LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 11/1 pp. 26-30
  • Kontribuzzjonijiet li Jogħġbu lil Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kontribuzzjonijiet li Jogħġbu lil Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nippromwovu l-​Edukazzjoni tal-​Bibbja
  • Naqdu lil Alla b’“Qalb u Ruħ Waħda”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Għoti bil-Ferħ mill-Qalb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • ‘Ħa Nippreżentaw Offerta lil Ġeħova’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Issib Int Ferħ fil-‘Privileġġ li Tagħti b’Qalb Tajba’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 11/1 pp. 26-30

Kontribuzzjonijiet li Jogħġbu lil Alla

L-​ISTORJA m’hijiex waħda sabiħa. Ir-​Reġina Għatalija ħatfet it-​tron taʼ Ġuda permezz taʼ pjan makakk u qattiel. Peress li bi żball ħasbet li l-​werrieta naturali kollha kienu nqatlu, hi ħatret lilha nfisha bħala r-​reġina. Mara oħra, il-​prinċipessa Ġeħoseba, li kienet tħobb ħafna lil Ġeħova u l-​Liġi tiegħu, b’kuraġġ ħbiet lil wieħed mit-​tfal irjali, it-​tarbija Ġeħowas. Ġeħoseba u r-​raġel tagħha, il-​Qassis il-​Kbir Ġeħojada, ħbew lill-​eredi fil-​kwartieri tagħhom tat-​tempju għal sitt snin.—2 Slaten 11:​1-3.

Sa meta Ġeħowas għalaq sebaʼ snin, il-​Qassis il-​Kbir Ġeħojada kien lest biex jibda l-​pjan li kellu biex ineħħi lir-​reġina mit-​tron li kienet ħadet bil-​qerq. Hu ġab lit-​tifel minfejn kien moħbi u inkurunah bħala l-​eredi bi dritt tas-​saltna. Imbagħad, ir-​Reġina mill-​agħar Għatalija ttieħdet barra t-​tempju mill-​gwardjani rjali u nqatlet, u dan serraħ u ferraħ lill-​poplu. Bl-​azzjonijiet tagħhom, Ġeħojada u Ġeħoseba kkontribwew bil-​kbir għar-​restawrazzjoni tal-​qima vera fl-​art taʼ Ġuda. Imma iktar importanti minn hekk, huma għenu biex tkun tistaʼ titkompla l-​linja rjali taʼ David li minnha kien se jiġi l-​Messija.—2 Slaten 11:​4-20–12:1 (11:​4-21, NW).

Is-​sultan li kien għadu kif inħatar, ukoll kien se jagħti kontribuzzjoni li kienet se togħġob lil Alla. Id-​dar taʼ Ġeħova tassew kellha bżonn tiġi rranġata. Għatalija ma kkontrollatx l-​ambizzjoni li kellha biex tkun l-​uniku ħakkiem taʼ Ġuda, u dan wassal biex it-​tempju ġie traskurat u misruq. Għalhekk, Ġeħowas kien determinat li jerġaʼ jibni u jirrestawra t-​tempju. Mingħajr dewmien taʼ xejn, hu ta l-​kmand li kellhom jinġabru l-​fondi biex tiġi restawrata d-​dar taʼ Ġeħova. Hu qal: “Il-​fidda kollha kkonsagrata li jġibu fit-​tempju tal-​Mulej​—il-​fidda mit-​taxxi persunali, il-​fidda tar-​riskatt, u l-​flus li wieħed kien iġib minn rajh f’dar il-​Mulej—jeħduhom il-​qassisin, kull wieħed mingħand min kien jafu, u jsewwu l-​ħsara tat-​tempju, kull fejn kien hemm xi konsentura.”—2 Slaten 12:​5, 6 (12:​4, 5, NW).

Il-​poplu kkontribwixxa mill-​qalb. Madankollu, il-​qassisin ma kinux qed jaqdu d-​dmirijiet tagħhom mill-​qalb biex isewwu t-​tempju. Għalhekk, is-​sultan iddeċieda li jieħu l-​affarijiet f’idejh u ordna li l-​kontribuzzjonijiet kollha li jingħataw kellhom jitpoġġew direttament f’kaxxa apposta. Hu inkariga lil Ġeħojada biex jieħu ħsieb taʼ kollox, u r-​rakkont jgħid: “Mbagħad Ġeħojada, il-​qassis, ħa senduq, taqqablu l-​għatu u qiegħdu maġenb l-​artal, fuq in-​naħa tal-​lemin int u dieħel fit-​tempju tal-​Mulej. U l-​qassisin, li kienu jgħassu l-​bieb, kienu jixħtu fih il-​flus kollha li n-​nies kienu jġibu fit-​tempju tal-​Mulej. Kull meta kienu jaraw li kien hemm biżżejjed flus fis-​senduq, l-​iskriba tas-​sultan, u l-​qassis il-​kbir, kienu jiġu u jiġbruhom, u jgħoddu l-​flus li kien hemm f’dar il-​Mulej. Mbagħad kienu jgħaddu l-​flus magħduda f’idejn l-​imgħallmin li kienu jieħdu ħsieb ix-​xogħol tat-​tempju tal-​Mulej; u dawn kienu jħallsu l-​ħaddiema taʼ l-​injam, u l-​bennejja li kienu jaħdmu f’dar il-​Mulej, il-​bennejja tal-​ħitan u n-​naġġara għax-​xiri taʼ l-​injam u tal-​ġebel għat-​tiswija tal-​ħsarat fil-​ħitan u għall-​ispejjeż għal tiswijiet oħra f’dar il-​Mulej.”—2 Slaten 12:​10-13 (12:​9-12, NW).

In-nies irreaġixxew għal dan billi bdew jagħtu mill-​qalb. Id-​dar tal-​qima taʼ Ġeħova ġiet restawrata sabiex setaʼ jkompli jingħata qima b’rispett. Għalhekk, il-​kontribuzzjonijiet kollha li ngħataw intużaw sew. Is-​Sultan Ġeħowas għamel ċert li dan isir!

Illum, l-​organizzazzjoni viżibbli taʼ Ġeħova toqgħod attenta li l-​fondi kollha li jingħataw jintużaw kif suppost biex il-​qima taʼ Ġeħova titmexxa ’l quddiem, u l-​Kristjani veri jirreaġixxu eżatt bħall-​Iżraelin tal-​qedem—minn qalbhom. Forsi fis-​sena taʼ servizz li għaddiet int kont fost dawk li kkontribwew biex l-​interessi tas-​Saltna jimxu ’l quddiem. Ejja naraw xi modi kif intużaw il-​kontribuzzjonijiet tiegħek.

IPPUBBLIKAR

Madwar id-​dinja, ġew stampati dawn il-​pubblikazzjonijiet biex jiġu studjati u mqassmin:

• Browxers: 167,854,462

• Fuljetti: 440,995,740

• Kalendarji: 5,405,955

• Kotba: 47,490,247

• Kotba żgħar: 6,834,740

• Rivisti: 1,179,266,348

• Vidjos: 3,168,611

L-​istampar isir fl-​Afrika, fl-​Amerika taʼ Fuq, Ċentrali, u t’Isfel, fl-​Asja, fl-​Ewropa, u fil-​gżejjer tal-​Paċifiku—b’kollox 19-il pajjiż.

“Jisimni Katelyn May. Għandi tmien snin. Għandi 28 dollaru (Lm8), u nixtieq li tiħduhom intom biex jgħinu fl-​ispejjeż tal-​magni taʼ l-​istampar. Oħtkom iż-​żgħira, Katelyn.”

“Aħna ltqajna bħala familja u ddiskutejna l-​istamperiji l-​ġodda. It-​tfal tagħna, li għandhom 9 u 11-il sena, iddeċidew li joħorġu l-​flus li kienu faddlu u jagħtu kontribuzzjoni. Bil-​ferħ qed nibagħtu l-​kontribuzzjonijiet tagħhom maʼ tagħna.”

BINI

Dawn li ġejjin huma proġetti taʼ bini li saru sabiex ikunu jistgħu jiġu appoġġati l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova:

• Swali tas-​Saltna f’pajjiżi fejn ir-​riżorsi huma limitati: 2,180

• Swali taʼ l-​Assemblea: 15

• Uffiċċji tal-​fergħa: 10

• Volontieri internazzjonali fix-​xogħol full-time: 2,342

“F’dan it-​tmiem tal-​ġimgħa kellna l-​ewwel laqgħa fis-​Sala tas-​Saltna l-​ġdida tagħna. Kemm aħna ferħanin li għandna post xieraq fejn nagħtu glorja lil Missierna, Alla Ġeħova. Nirringrazzjaw lil Ġeħova u lilkom talli tajtu kas il-​bżonnijiet tagħna billi bnejtu iktar Swali tas-​Saltna. Tabilħaqq, is-​Sala tas-​Saltna tagħna hi tassew t’għajnuna f’dawn l-​inħawi.”—Iċ-​Ċili.

“L-​aħwa japprezzaw ħafna l-​għajnuna li tagħti l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Għadna nitkellmu sal-​ġurnata taʼ llum dwar iż-​żmien sabiħ li qattajna mat-​tim tal-​bini.”—Il-​Moldova.

“Jien u l-​mara ftit ilu għalaqna 35 sena miżżewġin. Konna qed niddeċiedu x’se nagħtu lil xulxin għall-​okkażjoni, u ddeċidejna li nagħtu xi ħaġa lura lil Ġeħova u lill-​organizzazzjoni tiegħu, għax mingħajr l-​għajnuna tagħhom, wisq probabbli ż-​żwieġ tagħna ma kienx jirnexxi. Nixtiequ li l-​flus li bagħatna jintużaw biex jgħinu fil-​bini taʼ Sala tas-​Saltna f’pajjiż fejn hemm il-​faqar.”

“Ftit ilu rċivejt wirt, u ladarba ma tantx irrid affarijiet u bil-​wisq inqas għandi bżonn affarijiet, nixtieq li l-​flus li qed nibgħat jgħinu fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna fil-​ħafna pajjiżi li tant hemm bżonnhom.”

GĦAJNUNA FID-​DIŻASTRI

F’dawn l-​aħħar jiem, spiss iseħħu diżastri bla mistenni. Ħafna mix-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħtu iżjed kontribuzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jgħinu lil dawk l-​aħwa li jgħixu fl-​inħawi li jiġu milquta. Bħala tfakkira, il-​kontribuzzjonijiet li jmorru għall-​għajnuna f’każ taʼ diżastru huma mogħtijin mill-​kontribuzzjonijiet għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja. Hawn isfel se ssib lista taʼ xi pajjiżi fejn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għenu lill-​vittmi tad-​diżastri:

• L-Afrika

• L-Asja

• Ir-reġjun tal-​Karibew

• Il-Gżejjer tal-​Paċifiku

“Jien u r-​raġel nixtiequ nirringrazzjawkom ħafna talli bgħattu provvisti biex tgħinuna minħabba l-​ħsara li għamlu l-​uragani. Minħabba f’hekk, stajna nagħmlu saqaf ġdid fuq id-​dar tagħna. Napprezzaw ħafna li aġixxejtu tant malajr.”

“Jisimni Connor, u għandi 11-il sena. Meta rajt dak li ġara minħabba t-​tsunami ridt ngħin. Nispera li dan se jgħin lil ħuti.”

UĦUD LI JAQDU FIS-​SERVIZZ SPEĊJALI FULL-TIME

Numru taʼ Kristjani jaqdu fix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar jew fid-​djar taʼ Betel full-time. Xi aħwa li jaqdu bħala volontieri fil-​ministeru full-time huma appoġġati mill-​kontribuzzjonijiet volontarji. Fost dawn hemm:

• Il-missjunarji: 2,635

• L-indokraturi li jivvjaġġaw: 5,325

• Il-beteliti: 20,092

“Ladarba ma nistax immur naqdi f’Betel għalissa [tifel li għandu ħames snin], nixtieq nibgħat din il-​kontribuzzjoni b’ħafna mħabba. Meta nikber, se mmur Betel biex naħdem iebes.”

Nippromwovu l-​Edukazzjoni tal-​Bibbja

Ġesù Kristu kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.’ (Mattew 28:19) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova obdew dan il-​kliem, u għalhekk jinsabu beżlin jippridkaw u jgħallmu l-​messaġġ tal-​Bibbja f’235 pajjiż. Huma jippubblikaw u jqassmu letteratura Biblika b’413-il lingwa.

Tabilħaqq, l-​iktar kontribuzzjoni taʼ valur li Kristjan jistaʼ jagħti, biex jgħin lil iktar nies jitgħallmu dwar Alla u l-​iskopijiet Tiegħu, hi l-​ħin tiegħu. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova taw ħafna mill-​ħin u mis-​saħħa tagħhom biex jgħinu lil ġârhom. B’mod ġeneruż, huma kkontribwew finanzjarjament u l-​kontribuzzjonijiet kollha tagħhom, b’xi mod jew ieħor, għenu biex isir magħruf l-​isem taʼ Ġeħova u l-​iskopijiet tiegħu madwar id-​dinja. Jalla Ġeħova jkompli jbierek dawn l-​isforzi li jsiru biex oħrajn jiġu megħjunin jitgħallmu iktar dwaru. (Proverbji 19:17) Meta individwu jkun lest li jgħin ikun qed jogħġob lil Ġeħova!—Ebrej 13:​15, 16.

[Kaxxa f’paġna 28-30]

Modi Kif Xi Wħud Jagħżlu li Jagħtu

KONTRIBUZZJONIJIET GĦAX-​XOGĦOL MAD-​DINJA KOLLHA

Ħafna jwarrbu, jew ifaddlu, ammont li jitfgħuh fil-​kaxxi għall-​kontribuzzjonijiet immarkati “Kontribuzzjonijiet għax-​Xogħol mad-​Dinja Kollha​—Mattew 24:14.”

Kull xahar, il-​kongregazzjonijiet jibagħtu dawn l-​ammonti lill-​uffiċċju tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jaqdi f’pajjiżhom. Donazzjonijiet volontarji taʼ flus jistgħu jintbagħtu direttament lill-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, Attention Treasurer’s Office, 25 Columbia Heights, Brooklyn, New York 11201-​2483, jew lill-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jaqdi f’pajjiżek. Iċ-​ċekkijiet li jintbagħtu fl-​indirizz t’hawn fuq għandhom ikunu pagabbli lill-​“Watch Tower.” Ġojjelli jew affarijiet prezzjużi oħrajn jistgħu jingħataw bħala donazzjoni wkoll. Maʼ dawn il-​kontribuzzjonijiet għandha tintbagħat ittra qasira li tistqarr li din hija għotja għalkollox.

ARRANĠAMENT TAʼ DONAZZJONI KUNDIZZJONALI

Il-​flus jistgħu jitpoġġew b’fedekommess mal-​Watch Tower biex jintużaw madwar id-​dinja. Madankollu, jekk jiġu mitlubin, il-​flus jerġgħu jingħataw lura. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-​Uffiċċju tat-​Teżorier fl-​indirizz li ngħata diġà.

IPPJANAR ĠENERUŻ

Minbarra l-​flus li jingħataw għalkollox bħala rigal, hemm metodi oħrajn kif wieħed jagħmel għotjiet li jkunu taʼ benefiċċju għas-​servizz tas-​Saltna mad-​dinja kollha. Dawn jinkludu:

Assigurazzjoni: Il-​Watch Tower tistaʼ tiġi intitolata bħala l-​benefiċjarja taʼ polza t’assigurazzjoni fuq il-​ħajja jew pjan taʼ rtirar mix-​xogħol u pensjoni.

Kontijiet fil-​Bank: Kontijiet fil-​bank, ċertifikati taʼ depożitu, jew kontijiet individwali taʼ rtirar mix-​xogħol jistgħu jingħataw b’fedekommess jew jintgħamlu pagabbli mal-​mewt lill-​Watch Tower, fi qbil mal-​ħtiġijiet lokali tal-​bank.

Ishma u Titoli: Jistgħu jingħataw ishma u titoli b’donazzjoni lill-​Watch Tower bħala għotja għalkollox.

Proprjetà Immobbli: Proprjetà immobbli li tistaʼ tinbiegħ tistaʼ tingħata jew bħala għotja għalkollox jew, fil-​każ taʼ proprjetà residenzjali, billi d-​donatur iżomm il-​proprjetà u jkompli jgħix fiha sakemm idum ħaj. Ikkuntattja lill-​uffiċċju tal-​fergħa f’pajjiżek qabel ma tagħmel kuntratt biex tagħti xi proprjetà immobbli.

Testmenti u Fedekommessi: Jistgħu jitħallew xi flus jew proprjetà lill-​Watch Tower permezz taʼ testment effettwat bil-​liġi, jew il-​Watch Tower tistaʼ tissejjaħ bħala l-​benefiċjarja taʼ ftehim fedekommess. Fedekommess li jkun taʼ benefiċċju għal organizzazzjoni reliġjuża jistaʼ jipprovdi ċerti vantaġġi mit-​taxxi.

Bħalma jimplika t-​terminu “ppjanar ġeneruż,” dawn it-​tipi taʼ donazzjonijiet jirrikjedu ġeneralment xi ppjanar min-​naħa tad-​donatur. ▸

Tħejja browxer bl-​Ingliż u bl-​Ispanjol intitolat Charitable Planning to Benefit Kingdom Service Worldwide biex jgħin lill-​individwi li jkunu jixtiequ jagħmlu xi forma taʼ ppjanar ġeneruż għall-​benefiċċju tax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​browxer inkiteb sabiex jipprovdi informazzjoni rigward il-​modi differenti kif jistgħu jintgħamlu l-​għotjiet issa jew b’testment mal-​mewt. Wara li qraw il-​browxer u ħadu parir mingħand il-​konsulenti legali jew tat-​taxxi tagħhom, ħafna setgħu jgħinu biex jappoġġaw l-​attivitajiet reliġjużi u umanitarji tax-​Xhieda taʼ Ġeħova mad-​dinja kollha u fl-​istess ħin jieħdu l-​massimu mill-​benefiċċji marbutin mat-​taxxi talli għamlu dan. Dan il-​browxer jistaʼ jinkiseb billi wieħed jistaqsi għal kopja direttament miċ-​Charitable Planning Office.

Għal iktar informazzjoni, tistaʼ tikkuntattja liċ-​Charitable Planning Office, b’ittra jew bit-​telefon, fl-​indirizz t’hawn taħt jew tistaʼ tikkuntattja l-​uffiċċju tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jaqdi f’pajjiżek.

Charitable Planning Office

Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania

100 Watchtower Drive

Patterson, New York 12563-9204

Telefon: (845) 306-0707

[Sors tal-​Istampa f’paġna 27]

Il-​vidjo Faithful: Stalin: U.S. Army photo

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja