Il-Faqar—Is-Sitwazzjoni Llum
VICENTEa spiss tarah għaddej jiġbed karettun mgħobbi b’ħafna affarijiet fit-toroq taʼ São Paulo, il-Brażil. Hu jiġbor biċċiet tal-kartun, tal-metall, u plastik. X’ħin jibda jidlam, iqiegħed biċċa kartuna taħt il-karettun tiegħu u jimtedd fuqha biex jorqod. Donnu ma jinnotax l-istorbju tal-ħafna karozzi u tal-linji li jkunu għaddejjin fit-triq fejn iqattaʼ l-lejl. Xi darba kellu impjieg, dar, u familja—imma tilef kollox. Issa bilkemm jirnexxilu jmantni lilu nnifsu fit-toroq.
Sfortunatament, miljuni taʼ persuni madwar id-dinja, bħal Vicente, jgħixu f’faqar bla tama. F’pajjiżi li qed jiżviluppaw, ħafna jkollhom jgħixu fit-toroq jew f’gabubi. It-tallaba—iz-zopop, l-għomja, u nisa li jkunu qed jitimgħu lit-trabi tagħhom—huma xi ħaġa komuni. Ħdejn it-traffic lights, xi tfal jiġru bejn il-karozzi weqfin, u jipprovaw ibigħu l-ħelu bit-tama li jiksbu ftit ċenteżmi.
Huwa diffiċli tispjega għala dan il-faqar jeżisti. Ir-rivista Ingliża The Economist stqarret: “Ir-razza umana qatt ma kienet iktar għanja, jew iktar armata b’għarfien mediku, b’sengħa teknoloġika u b’intelliġenza li huma bżonnjużi biex jegħlbu l-faqar.” Ħafna żgur ibbenefikaw mill-għarfien li kisbu l-bnedmin. It-toroq tal-bliet kbar f’għadd taʼ pajjiżi li qed jiżviluppaw huma mimlijin karozzi ġodda jlellxu. Ħwienet kbar huma mimlijin b’tagħmir popolari taʼ l-aħħar, u hemm ħafna nies li jridu jixtruhom. Żewġ stabbilimenti tal-ħwienet fil-Brażil għamlu promozzjoni speċjali. Dawn baqgħu miftuħin tul il-lejl mit-23 sa l-24 taʼ Diċembru, 2004. F’wieħed mill-istabbilimenti krew żeffiena tas-samba biex jipprovdu divertiment għal dawk li kienu qed jixtru. L-avveniment attira kważi 500,000 xerrej!
Minkejja dan, għadd kbir taʼ persuni ma jibbenefikawx mill-ġid li oħrajn igawdu. Id-differenza kbira bejn l-għonja u l-foqra ġiegħlet lil ħafna jikkonkludu li hemm bżonn urġenti li jistinkaw biex jeliminaw il-faqar. Ir-rivista Brażiljana Veja stqarret: “Din is-sena [2005] il-ġlieda kontra l-faqar għandha tkun is-suġġett prinċipali fuq l-aġenda globali.” Veja rrapportat ukoll dwar il-proposta għal Marshall Plan ġdid li l-iskop tiegħu hu li jgħin lill-pajjiżi l-iktar foqra, speċjalment l-Afrika.b Madankollu, filwaqt li proposti bħal dawn jagħtu l-impressjoni li qed ikun hemm progress, l-istess rivista kompliet biex tgħid: “Hemm ukoll għadd kbir taʼ raġunijiet għala għandna niddubitaw li dawn il-proposti għamlu l-ġid. Jekk il-maġġuranza tal-pajjiżi jżommu lura milli jikkontribwixxu, huwa minħabba li l-fondi rari jilħqu lil dawk li suppost għandhom jirċivuhom.” Sfortunatament, minħabba l-korruzzjoni, u ħafna rqaqat żejda li għandhom x’jaqsmu mal-burokrazija, parti kbira mill-fondi li jipprovdu l-gvernijiet, l-aġenziji internazzjonali, u individwi oħra qatt ma jaslu għand in-nies li tassew għandhom bżonnhom.
Ġesù kien jaf li l-faqar kien se jkun problema kontinwa. Hu qal: “Il-foqra dejjem magħkom.” (Mattew 26:11) Ifisser dan li dejjem se jkun hawn il-faqar fid-dinja? Tistaʼ ssir xi ħaġa biex is-sitwazzjoni titjieb? Il-Kristjani x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lill-foqra?
[Noti taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.
b Il-Marshall Plan kien programm sponsorjat mill-Istati Uniti disinjat biex jgħin fit-titjib ekonomiku taʼ l-Ewropa wara t-tieni gwerra dinjija.