis-​suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-​umli,” jgħid l-​appostlu Pietru.—1 Pietru 5:5.

11:​30-​40. Is-​Sultan Salamun ipprova joqtol lil Ġerobogħam minħabba dak li Aħija kien ipprofetizza dwar Ġerobogħam. Kemm kien differenti dak li għamel is-​sultan 40 sena qabel meta rrifjuta li jivvendika ruħu minn Adonija u oħrajn li kkonfoffaw kontrih! (1 Slaten 1:​50-53) Din il-​bidla fl-​attitudni kienet minħabba li hu telaq lil Ġeħova.

SALTNA MAGĦQUDA TISFAXXA

(1 Slaten 12:1–22:​54 [1 Slaten 12:​1–22:​53, NW])

Ġerobogħam u l-​poplu jmorru għand is-​Sultan Reħobogħam u jitolbuh itaffilhom il-​piż li impona fuqhom missieru, Salamun. Minflok ma jagħtihom dak li jitolbu, Reħobogħam jhedded li jitfaʼ piż saħansitra itqal fuqhom. Għaxar tribujiet jagħmlu rewwixta u jpoġġu lil Ġerobogħam sultan fuqhom. Is-​saltna tinsab maqsuma. Reħobogħam jaħkem fuq is-​Saltna tan-​nofsinhar, magħmula mit-​tribujiet taʼ Ġuda u Benjamin, u Ġerobogħam jaħkem fuq is-​Saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet fit-​tramuntana.

Ġerobogħam jagħmel żewġ għoġiela tad-​deheb—wieħed f’Dan u ieħor f’Betel—biex jiskuraġġixxi lin-​nies milli joqogħdu jmorru Ġerusalemm għall-​qima. Fost is-​slaten li jaħkmu f’Iżrael wara Ġerobogħam hemm Nadab, Bagħsa, Ela, Żimri, Tibni, Għomri, Aħab, u Aħażija. Abijam, Asa, Ġosafat, u Ġeħoram, jilħqu wara Reħobogħam f’Ġuda. Il-​profeti li kienu attivi fi żmien dawn is-​slaten jinkludu lil Aħija, Semaja, u bniedem t’Alla li ma nafux x’jismu, kif ukoll Ġeħu, Elija, u Mikaja.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

18:21​—In-​nies għala baqgħu siekta meta Elija staqsihom biex imorru jew wara Ġeħova jew wara Bagħal? Jistaʼ jkun li indunaw li ma kinux taw lil Ġeħova d-​devozzjoni esklużiva li jirrikjedi hu, u għalhekk ħassewhom ħatjin. Jew forsi l-​kuxjenza tagħhom tant ibbieset li ma raw xejn ħażin f’li jqimu lil Bagħal waqt li jgħidu li jqimu lil Ġeħova. Kien biss wara li Ġeħova wriehom il-​qawwa tiegħu li qalu: “Jaħweh, Alla hu! Jaħweh, Alla hu!”—1 Slaten 18:39.

20:34​—Wara li Ġeħova ta r-​rebħa lil Aħab fuq is-​Sirjani, Aħab għala ħeles lis-​sultan Benħadad? Minflok ma qatel lil Benħadad, Aħab għamel patt miegħu li bih it-​toroq fil-​kapitali Sirjana, Damasku, kienu se jibdew jappartjenu lil Aħab, evidentement sabiex jistabbilixxi swieq, jew negozji. Iktar kmieni, missier Benħadad kien ħa għalih toroq fis-​Samarija għal skopijiet kummerċjali. Għalhekk, Benħadad inħeles sabiex Aħab ikun jistaʼ jistabbilixxi l-​kummerċ f’Damasku.

Lezzjonijiet Għalina:

12:​13, 14. Meta nieħdu deċiżjonijiet vitali f’ħajjitna, għandna nfittxu l-​parir t’uħud għaqlin u maturi li jafu l-​Iskrittura sew u li għandhom rispett kbir għall-​prinċipji divini.

13:​11-​24. Meta parir jew suġġeriment jidher dubjuż, anki jekk ikun ġej minn sieħbek fit-​twemmin li jkollu intenzjoni tajba, dan għandu jitqabbel mal-​gwida f’lokha tal-​Kelma t’Alla.—1 Ġwanni 4:1.

14:13. Ġeħova jeżaminana biex isib it-​tajjeb li għandna. Minkejja kemm ikun insinifikanti dak it-​tajjeb, hu jistaʼ jkabbru hekk kif nagħmlu l-​almu tagħna biex naqduh.

15:​10-13. Irridu niċħdu l-​apostasija bil-​qlubija u minflok nippromwovu l-​qima vera.

17:​10-​16. L-​armla taʼ Sarefta għarfet lil Elija bħala profeta u laqgħetu bħala tali, u Ġeħova bierek l-​għemejjel tal-​fidi tagħha. Illum, Ġeħova wkoll jinnota l-​għemejjel tal-​fidi tagħna, u jippremja lil dawk li jappoġġaw b’diversi modi x-​xogħol tas-​Saltna.—Mattew 6:33; 10:​41, 42; Ebrej 6:10.

19:​1-8. Meta nkunu qed niffaċċjaw oppożizzjoni qawwija, nistgħu nħossuna fiduċjużi mill-​appoġġ taʼ Ġeħova.—2 Korintin 4:​7-9.

19:​10, 14, 18. L-​aduraturi veri qatt ma huma waħedhom. Huma għandhom lil Ġeħova u l-​fratellanza madwar id-​dinja.

19:​11-​13. Ġeħova m’huwiex alla li qiegħed fin-​natura jew sempliċi personifikazzjoni taʼ forzi naturali.

20:11. Meta Benħadad ftaħar dwar li se jeqred lis-Samarija, is-​sultan taʼ Iżrael wieġbu: “Qis li min ixidd l-​armi [fi tħejjija għall-​battalja], ma jiftaħarx bħal min ineħħihom minn fuqu” wara li jiġi lura rebbieħ minn battalja. Meta niffaċċjaw inkarigu ġdid, irridu nevitaw il-​kunfidenza żejda bħal taʼ xi ħadd fanfarun.—Proverbji 27:1; Ġakbu 4:​13-16.

Taʼ Valur Kbir Għalina

Meta kien qed jagħti l-​Liġi fuq il-​Muntanja Sinaj, Mosè qal lil ulied Iżrael: “Araw, jien illum, inqiegħed quddiemkom barka u saħta; il-​barka, jekk tħarsu l-​kmandamenti tal-​Mulej, Alla tagħkom, li jiena llum qiegħed nordnalkom; u s-​saħta, jekk ma tħarsux il-​kmandamenti tal-​Mulej, Alla tagħkom, imma toħorġu mit-​triq li jiena llum qiegħed nordnalkom.”—Dewteronomju 11:​26-28.

Kemm jiġbdilna l-​attenzjoni b’mod ċar lejn din il-​verità vitali l-​ktieb taʼ l-​Ewwel Slaten! Bħalma rajna, dan il-​ktieb jgħallimna wkoll lezzjonijiet prezzjużi oħra. Il-​messaġġ li fih hu tassew ħaj u qawwi.—Ebrej 4:12.

[Stampa f’paġna 29]

It-​tempju u bini ieħor li nbnew minn Salamun

[Stampa f’paġna 30]

Wara li Ġeħova wera l-​qawwa tiegħu, il-​poplu esklama: “Jaħweh, Alla hu!”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja