LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 6/1 pp. 26-30
  • “Agħżel il-Ħajja biex Tgħix”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Agħżel il-Ħajja biex Tgħix”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Libertà taʼ l-​Għażla f’Iżrael
  • Nagħmlu l-​Għażla t-​Tajba
  • “Għallimhom”
  • Il-futur tiegħek, l-għażla tiegħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2018
  • Huma ‘Għamlu Preċiż Hekk’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Il-Kelma taʼ Ġeħova Qatt ma Tonqos milli Sseħħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Imweldin fil-Ġens Magħżul minn Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 6/1 pp. 26-30

“Agħżel il-​Ħajja biex Tgħix”

“Il-​ħajja u l-​mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-​barka u s-​saħta. Agħżel il-​ħajja biex tgħix.” —DEWTERONOMJU 30:19.

1, 2. Il-​bniedem b’liema mod kien maħluq fuq ix-​xbieha t’Alla?

“ĦA NAGĦMLU l-​bniedem fuq is-​sura u x-​xbieha tagħna.” Din l-​istqarrija divina hija mniżżla fl-​ewwel kapitlu tal-​Bibbja. Għalhekk, “Alla ħalaq il-​bniedem fuq xbihietu fuq xbihat Alla ħalqu,” jgħid Ġenesi 1:​26, 27. B’hekk, l-​ewwel bniedem kien differenti mill-​ħlejjaq kollha l-​oħra fuq l-​art. Hu kien jixbah lill-​Ħallieq tiegħu, kien kapaċi jimita l-​mod kif Alla kien jirraġuna, billi juri l-​imħabba, il-​ġustizzja, l-​għerf, u l-​qawwa. Kellu l-​fakultà tal-​kuxjenza biex tgħinu jieħu deċiżjonijiet li kienu se jkunu taʼ benefiċċju għalih u jogħġbu lil Missieru tas-​sema. (Rumani 2:​15) Fil-​qosor, Adam kellu l-​libertà taʼ l-​għażla. Hekk kif osserva l-​mod kif ibnu fuq l-​art ġie disinjat, Ġeħova qal dan dwar xogħol idejh: “Ara, kollox [hu] tajjeb ħafna.”​—Ġenesi 1:​31; Salm 95:6.

2 Bħala d-​dixxendenti taʼ Adam, aħna wkoll maħluqin fuq is-​sura u x-​xbieha t’Alla. Madankollu, għandna verament għażla f’dak li nagħmlu? Għalkemm Ġeħova għandu l-​abbiltà biex minn qabel ikun jaf x’se jiġri, hu ma jiddeterminax minn qabel l-​azzjonijiet u d-​destin tagħna individwalment. Hu qatt ma jħalli lil uliedu fuq l-​art jiġu maħkumin mill-​predestinazzjoni. Sabiex jgħinna nifhmu l-​importanza taʼ li neżerċitaw il-​libertà taʼ l-​għażla tagħna biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin, ejja l-​ewwelnett nitgħallmu lezzjoni mill-​ġens taʼ Iżrael.​—Rumani 15:4.

Il-​Libertà taʼ l-​Għażla f’Iżrael

3. Liema kien l-​ewwel mill-​Għaxar Kmandamenti, u l-​Iżraelin leali kif għażlu li jobduh?

3 “Jiena l-​Mulej li ħriġtek mill-​art taʼ l-​Eġittu, minn dar il-​jasar,” qal Ġeħova lill-​Iżraelin. (Dewteronomju 5:6) Fl-​1513 Q.E.K., il-​ġens taʼ Iżrael esperjenza ħelsien mirakoluż mill-​jasar Eġizzjan, u għalhekk ma kellux għalfejn jiddubita dan il-​kliem. Fl-​ewwel mill-​Għaxar Kmandamenti, Ġeħova permezz tal-​kelliemi tiegħu Mosè ddikjara: “Ma jkollokx allat oħra għajri.” (Eżodu 20:​1, 3) F’din l-​okkażjoni, il-​ġens taʼ Iżrael għażel li jobdi. Minn jeddu ta lil Ġeħova d-​devozzjoni esklużiva tiegħu.​—Eżodu 20:5; Numri 25:11.

4. (a) Mosè liema għażla poġġa quddiem Iżrael? (b) Liema għażla għandna llum?

4 Xi 40 sena wara, Mosè b’konvinzjoni fakkar ġenerazzjoni oħra taʼ Iżraelin dwar l-​għażla li kellhom quddiemhom. “Nsejjaħ illum is-​sema u l-​art b’xhieda kontrikom,” hu ddikjara, “il-​ħajja u l-​mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-​barka u s-​saħta. Agħżel il-​ħajja biex tgħix int u nislek.” (Dewteronomju 30:19) B’mod simili llum, aħna wkoll nistgħu nagħżlu. Iva, nistgħu nagħżlu li naqdu lil Ġeħova lealment b’ħajja taʼ dejjem quddiemna, jew nistgħu nagħżlu li ma nobduhx u nsofru l-​konsegwenzi. Ikkunsidra żewġ eżempji taʼ wħud li għamlu għażliet differenti ħafna.

5, 6. Liema għażla għamel Ġożwè, u x’kien ir-​riżultat?

5 Fl-​1473 Q.E.K., Ġożwè mexxa lill-​Iżraelin fl-​Art Imwiegħda. Fi twissija qawwija li ta qabel mewtu, Ġożwè bil-​ħrara qal lill-​ġens kollu: “Jekk ma jogħġobkomx taqdu l-​Mulej, [agħżlu] illum lil min tridu taqdu; jekk hux l-​allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-​xmara, jew l-​allat taʼ l-​Amurrin li f’arthom qegħdin tgħammru.” Imbagħad, billi rrefera għal familtu, hu kompla: “Imma jien u dari naqdu l-​Mulej.”​—Ġożwè 24:15.

6 Iktar kmieni, Ġeħova kien ħeġġeġ lil Ġożwè biex ikun qalbieni u sod, u tah l-​istruzzjoni biex ma jiżvijax milli jobdi l-​Liġi t’Alla. Minflok, billi qara l-​ktieb tal-​Liġi taħt l-​ilsien lejl u nhar, Ġożwè kien se jirnexxilu jkollu suċċess. (Ġożwè 1:​7, 8) U hekk ġara. L-​għażliet taʼ Ġożwè wasslu għal barkiet. “Ebda kelma taʼ ġid ma kien baqaʼ li ma seħħitx skond ma kien wiegħed il-​Mulej lid-​dar taʼ Iżrael,” Ġożwè ddikjara. “Kollox seħħ!”​—Ġożwè 21:45.

7. Fi żmien Isaija, liema għażla għamlu xi Iżraelin, u b’liema konsegwenzi?

7 B’kuntrast, ikkunsidra s-​sitwazzjoni f’Iżrael xi 700 sena wara. Sa dan iż-​żmien, ħafna mill-​Iżraelin kienu qed isegwu drawwiet pagani. Per eżempju, fl-​aħħar jum tas-​sena, in-​nies kienu jinġabru madwar mejda li kienet mifruxa b’varjetà taʼ ikel bnin u nbid ħelu. Din ma kinitx xi laqgħa soċjali tal-​familja. Kienet ċerimonja reliġjuża li fiha kienu jiġu onorati żewġ allat pagani. Il-​profeta Isaija niżżel bil-​miktub il-​ħarsa t’Alla lejn din iż-​żlealtà: “Intom li tlaqtu lill-​Mulej, li nsejtu l-​għolja mqaddsa tiegħi, li lestejtu mejda għal Gad, u mlejtu l-​inbid għal Meni.” Huma kienu jemmnu li l-​ħsad tas-​sena kien jiddependi, mhux milli jkollhom il-​barka taʼ Ġeħova, imma milli jferrħu lil “Gad,” l-​alla tal-​Fortuna u lil “Meni,” l-​alla tad-​Destin. Però, fir-​realtà, ir-​ribelljoni tagħhom u l-​għażla li għamlu minn jeddhom iddeterminaw it-​tmiem tagħhom. Ġeħova ddikjara: “Jien għax-​xabla kkundannajtkom, u lkoll kemm intom tmilu għall-​qatla. Għax jien sejjaħtilkom, u intom ma weġibtux; tkellimt, u ma smajtux. Għamiltu l-​ħażin f’għajnejja, u għażiltu dak li ma jogħġobnix.” (Isaija 65:​11, 12) L-​għażla bla għaqal tagħhom ġabet qerda fuqhom, u l-​allat tad-​Destin u tal-​Fortuna ma kellhomx qawwa biex jeħilsuhom.

Nagħmlu l-​Għażla t-​Tajba

8. Skond Dewteronomju 30:​20, x’hemm bżonn biex nagħmlu għażla tajba?

8 Meta Mosè ħeġġeġ lill-​Iżraelin biex jagħżlu l-​ħajja, hu indika tliet passi li għandhom jieħdu: ‘Billi jħobbu lill-​Mulej, Alla tagħhom, u jisimgħu l-​kelma tiegħu, u jorbtu qalbhom miegħu.’ (Dewteronomju 30:​20) Ejja neżaminaw kull wieħed minn dawn il-​passi ħalli nagħmlu għażla tajba.

9. Kif nistgħu nuru l-​imħabba tagħna għal Ġeħova?

9 Billi nħobbu lil Alla tagħna Ġeħova: Aħna nagħżlu li naqdu lil Ġeħova għax inħobbuh. Jekk nagħtu kas l-​eżempji taʼ twissija fi żmien Iżrael, aħna nirreżistu t-​tentazzjonijiet kollha biex nikkommettu l-​immoralità u aħna nwarrbu mod taʼ ħajja li jistaʼ jġagħalna niġu influwenzati min-​nassa tal-​materjaliżmu li hemm fid-​dinja. (1 Korintin 10:11; 1 Timotju 6:​6-10) Aħna naqbdu qabda soda maʼ Ġeħova u nżommu mar-​regoli tiegħu. (Ġożwè 23:8; Salm 119:​5, 8) Qabel ma l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda, Mosè ħeġġiġhom: “Araw, jien għallimtkom liġijiet u ordnijiet kif ikkmandani l-​Mulej, Alla tiegħi, biex tagħmluhom sewwa fil-​pajjiż li fih se tidħlu biex ikun tagħkom. Ħarsuhom u agħmluhom, għax hekk tidhru għorrief u għaqlin f’għajnejn il-​ġnus . . . kif jisimgħu b’dawn il-​liġijiet kollha.” (Dewteronomju 4:​5, 6) Issa huwa l-​waqt li nuru l-​imħabba tagħna lejn Ġeħova billi nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitna. Aħna żgur se niġu mberkin jekk nagħżlu li nagħmlu dan.​—Mattew 6:33.

10-12. X’lezzjonijiet nitgħallmu meta nikkunsidraw dak li ġara fi żmien Noè?

10 Billi nisimgħu mill-​kelma t’Alla: Noè kien “predikatur tal-​ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) Kważi n-​nies kollha li kienu fuq l-​art qabel id-​Dilluvju kienu aljenati u “ma tawx kas” it-​twissijiet taʼ Noè. X’kienu l-​konsegwenzi? “Ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll.” Ġesù wissa li żmienna, matul “il-​preżenza taʼ Bin il-​bniedem,” kien se jkun simili. Dak li ġara fi żmien Noè jservi bħala twissija qawwija għan-​nies illum li jagħżlu li ma jagħtux kas il-​messaġġ t’Alla.​—Mattew 24:39.

11 Dawk li jirridikolaw it-​twissijiet divini li jagħmlu l-​qaddejja moderni t’Alla għandhom jirrealizzaw dak li se jiġri jekk ma jagħtux kas it-​twissijiet. Dwar dawn ir-​ridikolaturi, l-​appostlu Pietru stqarr: “Skond ix-​xewqa tagħhom, huma jagħlqu għajnejhom għal dan il-​fatt, li kien hemm smewwiet mill-​qedem u art solida żżomm f’wiċċ l-​ilma u f’nofs l-​ilma bil-​kelma t’Alla; u permezz taʼ dawn, id-​dinja taʼ dak iż-​żmien inqerdet meta ġiet mgħarrqa bl-​ilma. Imma bl-​istess kelma, is-​smewwiet u l-​art t’issa huma merfugħin għan-​nar u qed jinżammu għal jum il-​ġudizzju u l-​qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.”​—2 Pietru 3:​3-7.

12 Qabbel dan maʼ l-​għażla li għamel Noè flimkien maʼ familtu. “Bil-​fidi Noè, wara li ngħata twissija divina dwar affarijiet li kienu għadhom ma dehrux, wera l-​biżaʼ t’Alla u bena arka.” Il-​fatt li semaʼ mit-​twissija ġab ħelsien għal dawk taʼ daru. (Ebrej 11:7) Jalla nkunu ħfief biex nisimgħu dwar il-​messaġġ t’Alla, u mbagħad b’ubbidjenza napplikawh.​—Ġakbu 1:​19, 22-​25.

13, 14. (a) Għala huwa vitali li ‘norbtu qalbna’ maʼ Ġeħova? (b) Kif għandna nħallu lil Ġeħova, “il-​fuħħari” tagħna, isawwarna?

13 Billi norbtu qalbna maʼ Ġeħova: Sabiex ‘nagħżlu l-​ħajja biex ngħixu,’ mhux biss għandna nobdu lil Ġeħova u nisimgħu minnu, imma għandna wkoll ‘norbtu qalbna’ maʼ Ġeħova, jiġifieri, nibqgħu nagħmlu r-​rieda tiegħu. Ġesù qal: “Bis-​sabar tagħkom tiksbu ruħkom.” (Luqa 21:19) Fil-​fatt, l-​għażla li nagħmlu f’dan ir-​rigward tikxef dak li hemm f’qalbna. Proverbji 28:14 jgħid: “Hieni l-​bniedem li dejjem jibżaʼ minn Alla! Imma min iwebbes qalbu jiġi fl-​għali.” Il-​Fargħun taʼ l-​Eġittu tal-​qedem kien eżempju taʼ dan. Hekk kif kull wieħed mill-​Għaxar Kastigi waqaʼ fuq l-​Eġittu, il-​Fargħun webbes qalbu minflok ma wera l-​biżaʼ t’Alla. Ġeħova ma sforzax lill-​Fargħun biex jobdi, imma ħalla lil dak il-​ħakkiem kburi jagħżel. Kien x’kien il-​każ, ir-​rieda taʼ Ġeħova twettqet, kif l-​appostlu Pawlu spjega rigward il-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn il-​Fargħun: “Għal dan l-​istess skop ħallejtek tibqaʼ, biex permezz tiegħek nuri l-​qawwa tiegħi u ismi jixxandar fl-​art kollha.”​—Rumani 9:​17.

14 Sekli wara l-​ħelsien taʼ Iżrael minn taħt il-​ħakma tal-​Fargħun, il-​profeta Isaija ddikjara: “Mulej, int missierna; aħna t-​tafal, u inti l-​fuħħari; aħna lkoll għemil idejk.” (Isaija 64:7 [64:​8, NW]) Hekk kif inħallu lil Ġeħova jsawwarna permezz taʼ l-​istudju persunali tagħna u l-​applikazzjoni tal-​Kelma tiegħu, aħna maż-​żmien nilbsu l-​personalità l-​ġdida. Insiru iktar ġwejdin u flessibbli, u b’hekk ikun eħfef għalina biex nibqgħu lealment qrib taʼ Ġeħova għax sinċerament inkunu rridu nogħġbuh.​—Efesin 4:​23, 24; Kolossin 3:​8-​10.

“Għallimhom”

15. Skond Dewteronomju 4:​9, Mosè fakkar lil Iżrael dwar liema żewġ responsabbiltajiet?

15 Hekk kif kienu se jidħlu fl-​Art Imwiegħda, lill-​ġens miġbur taʼ Iżrael Mosè qallu: “Biss iftaħ għajnejk, u oqgħod attent ħafna għalik innifsek, li ma tmurx tinsa l-​ħwejjeġ li rajt b’għajnejk; tħallihomx iwarrbu minn qalbek tul il-​jiem kollha taʼ ħajtek, imma għallimhom lil uliedek u ’l ulied uliedek.” (Dewteronomju 4:9) Sabiex ikollhom il-​barka taʼ Ġeħova u jiffjorixxu fl-​art li kienu se jirtu, il-​poplu kellu jwettaq żewġ responsabbiltajiet quddiem Ġeħova Alla tagħhom. Ma kellhomx jinsew l-​affarijiet meraviljużi li Ġeħova kien wettaq quddiem għajnejhom, u kellhom jgħallmuhom lill-​ġenerazzjonijiet tal-​futur. Bħala l-​poplu t’Alla llum, aħna għandna nagħmlu l-​istess jekk irridu ‘nagħżlu l-​ħajja biex ngħixu.’ X’rajna b’għajnejna stess li Ġeħova wettaq għalina?

16, 17. (a) Missjunarji li ġew imħarrġin f’Gilgħad xi rnexxielhom iwettqu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna? (b) Liema eżempji taf int taʼ wħud li ż-​żelu tagħhom ma naqasx?

16 Aħna ferħanin immens meta naraw kif Ġeħova bierek ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u taʼ li nagħmlu dixxipli. Minn mindu bdiet l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) fl-​1943, il-​missjunarji kienu minn taʼ quddiem fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli f’ħafna pajjiżi. Sa llum il-​ġurnata, uħud li ggradwaw fil-​bidu taʼ din l-​iskola għad għandhom żelu għall-​ippridkar tas-​Saltna avolja li huma mdaħħlin fiż-​żmien u wħud minnhom huma limitati minħabba limitazzjonijiet fiżiċi. Eżempju wieħed mill-​aqwa hu taʼ Mary Olson, li ggradwat minn Gilgħad fl-​1944. Hi qdiet bħala missjunarja l-​ewwel fl-​Urugwaj, imbagħad fil-​Kolombja, u issa f’Puerto Rico. Għalkemm hi daqsxejn limitata minħabba problemi fiżiċi li ġew bl-​età avanzata, Oħtna Olson għad għandha l-​entużjażmu tagħha għall-​ippridkar. Peress li tgħallmet l-​Ispanjol, hi twarrab ftit ħin kull ġimgħa biex tieħu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa maʼ pubblikaturi lokali.

17 Nancy Porter, li issa hija armla, iggradwat mill-​Iskola taʼ Gilgħad fl-​1947 u għadha taqdi fil-​Baħamas. Hija missjunarja oħra li għadha bieżla fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. “Il-​ferħ li nikseb milli ngħallem il-​verità tal-​Bibbja lil oħrajn ma nistax infissru,” tgħid Oħtna Porter fil-​bijografija tagħha.a “Dan iġagħalni nżomm rutina spiritwali tajba li tgħinni nkun organizzata u stabbli.” Meta Oħtna Porter u qaddejja leali oħra jħarsu lura, ma jinsewx dak li Ġeħova għamel għalihom. Xi ngħidu għalina? Inħarsu b’apprezzament lejn il-​mod kif Ġeħova bierek ix-​xogħol tas-​Saltna fl-​inħawi tagħna?​—Salm 68:12 (68:​11, NW).

18. X’nistgħu nitgħallmu hekk kif naqraw il-​bijografiji tal-​missjunarji?

18 Aħna nifirħu meta naraw x’wettqu u x’għadhom iwettqu dawn l-​uħud li ilhom jaqdu lil Ġeħova. Nistgħu nħossuna inkuraġġiti meta naqraw il-​bijografiji tagħhom għaliex meta naraw dak li Ġeħova għamel għal dawn l-​uħud leali, id-​determinazzjoni li naqdu lil Ġeħova tissaħħaħ. Taqra regolarment rakkonti kommoventi bħal dawn li jkunu pubblikati fit-​Torri taʼ l-​Għassa, u timmedita fuqhom?

19. Il-​ġenituri Kristjani kif jistgħu jagħmlu użu tajjeb mill-​bijografiji mniżżlin fit-​Torri taʼ l-​Għassa?

19 Mosè fakkar lill-​Iżraelin li ma kellhomx jinsew dak kollu li Ġeħova kien għamel għalihom u li dawk l-​affarijiet qatt ma kellhom jitilqu minn qalbhom. Imbagħad żied pass ieħor: “Għallimhom lil uliedek u ’l ulied uliedek.” (Dewteronomju 4:9) Stejjer veri għandhom appell speċjali. Żgħażagħ li jkunu qed jikbru għandhom bżonn eżempji tajbin. Aħwa nisa mhux miżżewġin jistgħu jitgħallmu lezzjonijiet mill-​eżempju leali t’aħwa nisa iktar imdaħħlin fiż-​żmien li l-​bijografiji tagħhom ikunu miktubin fit-​Torri taʼ l-​Għassa. Servizz f’territorju taʼ lingwa barranija f’pajjiżhom stess joffri l-​opportunità lill-​aħwa rġiel u nisa biex ikunu beżlin fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba. Ġenituri Kristjani, għala ma tużawx l-​esperjenzi taʼ missjunarji leali taʼ Gilgħad, kif ukoll t’oħrajn, biex tipprovdu inċentiv għal uliedkom ħalli jagħżlu ħajja taʼ servizz full-time?

20. X’għandna nagħmlu biex ‘nagħżlu l-​ħajja’?

20 Għalhekk, kif jistaʼ kull wieħed u waħda minna ‘jagħżel il-​ħajja’? Billi nużaw l-​għotja meraviljuża tal-​libertà taʼ l-​għażla biex nuru lil Ġeħova li aħna nħobbuh u billi nkomplu nagħmlu l-​almu tagħna fis-​servizz tiegħu sakemm hu jħallina b’dan il-​privileġġ. “Għax,” bħalma Mosè ddikjara, Ġeħova hu “ħajtek u t-​tul taʼ jiemek.”​—Dewteronomju 30:19, 20.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Ferħana u Grata Avolja b’Qalbi Maqsuma,” pubblikat fit-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Ġunju, 2001, paġni 23-​7.

Tistaʼ Tiftakar?

• X’tgħallimt mill-​eżempji t’għażliet differenti li kkunsidrajna?

• X’passi għandna nieħdu sabiex ‘nagħżlu l-​ħajja’?

• Liema żewġ responsabbiltajiet aħna mħeġġin biex inwettqu?

[Stampa f’paġna 26]

‘Il-​ħajja u l-​mewt jien qegħedt quddiemek’

[Stampa f’paġna 29]

Minħabba li semgħu mill-​kelma t’Alla, Noè u familtu salvaw

[Stampa f’paġna 30]

Mary Olson

[Stampa f’paġna 30]

Nancy Porter

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja