LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 4/15 pp. 13-16
  • Kif Tistaʼ Tieħu Deċiżjonijiet f’Armonija mar-Rieda t’Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tistaʼ Tieħu Deċiżjonijiet f’Armonija mar-Rieda t’Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Din Hi t-​Triq”
  • Applika l-​Prinċipji tal-​Bibbja
  • Ħares fit-​Tul
  • Eżerċita l-​fidi—Iddeċiedi bil-​għaqal!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Kif Tistaʼ Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ħu Deċiżjonijiet li Jonoraw lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kif Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 4/15 pp. 13-16

Kif Tistaʼ Tieħu Deċiżjonijiet f’Armonija mar-​Rieda t’Alla?

RAĠEL fl-​Istati Uniti mar il-​bank b’ċekk taʼ $25,000 (madwar Lm8,400). Kien bi ħsiebu jitfaʼ l-​flus f’kont li fih ikunu marbutin għal ċertu żmien. Madankollu, il-​bankier tah parir biex jinvesti l-​flus fis-​suq taʼ l-​ishma, għax qal li fl-​aħħar mill-​aħħar, is-​suq taʼ l-​ishma qatt ma jitlef il-​valur tiegħu. Ir-​raġel iddeċieda li jismaʼ mill-​bankier. Ftit taż-​żmien wara, l-​investiment tilef ħafna mill-​valur tiegħu.

Din l-​esperjenza turi kemm hi taʼ sfida li tieħu deċiżjonijiet għaqlin. Xi ngħidu għad-​diversi deċiżjonijiet li niffaċċjaw matul ħajjitna? Ħafna deċiżjonijiet jistgħu jagħmlu d-​differenza bejn is-​suċċess u l-​falliment​—u fl-​aħħar mill-​aħħar, bejn il-​ħajja u l-​mewt. Kif, mela, nistgħu nkunu ċerti li qed nieħdu deċiżjonijiet għaqlin?

“Din Hi t-​Triq”

Kuljum irridu nieħdu deċiżjonijiet dwar x’se nieklu, x’se nilbsu, fejn se mmorru, u nistgħu nibqgħu sejrin. Xi deċiżjonijiet jistgħu jidhru taʼ importanza żgħira, madankollu jistgħu jkollhom konsegwenzi serji. Per eżempju, id-​deċiżjoni li tqabbad sigarett għall-​ewwel darba tistaʼ twassal għall-​vizzju tat-​tipjip tul ħajtek kollha. M’għandna qatt naħsbu li deċiżjonijiet li jidhru żgħar m’humiex daqshekk importanti.

Fejn nistgħu nsibu gwida meta nieħdu deċiżjonijiet, anki dawk li jidhru inqas importanti? Kemm tkun ħaġa mill-​isbaħ li kieku kellna konsulent taʼ min joqgħod fuqu biex jagħtina l-​pariri meta niffaċċjaw xi deċiżjoni diffiċli! Int tistaʼ ssib konsulent bħal dan. Ktieb antik li għadu japplika għal-​lum jgħid hekk: “Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-​triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-​lemin, sew lejn ix-​xellug.’” (Isaija 30:21) Dan il-​kliem taʼ min hu? U kif tistaʼ tkun ċert li l-​gwida tiegħu hi taʼ min joqgħod fuqha?

L-assiguranza t’hawn fuq tinsab fil-​Bibbja, li miljuni studjawha u rrealizzaw li hija ispirata minn Alla Ġeħova, il-​Ħallieq. (2 Timotju 3:16, 17) Ġeħova jaf kif aħna magħmulin, allura hu l-​aħjar sors taʼ gwida. Ukoll, hu jistaʼ jħares fil-​futur, peress li hu ‘sa mill-​bidu għarraf it-​tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx, u jgħid: “Il-​ħsieb tiegħi għad iseħħ.”’ (Isaija 46:10) Salmista esprima l-​fiduċja tiegħu fil-​Kelma t’Alla b’dan il-​mod: “Fanal għal riġlejja l-​kelma tiegħek, u dawl fil-​mogħdija tiegħi.” (Salm 119:105) Madankollu, Ġeħova kif jgħinna niggwidaw triqitna lejn is-​sigurtà fost l-​ilmijiet imqallbin taʼ din id-​dinja? Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet f’armonija mar-​rieda t’Alla?

Applika l-​Prinċipji tal-​Bibbja

Alla Ġeħova ta lill-​Kristjani prinċipji divini sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Il-​fatt li titgħallem il-​prinċipji Bibliċi u tapplikahom jistaʼ jitqabbel maʼ li titgħallem lingwa u tużaha. Meta ssir tajjeb fil-​lingwa, spiss tinduna meta xi ħadd jagħmel żbalji grammatiċi għax dak li jgħid ma jinstemax korrett. Forsi ma tkunx tistaʼ tgħid bit-​termini speċifiċi tal-​grammatika x’hemm ħażin f’dak li ntqal, imma tkun taf li hemm żball. Meta titgħallem il-​prinċipji Bibliċi sal-​punt li jsiru parti minnek, spiss tinduna meta ċerta deċiżjoni ma tkunx xierqa u li m’hijiex f’armonija mal-​prinċipji divini.

Ħu, per eżempju, id-​deċiżjoni li jiffaċċja żagħżugħ meta jiġi biex jagħżel l-​istil taʼ xagħru. M’hemm l-​ebda kmand speċifiku mill-​Bibbja li jikkundanna ċertu stil tax-​xagħar. Madankollu, ikkunsidra prinċipju Bibliku. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Nixtieq li n-​nisa jiżżejnu bi lbies addattat, bil-​modestja u b’moħħ f’loku, mhux bi stili taʼ xagħar immaljat u deheb jew perli jew ħwejjeġ li jiswew ħafna flus, imma bil-​mod li jixraq lil nisa li jgħidu li jqimu lil Alla, jiġifieri, b’għemejjel tajbin.” (1 Timotju 2:​9, 10) Hawnhekk, Pawlu qed jikteb dwar in-​nisa, imma l-​prinċipju japplika kemm għan-​nisa u kemm għall-​irġiel. X’inhu l-​prinċipju? L-​apparenza tagħna għandha tirrifletti l-​modestja u l-​moħħ f’loku. Allura ż-​żagħżugħ jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu, ‘L-​istil tax-​xagħar tiegħi juri l-​modestja li hi xierqa għall-​Kristjani?’

U liema prinċipju t’għajnuna jistaʼ żagħżugħ jieħu mill-​kliem li ġej tad-​dixxiplu Ġakbu? “Adulteri, ma tafux li l-​ħbiberija mad-​dinja hi għadwa m’Alla? Għalhekk, kulmin irid ikun ħabib tad-​dinja qed jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla.” (Ġakbu 4:4) Il-​Kristjani jistmerru l-​ħsieb li jkollhom ħbiberija mad-​dinja, li hi l-​għadu t’Alla. L-​istil tax-​xagħar li jogħġob lil dawk taʼ mparu se jagħmlu jidher bħala l-​ħabib t’Alla jew tad-​dinja? Żagħżugħ li qed jaħseb fuq l-​istil tax-​xagħar jistaʼ juża prinċipji bħal dawn ibbażati fuq il-​Bibbja biex jieħu deċiżjoni għaqlija. Iva, il-​prinċipji divini jistgħu jgħinuna nieħdu d-​deċiżjonijiet. U meta nidraw nieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja, isir eħfef biex naslu għal konklużjonijiet għaqlin li m’għandhomx konsegwenzi negattivi.

Nistgħu nsibu ħafna prinċipji fil-​Kelma t’Alla. Ovvjament, mhux dejjem se nsibu vers li speċifikament japplika għas-​sitwazzjoni tagħna. Xorta waħda, nistgħu naqraw dwar kif xi wħud obdew il-​gwida divina u kif oħrajn injoraw it-​twissijiet divini. (Ġenesi 4:​6, 7, 13-​16; Dewteronomju 30:​15-​20; 1 Korintin 10:11) Jekk naqraw rakkonti bħal dawn u nanalizzaw ir-​riżultati, aħna se nagħrfu l-​prinċipji divini li se jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Alla.

Ħu, per eżempju, il-​konversazzjoni li kellu Ġesù Kristu maʼ l-​appostlu tiegħu Pietru. L-​irġiel li kienu jiġbru t-​taxxa taʼ żewġ drakmi kienu staqsew lil Pietru: “L-​għalliem tagħkom ma jħallashiex it-​taxxa taʼ żewġ drakmi?” Pietru kien wieġeb: “Iva.” Ftit wara dan, Ġesù staqsa lil Pietru: “Is-​slaten taʼ l-​art mingħand min jirċievu d-​dazju jew it-​taxxa fuq kull ras? Mingħand uliedhom jew mingħand l-​istranġieri?” Meta Pietru qal: “Mingħand l-​istranġieri,” Ġesù qallu: “Mela, allura, l-​ulied huma ħielsa mit-​taxxa. Imma biex ma nfixkluhomx, mur sal-​baħar, ixħet sunnara, u ħu l-​ewwel ħuta li ttellaʼ u, meta tiftħilha ħalqha, issib munita taʼ stater. Ħudha u agħtihielhom għalija u għalik.” (Mattew 17:​24-​27) Liema prinċipji divini nsibu f’dan ir-​rakkont?

Permezz taʼ serje taʼ mistoqsijiet, Ġesù ggwida l-​irraġunar taʼ Pietru: Bħala l-​Iben t’Alla, Ġesù ma kellux għalfejn iħallas it-​taxxa tat-​tempju. Għalkemm għall-​ewwel Pietru ma fehemx dan il-​punt, Ġesù bil-​qalb tajba għenu jifhem. Meta oħrajn jagħmlu xi żball, nistgħu niddeċiedu, bħal Ġesù, li nittrattawhom bil-​mogħdrija minflok ma noqogħdu nsemmulhom, b’nuqqas taʼ qalb tajba, l-​iżball tagħhom jew nikkundannawhom.

B’hekk, Pietru setaʼ jara r-​raġuni għala kellha titħallas it-​taxxa​—biex oħrajn ma jitfixklux. Dan hu prinċipju ieħor li nistgħu nitgħallmu minn dan ir-​rakkont. Huwa iktar importanti li nqisu l-​kuxjenza t’oħrajn milli ninsistu fuq id-​drittijiet tagħna.

X’inhu dak li jimmotivana nieħdu deċiżjonijiet li juru rispett għall-​kuxjenza t’oħrajn? L-​imħabba għall-​proxxmu. Ġesù Kristu għallimna li l-​imħabba għall-​proxxmu hija l-​iktar kmand importanti, wara dak li nħobbu lil Alla b’ruħna kollha. (Mattew 22:39) Madankollu, qed ngħixu f’dinja li tippromwovi l-​egoiżmu, u t-​tendenzi midinba tagħna jħajruna nkunu egoisti. Allura sabiex bniedem iħobb lill-​proxxmu bħalu nnifsu għandu bżonn iġedded moħħu.​—Rumani 12:2.

Ħafna għamlu din il-​bidla, u huma jikkunsidraw il-​kuxjenza t’oħrajn meta jieħdu deċiżjonijiet, kemm jekk ikunu deċiżjonijiet kbar u kemm jekk ikunu żgħar. Pawlu kiteb: “Intom kontu msejħin għal-​libertà; biss tużawx din il-​libertà bħala okkażjoni għal-​laħam, imma tjassru għal xulxin permezz taʼ l-​imħabba.” (Galatin 5:​13) Kif nistgħu nagħmlu dan? Ikkunsidra l-​eżempju taʼ tfajla li marret toqgħod f’raħal rurali biex tgħin lin-​nies jitgħallmu dwar il-​Kelma t’Alla. Hekk kif tkellmet man-​nies indunat li r-​raħal kien qed jitkellem b’mod negattiv fuq l-​ilbies tagħha, għalkemm dan kien meqjus modest skond il-​moda fil-​bliet. L-​ilbies u d-​dehra tagħha kienu modesti, madankollu hi ddeċidiet li tibda tilbes ilbies li kien iktar sempliċi “sabiex il-​kelma t’Alla ma tkunx immaqdra.”​—Titu 2:5.

Int kif kont tirreaġixxi kieku kellek tiffaċċja xi deċiżjoni dwar l-​ilbies jew xi kwistjoni taʼ gosti persunali? Tistaʼ taċċerta ruħek li Ġeħova se jieħu gost meta d-​deċiżjonijiet tiegħek juru li qed taħseb fil-​kuxjenza t’oħrajn.

Ħares fit-​Tul

Minbarra l-​prinċipji Bibliċi u l-​kuxjenza t’oħrajn, x’nistgħu nikkunsidraw iktar meta nkunu qed nieħdu d-​deċiżjonijiet? Għalkemm it-​triq tal-​Kristjani hija mħarbta u dejqa, Alla jagħtihom ħafna libertà fil-​limiti li poġġielhom. (Mattew 7:​13, 14) Għandna bżonn nikkunsidraw kif id-​deċiżjonijiet li nieħdu se jeffettwaw is-​saħħa spiritwali, mentali, emozzjonali, u fiżika tagħna fil-​futur.

Ejja ngħidu li kont qed taħseb biex taċċetta offerta taʼ xogħol. Forsi m’hemm xejn immorali jew mhux xieraq fin-​natura tax-​xogħol. Se tkun tistaʼ tattendi l-​laqgħat Kristjani u l-​konvenzjonijiet. Il-​paga se tkun iktar milli stennejt. L-​imgħallem japprezza ħafna s-​sengħa tiegħek u jrid juża l-​potenzjal kollu tiegħek. Barra minn hekk, ix-​xogħol li hu involut jogħġbok. Għandha xi ħaġa żżommok lura milli taċċetta l-​offerta? Xi ngħidu jekk tara l-​possibbiltà li ssir tħobb ix-​xogħol iżżejjed? Jintqallek li mhux se jġagħluk taħdem wara l-​ħin tax-​xogħol. Imma biex tlesti proġett, se tkun lest li taħdem iktar milli suppost? Jistaʼ dan l-​overtime jsir xi ħaġa taʼ spiss? Jistaʼ jiħodlok mill-​ħin li tqattaʼ mal-​familja u eventwalment minn attivitajiet spiritwali li żgur m’għandekx titlef?

Ikkunsidra kif Jim ħa deċiżjoni importanti dwar l-​impjieg tiegħu. Hu ħadem bla waqfien u avanza għal pożizzjoni iktar għolja fil-​kumpanija. Eventwalment sar id-​direttur maniġerjali taʼ l-​attivitajiet tal-​kumpanija tiegħu fl-​Orjent, l-​uffiċjal esekuttiv ewlieni tal-​fergħa tal-​kumpanija fl-​Istati Uniti, u membru tal-​bord tad-​diretturi tan-​negozju fl-​Ewropa. Madankollu, meta kien hemm tnaqqis fl-​attività ekonomika fil-​Ġappun, hu induna kemm ma kien jiswa xejn li tiġri wara l-​flus u l-​poter. Il-​flus li kien ġemmaʼ b’ħafna xogħol iebes kienu sparixxew malajr. Hu ħass li kellu nuqqas taʼ skop f’ħajtu. ‘X’se nkun qed nagħmel għaxar snin oħra?’ staqsa lilu nnifsu. Imbagħad irrealizza li martu u wliedu kienu qed jiffokaw fuq miri iktar siewja f’ħajjithom. Maż-​żmien, kienu assoċjaw ruħhom max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Jim xtaq igawdi l-​istess ferħ u kuntentizza li kienet tgawdi l-​familja tiegħu. Allura beda jistudja l-​Bibbja.

Wara ftit, Jim setaʼ jagħraf li l-​istil taʼ ħajtu kien qed itellfu milli jgħix ħajja taʼ skop bħala Kristjan. Peress li kien il-​ħin kollu qed jivvjaġġa bejn l-​Asja, l-​Istati Uniti, u l-​Ewropa, ma kellux biżżejjed ħin biex jistudja l-​Bibbja u biex jassoċja maʼ sħabu fit-​twemmin. Hu ffaċċja deċiżjoni: ‘Se nkompli ngħix il-​ħajja li għext dawn l-​aħħar 50 sena jew se nsegwi mod taʼ ħajja ġdid?’ Bit-​talb hu kkunsidra l-​effett fit-​tul tad-​deċiżjoni tiegħu u ddeċieda li jitlaq mix-​xogħlijiet kollha tiegħu minbarra wieħed sabiex ikollu ħin għall-​attivitajiet spiritwali. (1 Timotju 6:​6-8) Id-​deċiżjoni tiegħu għamlitu iktar ferħan, billi tatu l-​opportunità li jkollu ħafna x’jagħmel fl-​attivitajiet Kristjani.

Kemm jekk huma kbar u kemm jekk huma żgħar, id-​deċiżjonijiet li tieħu huma importanti. Deċiżjoni li tieħu llum għandha mnejn tagħmel id-​differenza bejn is-​suċċess u l-​falliment, jew saħansitra bejn il-​ħajja u l-​mewt fil-​futur. Int tistaʼ tieħu deċiżjonijiet għaqlin jekk tikkunsidra l-​prinċipji Bibliċi, il-​kuxjenza t’oħrajn, u l-​effett fit-​tul taʼ l-​azzjoni tiegħek. Ħu deċiżjonijiet f’armonija mar-​rieda t’Alla.

[Stampa f’paġna 13]

Deċiżjonijiet li jidhru żgħar jistaʼ jkollhom konsegwenzi serji

[Stampa f’paġna 14]

Kif setgħu l-​prinċipji Bibliċi jgħinuha tiddeċiedi b’mod għaqli?

[Stampa f’paġna 15]

Ġesù kellem lil Pietru bil-​mogħdrija

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja