Aħna Se Nimxu f’Isem Ġeħova Alla Tagħna
“Aħna nimxu f’isem il-Mulej, Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.”—MIKEA 4:5.
1. Fejn tidħol il-moralità, x’kienet is-sitwazzjoni fi żmien Noè, u Noè b’liema mod kien differenti?
L-EWWEL raġel imsemmi fil-Bibbja bħala li mexa m’Alla kien Ħenok. It-tieni kien Noè. Ir-rakkont jgħid: “Noè kien bniedem ġust u kien perfett fost in-nies taʼ żmienu; kien jimxi sewwa maʼ Alla.” (Ġenesi 6:9) Sa żmien Noè, il-bnedmin in ġenerali kienu tbiegħdu mill-qima pura. Is-sitwazzjoni kerha marret għall-agħar minħabba l-anġli żleali li fformaw rabtiet mhux naturali man-nisa u pproduċew nisel imsejjaħ Nefilim, in-“nies kbar” taʼ dak iż-żmien. Mhux taʼ b’xejn li l-art imtliet bil-vjolenza! (Ġenesi 6:2, 4, 11) Xorta waħda, Noè wera li kien bla ħtija u kien “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) Meta Alla ordnalu jibni arka biex jippreserva l-ħajja, Noè b’ubbidjenza “hekk għamel . . . għamel kull ma ordnalu Alla.” (Ġenesi 6:22) Tabilħaqq, Noè mexa m’Alla.
2, 3. Liema eżempju mill-aqwa pprovda Noè għalina llum?
2 Pawlu inkluda lil Noè fil-lista taʼ xhieda leali meta kiteb: “Bil-fidi Noè, wara li ngħata twissija divina dwar affarijiet li kienu għadhom ma dehrux, wera l-biżaʼ t’Alla u bena arka biex isalva lin-nies taʼ daru; u permezz taʼ din il-fidi kkundanna lid-dinja, u sar werriet tal-ġustizzja li tiġi permezz tal-fidi.” (Ebrej 11:7) X’eżempju mill-aqwa! Peress li kien ċert li kliem Ġeħova kien se jseħħ, Noè uża l-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi sabiex iwettaq dak li ordnalu Alla. B’mod simili, ħafna llum iwarrbu fil-ġenb opportunitajiet sekulari f’din id-dinja u jużaw il-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tagħhom biex jobdu l-ordnijiet taʼ Ġeħova. Il-fidi tagħhom hi taʼ min jinnotaha u se twassal għas-salvazzjoni tagħhom stess kif ukoll taʼ oħrajn.—Luqa 16:9; 1 Timotju 4:16.
3 Żgur li ma kienx faċli għal Noè u l-familja tiegħu li juru l-fidi bħalma ma kienx faċli għal Ħenok, il-bużnannu taʼ Noè, li ġie diskuss fl-artiklu taʼ qabel. Bħal fi żmien Ħenok, fi żmien Noè l-aduraturi veri kienu minorità żgħira—tmienja min-nies biss urew li kienu leali u salvaw mid-Dilluvju. Noè ppriedka l-ġustizzja f’dinja vjolenti u immorali. Iktar minn hekk, hu u l-familja tiegħu kienu qed jibnu arka enormi taʼ l-injam biex iħejju għal għarqa globali, għalkemm ħadd qabel ma kien għadu ra għarqa bħal din. Din żgur li dehret bħala xi ħaġa stramba għal dawk li kienu qed josservawhom.
4. Ġesù enfasizza liema żball li għamlu dawk li kienu jgħixu fi żmien Noè?
4 Huwa interessanti li meta Ġesù rrefera għal żmien Noè, hu ma kienx qed jitkellem dwar il-vjolenza, ir-reliġjon falza, jew l-immoralità—għalkemm dawn l-affarijiet kienu tassew problemi serji. L-iżball li enfasizza Ġesù kien il-fatt li n-nies irrifjutaw li jagħtu kas it-twissija li ngħatat. Hu qal li huma kienu “jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-żwieġ, sal-jum li Noè daħal fl-arka.” Il-fatt li jieklu, jixorbu, jiżżewġu, u jingħataw għaż-żwieġ—x’hemm ħażin f’dan? Huma kienu sempliċement qed jgħixu ħajja “normali”! Imma kien ġej dilluvju, u Noè kien qed jippriedka li se ssir ġustizzja. Kliemu u l-imġiba tiegħu kellhom jagħtuhom twissija. Xorta waħda, huma “ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll.”—Mattew 24:38, 39.
5. Noè u l-familja tiegħu xi kwalitajiet kienu jeħtieġu?
5 Meta nħarsu lura lejn dawk iż-żminijiet, naraw kemm kienet għaqlija l-ħajja li għex Noè. Madankollu, fiż-żmien taʼ qabel id-Dilluvju ridt tkun kuraġġuż biex tkun differenti minn kulħadd. Noè u l-familja tiegħu kellhom bżonn konvinzjoni soda biex jibnu arka enormi u jimlewha bl-annimali. Tgħid kien hemm xi ħadd minn dawk l-uħud leali li kultant xtaq li ma jispikkax daqshekk u sempliċement jgħix ħajja “normali”? Anki jekk għaddewlhom dawn il-ħsibijiet minn moħħhom, huma ma ddgħajfux fl-integrità tagħhom. Wara ħafna snin, ħafna iktar minn kemm aħna lkoll se jkollna nissaportu f’din is-sistema, il-fidi taʼ Noè salvatu mid-Dilluvju. Però, Ġeħova għamel ħaqq minn dawk kollha li kienu qed jgħixu ħajja “normali” u ma tawx kas x’kien ifisser iż-żmien li kienu qed jgħixu fih.
Il-Vjolenza Terġaʼ Tgħakkes lill-Umanità
6. Wara d-Dilluvju, liema sitwazzjoni kienet għadha teżisti?
6 Wara li l-ilmijiet tad-Dilluvju bdew ibattu, l-umanità reġgħet bdiet folja ġdida. Madankollu, il-bnedmin kienu għadhom imperfetti, u “qalb il-bniedem” baqgħet tkun “miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu.” (Ġenesi 8:21) Barra minn hekk, għalkemm id-demonji ma kinux għadhom jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom f’iġsma umani, huma kienu għadhom attivi ħafna. Id-dinja taʼ bnedmin li jiċħdu ’l Alla malajr uriet li kienet “taħt il-qawwa tal-Ħażin” u l-istess bħal-lum, l-aduraturi veri kellhom jissieltu kontra “t-tnassis tax-Xitan.”—1 Ġwanni 5:19; Efesin 6:11, 12.
7. Il-vjolenza kif żdiedet fid-dinja taʼ wara dDilluvju?
7 Għallinqas miż-żmien taʼ Nimrod, l-art taʼ wara d-Dilluvju għal darb’oħra reġgħet saret kollha vjolenza mill-bniedem. Minħabba ż-żjieda fil-popolazzjoni u l-progress fit-teknoloġija, dik il-vjolenza żdiedet maż-żmien. Fl-imgħoddi kien hemm is-sejf, il-lanza, il-qaws u l-vleġġa, u l-karru. Iktar tard ġew l-azzarin u l-kanun, imbagħad l-ixkubetta u l-artillerija sofistikata tal-bidu tas-seklu 20. L-ewwel gwerra dinjija ġabet magħha armamenti iktar tal-biżaʼ, bħall-ajruplani, it-tankijiet tal-gwerra, is-sottomarini, u l-gass velenuż. F’dik il-gwerra, dawn l-armamenti ħadu miljuni taʼ ħajjiet. Kienet din xi ħaġa li ma tistennihiex? Le.
8. Kif twettqet l-iskrittura taʼ Rivelazzjoni 6:1-4?
8 Fis-sena 1914, Ġesù nħatar bħala Sultan tas-Saltna tas-sema t’Alla, u beda “jum il-Mulej.” (Rivelazzjoni 1:10) F’viżjoni rapportata fil-ktieb taʼ Rivelazzjoni, Ġesù jidher riekeb fuq żiemel abjad bħala Sultan rebbieħ. Hemm rikkieba oħra li jsegwuh u kull wieħed minnhom jirrappreżenta għawġ differenti għall-bnedmin. Wieħed minnhom jinsab riekeb fuq żiemel aħmar lewn in-nar, u lilu ngħatatlu s-setgħa “li jneħħi l-paċi minn fuq l-art sabiex joqtlu lil xulxin; u ngħatalu sejf kbir.” (Rivelazzjoni 6:1-4) Dan iż-żiemel u r-rikkieb tiegħu jagħtu stampa tal-gwerra, u s-sejf kbir jirrappreżenta l-qerda li qatt ma kien hawn bħalha li l-gwerer moderni jġibu magħhom bl-armi qawwijin li jintużaw fihom. Dawn l-armi llum jinkludu invenzjonijiet nukleari, li kull waħda minnhom kapaċi teqred eluf taʼ nies; rokits li huma kapaċi jġorru dawn l-invenzjonijiet lejn miri li jinsabu eluf taʼ kilometri ’l bogħod; kif ukoll armi kimiċi u bijoloġiċi sofistikati li jeqirdu bil-massa.
Aħna Nagħtu Kas it-Twissijiet taʼ Ġeħova
9. Id-dinja taʼ llum, b’liema mod tixbah lid-dinja li kienet teżisti qabel id-Dilluvju?
9 Fi żmien Noè, Ġeħova qered lill-umanità minħabba l-vjolenza esaġerata tal-bnedmin kefrin li ssieħbu man-Nefilim fil-ħażen. Xi ngħidu għal-lum? Teżisti inqas vjolenza llum milli kien hemm dak iż-żmien? Ma tantx! Iktar minn hekk, l-istess bħal fi żmien Noè, in-nies illum qed jagħmlu dak li għandhom jagħmlu, jipprovaw jgħixu ħajja “normali,” u jirrifjutaw li jagħtu kas it-twissijiet li qed jingħatawlhom. (Luqa 17:26, 27) Allura, hemm xi raġuni għala għandna niddubitaw li Ġeħova se jerġaʼ jeqred lill-bnedmin? Le.
10. (a) Liema twissija tingħata ripetutament fil-profeziji tal-Bibbja? (b) Liema hi l-unika triq għaqlija llum?
10 Mijiet taʼ snin qabel id-Dilluvju, Ħenok ipprofetizza dwar il-qerda li ġejja fi żmienna. (Ġuda 14, 15) Ġesù tkellem dwar it-“tribulazzjoni kbira” li ġejja. (Mattew 24:21) Profeti oħrajn taw twissija dwar dak iż-żmien. (Eżekjel 38:18-23; Danjel 12:1; Ġoel 3:4, 5 [2:31, 32, NW]) U fil-ktieb taʼ Rivelazzjoni naqraw deskrizzjoni ħajja taʼ dik il-qerda finali. (Rivelazzjoni 19:11-21) Bħala individwi, aħna nimitaw lil Noè u ninsabu attivi bħala predikaturi tal-ġustizzja. Aħna nagħtu kas it-twissijiet taʼ Ġeħova u bl-imħabba kollha ngħinu lill-proxxmu jagħmel l-istess. Għalhekk, bħal Noè, aħna nimxu m’Alla. Tabilħaqq, huwa vitali li kulmin jixtieq jgħix irid jibqaʼ jimxi m’Alla. Kif nistgħu nagħmlu dan meta nqisu l-pressjonijiet li niffaċċjaw kuljum? Irridu niżviluppaw fidi qawwija fit-twettiq taʼ l-iskop t’Alla.—Ebrej 11:6.
Ibqaʼ Miexi m’Alla fi Żminijiet taʼ Inkwiet
11. B’liema mod nimitaw lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu?
11 Fl-ewwel seklu, in-nies kienu jitkellmu dwar il-Kristjani midlukin bħala li kienu jappartjenu lit-“Triq.” (Atti 9:2) Il-mod taʼ ħajja tagħhom kien iffokat għalkollox fuq il-fidi f’Ġeħova u f’Ġesù Kristu. Huma mxew fuq il-passi taʼ Sidhom. Illum, il-Kristjani leali jagħmlu l-istess.
12. X’ġara wara li Ġesù tamaʼ lil folla b’mod mirakoluż?
12 L-importanza tal-fidi tidher fi ġrajja li seħħet matul il-ministeru taʼ Ġesù. Darba minnhom, permezz taʼ miraklu, Ġesù tamaʼ folla taʼ xi 5,000 raġel. In-nies baqgħu mistagħġbin u ħadu pjaċir b’dan. Innota, però, x’ġara wara. Naqraw: “Meta raw is-sinjali li wettaq, in-nies bdew jgħidu: ‘Dan żgur li hu l-profeta li kellu jiġi fid-dinja.’ Għalhekk, billi kien jaf li kienu ġejjin jaqbduh biex jagħmluh sultan, Ġesù reġaʼ telaq għalih waħdu fuq il-muntanja.” (Ġwanni 6:10-15) Dak il-lejl hu vvjaġġa lejn post ieħor. X’aktarx li ħafna kienu diżappuntati li Ġesù m’aċċettax li jkun sultan. Wara kollox, hu wera li kien għaqli biżżejjed biex ikun sultan u li kellu l-qawwa biex jissodisfa l-bżonnijiet fiżiċi tan-nies. Madankollu, kien għadu m’huwiex iż-żmien taʼ Ġeħova għalih biex jaħkem bħala Sultan. Barra minn hekk, is-saltna taʼ Ġesù kellha tkun fis-sema, mhux fuq l-art.
13, 14. Ħafna wħud liema ħarsa wrew li kellhom, u l-fidi tagħhom kif ġiet testjata?
13 Minkejja dan, il-folol determinati segwew lil Ġesù u sabuh, bħalma jgħid Ġwanni, billi kellhom “jaqsmu l-baħar.” Għala segwewh wara li hu ċaħad l-isforzi tagħhom biex jagħmluh sultan? Ħafna minnhom urew li kienu jħarsu lejn l-affarijiet mill-aspett fiżiku, l-iktar meta enfasizzaw l-affarijiet materjali li Ġeħova kien ipprovda fid-deżert fi żmien Mosè. Huma riedu li Ġesù jkompli jipprovdilhom materjalment. Ladarba Ġesù għaraf l-intenzjonijiet ħżiena tagħhom, hu beda jgħallimhom veritajiet spiritwali li setgħu jgħinuhom jirranġaw il-ħsibijiet tagħhom. (Ġwanni 6:17, 24, 25, 30, 31, 35-40) Minħabba f’hekk, xi wħud ilmentaw kontrih, speċjalment meta qal din it-tixbiha: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Jekk ma tiklux il-laħam taʼ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, m’għandkom ebda ħajja fikom infuskom. Min jiekol laħmi u jixrob demmi għandu l-ħajja taʼ dejjem, u jien nirxoxtah fl-aħħar jum.”—Ġwanni 6:53, 54.
14 It-tixbihat taʼ Ġesù spiss kienu jqanqlu lin-nies biex juru jekk xtaqux verament jimxu m’Alla. Din it-tixbiha kienet waħda minnhom. Qanqlet reazzjonijiet kbar. Naqraw: “Meta semgħu dan, ħafna mid-dixxipli tiegħu qalu: ‘Dan id-diskors ikexkxek; min jiflaħ jisimgħu?’” Ġesù kompla jispjega li kellhom ifittxu t-tifsir spiritwali għal kliemu. Hu qal: “Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja; il-laħam ma jiswa għalxejn. Il-kliem li għedtilkom hu spirtu u ħajja.” Xorta waħda, ħafna ma ridux jisimgħu, u r-rakkont jgħid: “Minħabba dan, ħafna mid-dixxipli tiegħu marru lura lejn dak li ħallew warajhom u ma baqgħux mexjin warajh.”—Ġwanni 6:60, 63, 66.
15. Liema ħarsa xierqa kellhom xi wħud mis-segwaċi taʼ Ġesù?
15 Minkejja dan, mhux id-dixxipli kollha taʼ Ġesù rreaġixxew b’dan il-mod. Huwa minnu li d-dixxipli leali ma fehmux għalkollox dak li kien qal Ġesù. Xorta waħda, il-fiduċja tagħhom fih baqgħet soda ħafna. Pietru, wieħed minn dawk id-dixxipli leali, esprima s-sentimenti taʼ dawk kollha li kien għad baqaʼ meta qal: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 6:68) X’attitudni eċċellenti, u x’eżempju mill-aqwa!
16. Aħna kif nistgħu niġu testjati, u liema ħarsa xierqa għandna nikkultivaw?
16 Illum, aħna nistgħu niġu testjati bħal dawk id-dixxipli tal-bidu. Fil-każ tagħna, nistgħu nħossuna diżappuntati li l-wegħdi taʼ Ġeħova mhux qed iseħħu malajr daqskemm nixtiequ aħna personalment. Forsi nħossu li l-ispjegazzjonijiet taʼ l-Iskritturi fil-pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja huma diffiċli biex nifhmuhom. L-imġiba taʼ xi Kristjan ieħor tistaʼ tiddiżappuntana. Ikun xieraq li nieqfu mill-mixi tagħna m’Alla minħabba dawn ir-raġunijiet jew oħrajn simili? Dażgur li le! Id-dixxipli li telqu lil Ġesù nkixfu li kienu jħarsu lejn l-affarijiet b’mod fiżiku. Aħna rridu nevitaw li nagħmlu l-istess.
“Aħna M’Aħniex it-Tip li Nerġgħu Lura”
17. Kif nistgħu niġu megħjunin biex nibqgħu nimxu m’Alla?
17 L-appostlu Pawlu kiteb: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Permezz tal-paġni tal-Bibbja, Ġeħova jgħidilna ċar u tond: “Din hi t-triq; għaddi minnha.” (Isaija 30:21) Meta nobdu l-Kelma t’Alla se niġu megħjunin ‘noqogħdu attenti bis-sħiħ kif nimxu.’ (Efesin 5:15) Jekk nistudjaw il-Bibbja u nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu se nkunu nistgħu ‘nkomplu mexjin fil-verità.’ (3 Ġwanni 3) Tabilħaqq, bħalma qal Ġesù, “l-ispirtu . . . jagħti l-ħajja; il-laħam ma jiswa għalxejn.” L-unika gwida taʼ min joqgħod fuqha li biha nistgħu nidderieġu l-passi tagħna hi l-gwida spiritwali, li tiġi mill-Kelma taʼ Ġeħova, l-ispirtu tiegħu, u l-organizzazzjoni tiegħu.
18. (a) Xi wħud x’jagħmlu b’nuqqas taʼ għaqal? (b) Aħna liema tip taʼ fidi nikkultivaw?
18 Illum, dawk li jħossuhom diżappuntanti għax iħarsu lejn l-affarijiet mill-aspett fiżiku jew għax għadu ma seħħx dak li xtaqu huma, spiss iduru lejn din id-dinja u jaraw x’jistgħu jieħdu minn dak li għandha x’toffri. Ladarba jitilfu s-sens t’urġenza, huma ma jarawx il-bżonn li ‘jibqgħu għassa,’ u jagħżlu li jiġru wara miri egoistiċi minflok ma jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel. (Mattew 24:42) Din l-għażla hi tassew bla għaqal. Innota l-kliem taʼ l-appostlu Pawlu: “Aħna m’aħniex it-tip li nerġgħu lura biex ninqerdu, imma t-tip li għandna l-fidi biex inżommu ruħna ħajja.” (Ebrej 10:39) Bħal Ħenok u Noè, aħna ngħixu fi żmien instabbli, imma bħalhom, għandna l-privileġġ li nimxu m’Alla. Minħabba li nagħmlu hekk, aħna għandna l-istennija ċerta li se naraw il-wegħdi taʼ Ġeħova jitwettqu, il-ħażen jinqered, u d-dinja ġdida taʼ ġustizzja tiġi stabbilita. Xi prospett meraviljuż!
19. Mikea kif jiddeskrivi l-ħajja taʼ l-aduraturi veri?
19 Il-profeta ispirat Mikea qal li l-ġnus tad-dinja kellhom “jimxu kull wieħed f’isem l-alla tiegħu.” Imbagħad hu tkellem dwaru nnifsu u dwar aduraturi leali oħra u qal: “Aħna nimxu f’isem il-Mulej, Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.” (Mikea 4:5) Jekk għandek l-istess determinazzjoni taʼ Mikea, ibqaʼ qrib Ġeħova minkejja kemm iż-żmien ikun instabbli. (Ġakbu 4:8) Jalla tkun ix-xewqa sinċiera taʼ kull wieħed u waħda minna li nimxu maʼ Ġeħova Alla tagħna issa u għal dejjem taʼ dejjem, saħansitra għall-eternità!
Int Kif Twieġeb?
• Liema xebh hemm bejn żmien Noè u llum?
• Liema ħajja għexu Noè u l-familja tiegħu, u kif nistgħu nimitaw il-fidi tagħhom?
• Liema ħarsa żbaljata wrew xi wħud mis-segwaċi taʼ Ġesù?
• Il-Kristjani veri x’inhuma determinati li jagħmlu?
[Stampi f’paġna 20]
L-istess bħal żmien Noè, in-nies illum jinsabu aljenati bl-attivitajiet tagħhom taʼ kuljum
[Stampa f’paġna 21]
Bħala proklamaturi tas-Saltna, “aħna m’aħniex it-tip li nerġgħu lura”