It-Tifħir Iqawwi l-Qalb
1 “Ma qgħadtx brava llum?” bdiet tibki t-tifla x’ħin daħlet torqod. Ommha nħasdet b’dik il-mistoqsija. Għalkemm kienet indunat kemm għamlet sforz it-tifla biex dakinhar iġġib ruħha sew, lanqas biss kienet faħħritha darba. Il-biki taʼ dik it-tifla għandu jfakkarna li lkoll kemm aħna—kbar u żgħar—neħtieġu t-tifħir. Inqawwu aħna qalb dawk taʼ madwarna billi nesprimu apprezzament għat-tajjeb li jagħmlu?—Prov. 25:11.
2 Hemm ħafna raġunijiet tajbin għalxiex nistgħu nfaħħru lil sħabna l-Kristjani. L-anzjani, il-qaddejja ministerjali, u l-pijunieri jitħabtu biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom. (1 Tim. 4:10; 5:17) Ġenituri li għandhom il-biżaʼ t’Alla jagħmlu ħilithom kollha biex irabbu lil uliedhom fil-mogħdijiet taʼ Jehovah. (Efes. 6:4) Iż-żgħażagħ Kristjani jissieltu biex jirreżistu “l-ispirtu taʼ din id-dinja.” (1 Kor. 2:12; Efes. 2:1-3) Oħrajn jaqdu fedelment lil Jehovah minkejja l-età avanzata, problemi taʼ saħħa, jew provi oħrajn. (2 Kor. 12:7) Dawn l-uħud kollha jistħoqqilhom tifħir. Infaħħruhom aħna taʼ l-isforzi li jagħmlu?
3 B’Mod Persunali u Speċifiku: Ilkoll kemm aħna nieħdu pjaċir meta l-kongregazzjoni taqlaʼ tifħir f’xi taħdita. Madankollu, aħna nqawwu qalbna ħafna iktar meta niġu mfaħħrin b’mod persunali. Per eżempju, f’kapitlu 16 taʼ l-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu faħħar b’mod speċifiku lil Febi, Priska u Akwila, Trifena u Trifosa, u Persi, fost oħrajn. (Rum. 16:1-4, 12) Min jaf kemm qawwielhom qalbhom kliemu lil dawn l-uħud leali! Tifħir bħal dan jiżgura lil ħutna li huma bżonnjużi u jservi biex iressaqna iktar qrib xulxin. Faħħart lil xi ħadd b’mod speċifiku u persunali dan l-aħħar?—Efes. 4:29.
4 Mill-Qalb: Biex verament iqawwi l-qalb, it-tifħir irid ikun sinċier. In-nies jindunaw jekk inkunux qed nitkellmu mill-qalb jew sempliċement ‘inżiegħlu bihom bil-kliem.’ (Prov. 28:23) Hekk kif inħarrġu lilna nfusna biex ninnotaw it-tajjeb taʼ ħaddieħor, qalbna se titqanqal biex tagħti tifħir. Jalla nkunu ġenerużi fit-tifħir sinċier li nagħtu lil xulxin b’mod ġenwin, ladarba nafu li “kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!”—Prov. 15:23.