“Kelma f’Waqtha, Kemm Hi Sabiħa!”
F’ASSEMBLEA taʼ ġurnata tax-Xhieda taʼ Ġeħova, Kim għamlet l-almu tagħha biex tismaʼ u tieħu n-noti waqt il-programm filwaqt li kienet qed tipprova żżomm lit-tifla tagħha taʼ sentejn u nofs kwieta. Fl-aħħar tal-programm, oħt Kristjana li kienet bil-qiegħda fl-istess ringiela taʼ Kim, daret fuqha u bis-sinċerità kollha faħħret lilha u lir-raġel tagħha għall-mod kif ħadu ħsieb it-tifla tagħhom matul il-programm. Dan it-tifħir kien ifisser ħafna għal Kim li saħansitra anki issa, snin wara, hi tgħid: “Meta nħossni għajjiena matul il-laqgħat, naħseb fuq dak li kienet qaltli dik l-oħt. Il-kliem mimli ħniena tagħha għadu jinkuraġġini biex inkompli nħarreġ lit-tifla tagħna.” Tabilħaqq, kliem f’waqtu jistaʼ jinkuraġġixxi lil dak li jkun. Il-Bibbja tgħid: “Kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!”—Proverbji 15:23.
Imma xi wħud minna għandhom mnejn isibuha iebsa biex ifaħħru lil oħrajn. Kultant, il-fatt li nkunu konxji dwar id-dgħjufijiet tagħna stess jistaʼ jagħmilha diffiċli biex nagħmlu dan. Wieħed Kristjan jgħid: “Għalija huwa bħallikieku qiegħed fuq art ratba. Iktar ma nfaħħar lil oħrajn, iktar inħossni nieżel ’l isfel.” Fatturi bħall-mistħija, l-insigurtà, jew il-biżaʼ li ma tiġix mifhum jistgħu wkoll jagħmluha diffiċli biex tfaħħar lil dak li jkun. Iktar minn hekk, jekk aħna personalment ngħatajna ftit jew xejn tifħir meta konna qegħdin nikbru, nistgħu nsibuha iebsa biex infaħħru lil oħrajn.
Minkejja dan, il-fatt li nafu li t-tifħir jistaʼ jkollu effett tajjeb kemm fuq min qed jagħtih kif ukoll fuq min qed jirċivih jistaʼ jqanqalna biex nagħmlu l-aħjar li nistgħu ħalli nagħtu kelma taʼ tifħir f’waqtha. (Proverbji 3:27) Allura, x’inhuma l-benefiċċji li jiġu milli tagħmel dan? Ejjew nikkunsidraw fil-qosor xi ftit minnhom.
Il-Benefiċċji
Tifħir adattat jistaʼ jgħin lil dak li jkun qed jirċivih iħossu kunfidenti fih innifsu. “Meta n-nies ifaħħruni, inħoss li huma għandhom fiduċja fija, li jemmnu fija,” tgħid Elaine, mara miżżewġa Kristjana. Iva, il-fatt li tfaħħar lil xi ħadd li m’għandux fiduċja fih innifsu jistaʼ jagħti lil din il-persuna l-kuraġġ biex tkampa maʼ l-ostakli u, b’riżultat taʼ dan, issib il-ferħ. B’mod speċjali, iż-żgħażagħ jistgħu jibbenefikaw mit-tifħir li jkun jistħoqqilhom. Waħda adoloxxenti li tammetti li kienet skuraġġita mill-ħsibijiet negattivi tagħha stess tgħid: “Jien dejjem nagħmel l-aħjar li nistaʼ biex nogħġob lil Ġeħova, imma kultant inħossni li nagħmel x’nagħmel, qatt m’hu tajjeb biżżejjed. Meta xi ħadd ifaħħarni nħossni kuntenta.” Tabilħaqq, huwa minnu l-proverbju li nsibu fil-Bibbja: “Bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda, hi l-kelma li tingħad f’waqtha.”—Proverbji 25:11.
It-tifħir jistaʼ jqanqal u jinkuraġġixxi lil dak li jkun. Wieħed ministru full-time jgħid, “It-tifħir jgħinni biex naħdem iktar iebes u biex intejjeb il-kwalità tas-servizz tiegħi.” Omm taʼ żewġt itfal tosserva li kulmeta wliedha jirċievu tifħir minn membri oħrajn tal-kongregazzjoni talli jkunu pparteċipaw fil-laqgħat, huma jkunu jridu jikkummentaw iktar. Iva, dan jistaʼ jqanqal liż-żgħażagħ biex jagħmlu progress fil-ħajja Kristjana. Fil-fatt, ilkoll kemm aħna għandna bżonn niġu rassigurati li aħna apprezzati u rispettati. Din id-dinja mimlija stress għandha mnejn tgħejjina u tiskuraġġina. Anzjan Kristjan jgħid, “Kulmeta nkun skuraġġit, it-tifħir ikun bħal tweġiba għal talbi.” Bl-istess mod, Elaine tgħid, “Kultant inħoss li Ġeħova jurini l-approvazzjoni tiegħu bl-espressjonijiet t’oħrajn.”
Meta dak li jkun jiġi mfaħħar jistaʼ jħossu parti minn grupp. Il-fatt li nfaħħru lil ħaddieħor ġenwinament inkunu qed nuru li jinteressana minn dak li jkun u dan se jwassal għal atmosfera taʼ mħabba, sigurtà, u apprezzament. Dan jagħti prova li aħna verament inħobbu u napprezzaw lill-Kristjani sħabna. Josie, li hija omm, tgħid: “Fil-passat, jien kelli nieħu l-waqfa tiegħi għall-verità f’dar maqsuma reliġjożament. F’dak iż-żmien, il-fatt li ġejt murija rispett minn individwi maturi spiritwalment saħħaħli d-determinazzjoni tiegħi biex ma naqtax qalbi.” Tabilħaqq, “aħna membri taʼ xulxin.”—Efesin 4:25.
Il-fatt li nkunu rridu nfaħħru lil dak li jkun jgħinna naraw it-tajjeb f’oħrajn. Aħna nħarsu lejn il-kwalitajiet tajbin t’oħrajn, mhux lejn in-nuqqasijiet tagħhom. Anzjan Kristjan jismu David jgħid, “L-apprezzament tagħna għal dak li oħrajn jagħmlu se jgħinna biex infaħħru lil oħrajn iktar spiss.” Jekk inżommu f’moħħna kemm Ġeħova u Ibnu huma ġenerużi f’li jitkellmu tajjeb dwar bnedmin imperfetti se nitqanqlu biex inkunu ġenerużi wkoll f’dan ir-rigward.—Mattew 25:21-23; 1 Korintin 4:5.
Uħud li Jixirqilhom Tifħir
Alla Ġeħova huwa minn taʼ quddiem fost dawk li jixirqilhom li jiġu mfaħħrin minħabba li hu l-Ħallieq. (Rivelazzjoni 4:11) Għalkemm m’għandux bżonn lilna biex ngħinuh jibni l-fiduċja fih innifsu jew nimmotivawh jagħmel xi ħaġa, meta aħna nfaħħru lil Ġeħova għall-qawwa u l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu hu jersaq qribna u aħna niżviluppaw relazzjoni miegħu. Meta nfaħħru lil Alla se niġu megħjunin niżviluppaw stima tajba u modesta taʼ dak kollu li nkunu wettaqna u se niġu mqanqlin nagħtu kredtu lil Ġeħova għar-riżultati tajbin tagħna. (Ġeremija 9:22, 23 [9:23, 24, NW]) Ġeħova jestendi l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem lil dawk li jixirqilhom, u din hija raġuni oħra li tqanqalna biex infaħħruh. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Is-Sultan David kien ħerqan biex ‘ifaħħar l-isem taʼ Alla’ u ‘jkabbru b’għana taʼ radd il-ħajr.’ (Salm 69:31 [69:30, NW]) Jalla din tkun ix-xewqa tagħna wkoll.
Sħabna fit-twemmin jixirqilhom tifħir adattat. Meta nfaħħru lil xi ħadd inkunu qed naġixxu fi qbil mal-kmand divin biex “nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.” (Ebrej 10:24) Eżempju taʼ dan kien l-appostlu Pawlu. Hu kiteb lill-kongregazzjoni f’Ruma: “L-ewwelnett, nirringrazzja lil Alla tiegħi permezz taʼ Ġesù Kristu għalikom ilkoll, għax fid-dinja kollha qed jitkellmu fuq il-fidi tagħkom.” (Rumani 1:8) B’mod simili, l-appostlu Ġwanni faħħar lil Gaju, sieħbu Kristjan, għall-eżempju mill-aqwa tiegħu taʼ kif ‘mexa fil-verità.’—3 Ġwanni 1-4.
Illum, meta Kristjan seħibna b’mod eżemplari juri kwalità bħal taʼ Kristu, jagħti xi taħdita li tkun ġiet preparata sew, jew jagħti xi kumment mill-qalb waqt xi laqgħa, għandna opportunità tajba biex nesprimu l-apprezzament tagħna lejn dan l-individwu. Jew meta xi tifel jipprova b’ħiltu kollha jfittex l-iskritturi waqt il-laqgħat fil-kongregazzjoni, nistgħu nfaħħruh. Elaine, li ssemmiet qabel, tikkummenta: “Aħna lkoll għandna talenti differenti. Billi ninnotaw x’jagħmel ħaddieħor, aħna nuru l-apprezzament tagħna għat-talenti differenti fost il-poplu t’Alla.”
Fil-Familja
Xi ngħidu dwar li nuru apprezzament lill-membri tal-familja tagħna stess? Dan jirrikjedi iktar żmien, sforz, u attenzjoni mimlija mħabba min-naħa taʼ raġel u mara miżżewġin sabiex jipprovdu appoġġ spiritwali, emozzjonali, u materjali għall-familja tagħhom. Żgur li jistħoqqilhom jisimgħu kliem taʼ tifħir mingħand xulxin u minn uliedhom. (Efesin 5:33) Per eżempju, dwar mara taʼ ħila, il-Kelma t’Alla tgħid: “Uliedha jqumu u hienja jsejħulha; u żewġha wkoll ifaħħarha.”—Proverbji 31:10, 28.
It-tfal ukoll jixirqilhom tifħir. B’sogħba, xi ġenituri jkunu pronti jgħidu lil uliedhom x’jistennew minnhom, imma jfaħħruhom mill-inqas għall-isforz li jagħmlu biex jirrispettawhom u jobduhom. (Luqa 3:22) Meta t-tifħir jingħata fis-snin bikrin taʼ meta t-tfal ikunu qegħdin jikbru, dan spiss se jagħmel lit-tfal iħossuhom apprezzati u iktar protetti.
Huwa minnu li hemm bżonn sforz biex tfaħħar lil oħrajn, imma se naħsdu ħafna benefiċċji milli nagħmlu dan. Fil-fatt, iktar ma nistinkaw biex infaħħru lil dawk li jistħoqqilhom iktar se nkunu ferħanin aħna.—Atti 20:35.
Aċċetta u Agħti Tifħir b’Attitudni Xierqa
Madankollu, it-tifħir jistaʼ jkun taʼ sfida għal xi wħud li jirċivuh. (Proverbji 27:21) Per eżempju, jistaʼ jqanqal sentimenti taʼ superjorità f’individwi li għandhom id-drawwa li jkunu kburin. (Proverbji 16:18) Għalhekk, trid toqgħod attent. L-appostlu Pawlu ta din it-twissija siewja: “Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq; imma jaħseb b’tali mod li jkollu moħħ f’loku, kull wieħed skond il-qjies taʼ fidi li tah Alla.” (Rumani 12:3) Sabiex ngħinu lil oħrajn ma jinqabdux fin-nassa taʼ li jaħsbu wisq fihom infushom, ikun għaqli li ma niffokawx fuq karatteristiki bħal intelliġenza kbira jew sbuħija fiżika. Minflok, għandna nfaħħru lil oħrajn għall-azzjonijiet tajbin tagħhom.
Meta kliem taʼ tifħir jingħata u jiġi aċċettat b’attitudni xierqa, dan jistaʼ jeffettwana b’mod pożittiv. Aħna nistgħu nitqanqlu biex nirrikonoxxu li aħna midjunin maʼ Ġeħova għal kull ħaġa tajba li nkunu għamilna. It-tifħir jistaʼ wkoll jinkuraġġina biex inkomplu nġibu ruħna b’mod tajjeb.
Tifħir sinċier u li jixraq lil dak li jkun huwa rigal li lkoll kemm aħna nistgħu nagħtuh. Meta nfaħħru lil xi ħadd mill-qalb, dan jistaʼ jfisser ħafna iktar milli nirrealizzaw għal min jirċivih.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 18]
Ittra li Messitilha Qalbha
Wieħed indokratur li jivvjaġġa jiftakar tajjeb f’okkażjoni meta hu u martu marru lura d-dar mill-ministeru wara ġurnata xitwija kiesħa ħafna. Hu jgħid: “Marti kienet qiegħda tħoss il-bard u kienet skuraġġita, u qaltli li kienet qed tħossha li ma tistax tkompli. ‘Kemm ikun aħjar li naqdu fis-servizz full-time f’kongregazzjoni waħda, noqogħdu f’post wieħed, u nikkonduċu listudji tal-Bibbja tagħna stess,’ qalet hi. Jien ma ħadtx deċiżjoni dak il-ħin imma għedtilha li nistgħu nkomplu għall-kumplament tal-ġimgħa u mbagħad naraw kif tħossha sa dakinhar. Għedtilha li jekk hi tibqaʼ tħossha li trid tieqaf, jien kont se nirrispetta s-sentimenti tagħha. Dakinhar stess, morna l-posta u kien hemm ittra indirizzata lilha personalment mingħand l-uffiċċju tal-fergħa. L-ittra kien fiha tifħir mimli mħabba għall-isforzi tagħha fil-ministeru u taʼ kemm kienet qed tissaporti, u wrew li kienu jirrikonoxxu kemm jistaʼ jkun diffiċli li kull ġimgħa torqod f’sodda differenti. Dan it-tifħir tant messilha qalbha li hi qatt ma reġgħet tkellmet dwar li tieqaf mix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar. Fil-fatt, ħafna drabi hi stess inkuraġġietni biex inkompli meta jien kont qed naħseb biex nieqaf.” Din il-koppja baqgħet fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar għal kważi 40 sena.
[Stampa f’paġna 17]
Fil-kongregazzjoni tiegħek min jixraqlu li jiġi mfaħħar?
[Tagħrif f’paġna 19]
It-tfal jieħdu pjaċir b’attenzjoni u tifħir kollhom imħabba