LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 9/1 pp. 13-16
  • Kun Af Kemm Hu Importanti li Tfaħħar lil Oħrajn

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kun Af Kemm Hu Importanti li Tfaħħar lil Oħrajn
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Pariri Mogħtijin b’Qalb Tajba u b’Rispett
  • Nagħtu t-​Tifħir bit-​Tattika
  • L-​Eżempju Perfett taʼ Ġesù f’li Jfaħħar lil Oħrajn
  • Anzjani li Jagħtu Tifħir Xieraq
  • “Kelma f’Waqtha, Kemm Hi Sabiħa!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Uri Interess Persunali—Billi Tagħti Tifħir
    Il-Ministeru tas-Saltna—2006
  • It-Tifħir Iqawwi l-Qalb
    Il-Ministeru tas-Saltna—2003
  • Għala Għandek Tfaħħar lil Oħrajn?
    Stenbaħ!—2012
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 9/1 pp. 13-16

Kun Af Kemm Hu Importanti li Tfaħħar lil Oħrajn

QATT smajt lil xi ħadd jilmenta li l-​imgħallem tiegħu ma jagħtihx biżżejjed tifħir? Forsi int stess ġieli kellek l-​istess ilment? Jew jekk int żagħżugħ, ġieli għedt l-​istess ħaġa rigward il-​ġenituri jew l-​għalliema tiegħek?

X’aktarx li wħud minn dawn l-​ilmenti huma ġustifikati. Imma skond wieħed Ġermaniż li jħarreġ lin-​nies biex ikunu motivati, meta l-​ħaddiema jagħmlu dan l-​ilment, dak li jdejjaqhom l-​iktar m’huwiex in-​nuqqas taʼ tifħir imma n-​nuqqas taʼ interess persunali mill-​imgħallem tagħhom. Hu x’inhu l-​każ, jidher ċar li hemm xi ħaġa nieqsa. Kemm it-​tifħir u kemm l-​interess persunali huma vitali sabiex ingawdu relazzjonijiet sodisfaċenti.

Dan huwa minnu wkoll rigward il-​qima. Il-​kongregazzjoni Kristjana trid tispikka fejn jidħlu t-​tifħir, l-​imħabba, u l-​interess persunali. Il-​membri tagħha jiksbu u jżommu kundizzjoni mill-​isbaħ bħal din billi josservaw il-​gwida tal-​Bibbja. Minkejja dan, anki jekk il-​kongregazzjoni tagħna turi ħafna mħabba, dejjem hemm lok għal titjib. B’dan f’moħħna, ejja nikkunsidraw tliet eżempji mill-​aqwa taʼ wħud li taw tifħir: Eliħu li kien qaddej t’Alla taʼ qabel il-​Kristjanità, l-​appostlu Pawlu, u Ġesù Kristu nnifsu.

Pariri Mogħtijin b’Qalb Tajba u b’Rispett

Eliħu, li milli jidher kien qarib t’Abraham mill-​bogħod, kellu rwol vitali f’li jgħin lil Ġob jikseb ħarsa bilanċjata dwar ir-​relazzjoni tiegħu m’Alla. Eliħu wera konsiderazzjoni u rispett. Hu bil-​paċenzja stenna sakemm kien imissu biex jitkellem. U filwaqt li dawk li suppost kienu l-​ħbieb taʼ Ġob enfasizzaw biss in-​nuqqasijiet tiegħu, Eliħu, barra milli ta parir, kien lest li jfaħħar lil Ġob għall-​ħajja retta tiegħu. Hu għamel dan bl-​imħabba u żgur li ġagħlu jħossu li qed jurih interess persunali bħala ħabib tiegħu, billi għall-​kuntrarju taʼ l-​oħrajn irrefera għal Ġob b’ismu. Bl-​edukazzjoni hu talab: “O Ġob, jekk jogħġbok, ismaʼ kliemi, U agħti widen għal kulma ngħidlek.” (NW) B’rispett wera l-​empatija u għaraf: “Ara, jien bħalek quddiem Alla, jiena wkoll imsawwar mit-​tajn.” Imbagħad b’tifħir, hu qal: “Jekk għandek xi tgħid, weġibni, tkellem, għax nixtieq li jidher is-​sewwa tiegħek.”​—Ġob 33:​1, 6, 32.

Jekk nittrattaw lil oħrajn b’konsiderazzjoni u b’rispett, f’ċertu sens inkunu qed infaħħruhom. Fil-​fatt, inkunu qed ngħidu lis-​semmiegħ tagħna, ‘Jien inħoss li jistħoqqlok l-​attenzjoni tiegħi u jistħoqqlok tiġi trattat b’rispett.’ B’hekk nuru mħabba u interess persunali fih.

Il-​fatt li nkunu edukati u nuru konsiderazzjoni jfisser iktar milli sempliċement insegwu r-​regoli taʼ l-​etikett. Sabiex nilħqu l-​qalb t’oħrajn, irridu nuru konsiderazzjoni u nkunu edukati b’mod sinċier u mill-​qalb. Dawn iridu jkunu espressjoni taʼ interess u mħabba ġenwini.

Nagħtu t-​Tifħir bit-​Tattika

L-​appostlu Pawlu wera kemm it-​tattika tistaʼ tkun effettiva meta nfaħħru lil oħrajn. Per eżempju, filwaqt li kien qed jippriedka f’Ateni fit-​tieni vjaġġ missjunarju tiegħu, hu ddefenda l-​Kristjanità quddiem xi filosfi Griegi. Innota kif ittratta dan l-​inkarigu diffiċli bit-​tattika. “Xi wħud mill-​filosfi Epikurin u Stojċi bdew jitkellmu u jargumentaw miegħu, u xi wħud kienu jgħidu: ‘Xi jrid jgħid dan il-​lablabi?’ Oħrajn: ‘Donnu qed ixandar allat barranin.’” (Atti 17:18) Minkejja dawn ir-​rimarki, Pawlu baqaʼ kalm u wieġeb: “Irġiel taʼ Ateni, qed nara li intom f’kollox tidhru li għandkom iktar biżaʼ mill-​allat minn nies oħrajn.” Minflok ma kkundanna l-​idolatrija tagħhom, Pawlu faħħarhom talli kienu devoti reliġjożament.​—Atti 17:22.

Kien Pawlu qed ikun ipokrita? Lanqas xejn. Hu kien jaf li ma setax jiġġudika lis-​semmiegħa tiegħu; hu kien jaf tajjeb li hu nnifsu darba ma kienx jaf il-​verità. L-​inkarigu tiegħu kien li jippreżenta l-​messaġġ t’Alla, mhux li jiġġudika lil oħrajn. Mill-​esperjenza hu kien jaf dak li sabu ħafna mix-​Xhieda taʼ Ġeħova llum: Xi wħud sinċieri li darba kienu jiddefendu r-​reliġjon falza eventwalment ngħaqdu mad-​difensuri kbar tar-​reliġjon vera.

Il-metodu taʼ Pawlu kien tajjeb, u kellu riżultati mill-​aqwa. “Xi rġiel ngħaqdu miegħu u emmnu, u fosthom kien hemm ukoll Dijonisju, imħallef tal-​qorti taʼ l-​Arjopagu, u mara li kien jisimha Damari, u oħrajn magħhom.” (Atti 17:34) Kemm kien għaqli Pawlu li jfaħħar lil dawk minn Ateni għat-​twemmin sinċier tagħhom​—għalkemm falz—minflok ma kkundannahom għan-​nuqqas t’għarfien eżatt tagħhom! Uħud li jkunu żvijati minħabba informazzjoni żbaljata spiss ikollhom qalbhom tajba.

Meta ġie msejjaħ biex jagħmel difiża quddiem Erodi Agrippa II, Pawlu reġaʼ uża t-​tattika. Kien fatt magħruf li Erodi kellu relazzjoni inċestuża m’oħtu Berniċe, xi ħaġa kundannata b’mod ċar fil-​Kelma t’Alla. Minkejja dan, Pawlu ma qal l-​ebda kelma taʼ kundanna. Minflok, hu sab raġuni valida biex ifaħħar lil Erodi. “Sultan Agrippa, jien inħossni hieni li d-​difiża tiegħi dwar dak kollu li l-​Lhud qed jakkużawni bih se nagħmilha quddiemek illum, speċjalment għax int espert fid-​drawwiet kollha tal-​Lhud kif ukoll fil-​kontroversji tagħhom.”​—Atti 26:​1-3.

Kemm ikun għaqli min-​naħa tagħna li nużaw tattika simili meta nittrattaw m’oħrajn! Il-​fatt li nfaħħru lil xi ġâr, xi student ieħor, jew xi ħadd fuq ix-​xogħol jistaʼ jippromwovi relazzjonijiet paċifiċi u jinkuraġġixxi mġiba tajba. Billi nilħqu l-​qalb permezz taʼ tifħir mistħoqq, kultant forsi nkunu nistgħu nqanqlu individwi sinċieri biex ibiddlu l-​irraġunar u l-​azzjonijiet foloz tagħhom f’dawk li huma iktar fi qbil maʼ l-​għarfien eżatt.

L-​Eżempju Perfett taʼ Ġesù f’li Jfaħħar lil Oħrajn

Ġesù faħħar lil oħrajn. Per eżempju, wara l-​irxoxt u t-​tlugħ tiegħu fis-​sema, Ġesù, skond id-​direzzjoni t’Alla u permezz taʼ lappostlu Ġwanni, kellem lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri. Hu dejjem faħħar lil dawk li kien jistħoqqilhom jiġu mfaħħrin. Mal-​kongregazzjonijiet t’Efesu, Pergamu, u Tjatira, hu uża espressjonijiet bħal: “Naf l-​għemejjel tiegħek, u t-​taħbit u s-​sabar tiegħek, u li ma ġġerragħhomx lill-​ħżiena”; “qed tibqaʼ żżomm sod maʼ ismi, u ma ċħadtx il-​fidi tiegħek fija”; u “naf l-​għemejjel tiegħek, u l-​imħabba u l-​fidi u l-​ministeru u s-​sabar tiegħek, u li l-​għemejjel tiegħek taʼ dan l-​aħħar huma iktar kotrana minn dawk taʼ qabel.” Anki f’Sardi, fejn il-​kongregazzjoni kellha bżonn taʼ parir iebes, Ġesù nnota lil dawk l-​individwi li kien jistħoqqilhom it-​tifħir, billi qal: “Minkejja dan, għandek xi ftit ismijiet f’Sardi li ma niġġsux ħwejjiġhom, u se jimxu miegħi lebsin ħwejjeġ bojod, għax jistħoqqilhom.” (Rivelazzjoni 2:​2, 13, 19; 3:4) X’eżempju mill-​aħjar tana Ġesù!

Sabiex nimitaw lil Ġesù, qatt m’għandna nikkundannaw grupp sħiħ taʼ nies minħabba n-​nuqqasijiet taʼ xi ftit minnhom jew nagħtu parir neċessarju mingħajr ma nagħtu wkoll tifħir xieraq. Madankollu, huwa tajjeb li jkollna f’moħħna li jekk nagħtu tifħir biss meta nkunu se nagħtu parir, it-​tifħir tagħna jistaʼ jaqaʼ fuq widnejn torox. Kun ġeneruż f’li tfaħħar kulmeta jkun possibbli! Imbagħad, jekk ikun hemm bżonn li jingħata xi parir f’okkażjoni oħra, se jkun iktar faċli biex jiġi aċċettat.

Anzjani li Jagħtu Tifħir Xieraq

Cornelia, mara Kristjana li issa qed taqdi f’uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Ewropa, tiftakar li fil-​bidu tas-​snin 70, l-​indokratur li jivvjaġġa li kien qed iżurhom staqsieha kif kienet sejra fl-​istudju persunali tagħha u l-​qari tar-​rivisti. “Ħassejtni ftit imbarazzata,” tgħid hi. Imma ammettiet li ma kienx jirnexxilha taqra kull artiklu fir-​rivisti. “Minflok ma tani parir minħabba dan,” hi tiftakar, “hu faħħarni talli kont naqra kemm stajt. Tant ħassejtni inkuraġġita bit-​tifħir tiegħu li minn dak iż-​żmien ’l hawn, kont determinata li naqra kull artiklu.”

Ray, li jaqdi f’uffiċċju tal-​fergħa fl-​Ewropa, jiftakar l-​ewwel ġurnata tiegħu fis-​servizz taʼ pijunier. L-​indokratur li jippresiedi tal-​kongregazzjoni, raġel b’obbligi fuq ix-​xogħol u fil-​familja kif ukoll b’diversi responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni, daħal fis-​Sala tas-​Saltna dakinhar fil-​għaxija u mill-​ewwel mar fuq Ray u staqsieh, “Kif kienet l-​ewwel ġurnata tiegħek taʼ servizz bħala pijunier?” Issa, kważi 60 sena wara, Ray għadu jiftakar l-​interess li wera dak l-​anzjan.

Bħalma juru dawn iż-​żewġ esperjenzi, espressjoni sinċiera u bi mħabba għal dak li jagħmel ħaddieħor​—mhux biss kliem fieragħ jew tifħir bla tifsir​—tistaʼ tkun tassew taʼ benefiċċju. Fil-​kongregazzjoni Kristjana, għandna ħafna raġunijiet biex infaħħru lil sħabna fit-​twemmin. Aħseb ftit dwar ix-​xewqa tagħhom li jaqdu lil Ġeħova, il-​kummenti preparati tajjeb tagħhom, il-​progress tagħhom f’li jegħlbu l-​biżaʼ li jitilgħu fuq il-​platform biex jagħtu taħditiet jew biex jieħdu sehem fil-​laqgħat, iż-​żelu tagħhom f’li jippridkaw u jgħallmu, u l-​isforzi tagħhom biex jagħtu prijorità lill-​interessi tas-​Saltna u miri spiritwali. Meta nfaħħru lil oħrajn, aħna niġu premjati bil-​kbir. Dan jagħmilna ferħanin u jgħinna nħarsu lejn l-​affarijiet b’mod pożittiv.​—Atti 20:35.

L-anzjani tal-​kongregazzjoni jagħmlu tajjeb jekk ifaħħru lill-​kongregazzjoni għax-​xogħol tajjeb tagħha. U meta jkun hemm bżonn taʼ xi parir, huma jagħtuh bl-​imħabba. Mill-​banda l-​oħra, huma jevitaw li jsiru tant konċernati li jagħmlu kollox eżatt li dak li m’huwiex perfett jitqies bħala nuqqas serju.

Anzjani Kristjani li jimitaw l-​eżempju taʼ rispett u konsiderazzjoni bl-​imħabba li wera Eliħu, it-​tattika li uża Pawlu, u l-​interess kollu mħabba li wera Ġesù se jkunu sors taʼ inkuraġġiment ġenwin għal ħuthom. It-​tifħir se jinkuraġġixxi lil oħrajn jagħmlu l-​almu tagħhom u se jwassal għal relazzjonijiet ferħanin u paċifiċi. Min jaf kemm feraħ Ġesù fil-​magħmudija tiegħu meta semaʼ t-​tifħir taʼ Missieru bil-​kliem: “Int Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek”! (Marku 1:​11) Jalla nqanqlu l-​ferħ f’qalb ħutna bil-​kliem taʼ tifħir sinċier u sinifikanti tagħna.

[Stampi f’paġna 15]

Metodu mimli tattika ġab riżultati tajbin għal Pawlu, u l-​istess jistaʼ jagħmel għalina

[Stampa f’paġna 16]

Tifħir bl-​imħabba u bis-​sinċerità jistaʼ jkun tassew taʼ benefiċċju

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja