Ma Tistax Iġġemmgħu Mela Użah Sew
IL-ĦIN jiswa l-flus. Ħafna nies hekk jgħidu. Fir-realtà, il-ħin hu differenti ħafna mill-flus jew minn affarijiet materjali oħrajn. Ma tistax twarrab il-ħin biex tużah fil-futur bħalma tistaʼ tagħmel bil-flus, l-ikel, iż-żejt, jew għadd t’affarijiet oħra. Kulmeta nipprovaw inġemmgħu l-ħin b’xi mod jew ieħor billi ma nużawhx inkunu qed naħluh. X’jiġri jekk torqod tmien sigħat u tipprova ġġemmaʼ l-ħin għall-bqija tal-ġurnata billi ma tagħmel xejn? Fl-aħħar tal-jum, is-sigħat li ma tkunx użajt ikunu għaddew għal dejjem.
Il-ħin jistaʼ jitqabbel maʼ xmara kbira b’kurrent qawwi. Din dejjem tgelgel f’direzzjoni waħda. Ma tistax twaqqafha, u lanqas ma tistaʼ tuża kull qatra li tgħaddi minnha. Sekli ilu, in-nies bdew jibnu roti max-xtut tax-xmajjar li jduru bil-kurrent taʼ l-ilma. Permezz tagħhom, huma kienu jutilizzaw l-enerġija mill-kurrent taʼ l-ilma biex joperaw l-imtieħen, l-impjanti taʼ l-isserrar, il-pompi, u l-mazez kbar tal-ħaddieda. Bl-istess mod, int tistaʼ tutilizza l-ħin, mhux iġġemmgħu, imma tużah biex tagħmel xogħol tajjeb. Però, biex tagħmel dan trid tissielet maʼ żewġ affarijiet prinċipali li jisirqulek il-ħin—it-tnikkir u xi ħaġa oħra konnessa maʼ dan li tiħodlok il-ħin, jiġifieri, li tiġmaʼ ħafna affarijiet li m’għandekx bżonn. L-ewwel ejja nikkunsidraw il-kwistjoni tat-tnikkir.
Evita t-Tnikkir
Ħafna nies jgħidu, Tħallix għal għada dak li tistaʼ tagħmel illum. Però, oħrajn iħobbu jdawruha u jgħidu, Qatt tħalli għal għada dak li tistaʼ tħalli għall-ġimgħa d-dieħla. Meta jiffaċċjaw biċċa xogħol li tirrikjedi ħafna ħin, huma jsibuha faċli jiskartawha billi joqogħdu jitnikkru. Skond dizzjunarju wieħed, “it-tnikkir” ifisser “li toqgħod lura apposta u bħala drawwa; toqgħod lura apposta milli tagħmel xi ħaġa li hemm bżonn li ssir.” Għal min iħobb jitnikker, li joqgħod lura milli jagħmel dak li hemm bżonn isir drawwa. Hekk kif l-istress u l-pressjoni jikbru, hu jserraħ moħħu billi jwarrab il-biċċa xogħol għal ħin ieħor u jgawdi “l-ħin liberu” li issa jkollu quddiemu—sakemm terġaʼ tikber il-pressjoni.
Kultant, l-istat fiżiku u emozzjonali jistaʼ jeħtieġ li nwarrbu għal ħin ieħor ftit mix-xogħol tagħna jekk mhux kollox. Barra minn hekk, kultant kulħadd ikollu bżonn jaqtaʼ mir-rutina taʼ kuljum. Anki l-Iben t’Alla għamel dan. Ġesù żamm ruħu okkupat ħafna fil-ministeru, imma hu ppermetta wkoll li jwarrab il-ħin liberu għalih innifsu u għad-dixxipli tiegħu. (Marku 6:31, 32) Dan it-tip taʼ mistrieħ hu taʼ benefiċċju. Madankollu, it-tnikkir huwa ħaġ’oħra; ġeneralment hu taʼ ħsara. Ikkunsidra eżempju wieħed.
Studenta adoloxxenti għandha tliet ġimgħat ċans biex tipprepara għal test tal-matematika. Hemm ħafna noti u kotba li trid tirrivedi. Hi tħossha taħt pressjoni. Titħajjar toqgħod titnikker, u taqaʼ fin-nassa. Minflok ma tistudja, hi toqgħod tara t-televixin. Jum wara l-ieħor, hi twarrab fil-ġenb dak li għandha bżonn tagħmel biex tgħaddi mit-test. Imbagħad, fil-lejla taʼ qabel it-test, hi tiffaċċja l-biċċa xogħol kbira kollha f’daqqa. Hekk kif tpoġġi maʼ l-iskrivanija, hi tibda tistudja n-noti u l-kotba tagħha.
Jgħaddu sigħat sħaħ. Waqt li membri oħra tal-familja jkunu reqdin, hi tisforza lilha nfisha f’biċċa xogħol diffiċli biex timmemorizza ħafna formuli tal-matematika bħall-ekwazzjonijiet, il-kosini, u r-radiċi kwadrati. L-għada fl-iskola, hi tissielet mal-mistoqsijiet li l-moħħ għajjien tagħha ma jkunx imħejji sew biex iwieġeb. Hi ġġib marki baxxi fit-test, u ma tgħaddix mill-kors. Ikollha terġaʼ tistudja l-materjal u jistaʼ jkun li ma tikkwalifikax biex tgħaddi għall-grad li jmiss.
It-tnikkir swielha ħafna lil din l-istudenta. Imma hemm prinċipju fil-Bibbja li jgħin lin-nies jevitaw sitwazzjoni bħal tagħha. “Oqogħdu attenti bis-sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-ħin bl-aħjar mod, għax il-jiem huma ħżiena.” (Efesin 5:15, 16) Pawlu kien qed iħeġġeġ lill-Kristjani biex jużaw il-ħin tagħhom bil-għaqal meta jieħdu ħsieb l-interessi spiritwali, imma l-prinċipju jistaʼ jkun t’għajnuna f’ħafna attivitajiet importanti fil-ħajja. Ladarba ġeneralment inkunu nistgħu niddeċiedu meta se nagħmlu biċċa xogħol, aħna se jkollna riżultati aħjar u se nagħmlu l-biċċa xogħol iktar malajr jekk nagħżlu li nibdew fl-“aħjar” ħin, jew meta jkun l-iktar vantaġġuż. Dan juri li l-persuna jkollha l-‘għerf,’ bħalma turi l-iskrittura.
Kieku meta jkun l-“aħjar” ħin għall-istudenta biex tistudja għat-test tal-matematika? Forsi hi tistaʼ tirrivedi l-materjal ftit ftit għal xi 15-il minuta kull fil-għaxija. B’dan il-mod, hi mhux se jkollha tistudja kollox il-lejl taʼ qabel, matul is-sigħat li jkun aħjar għaliha jekk torqodhom. Fil-jum tat-test hi se tkun mistrieħa u mħejjija għalkollox, u se tkun tistaʼ tikseb marki tajbin.
Għalhekk, meta tingħata biċċa xogħol x’tagħmel, iddetermina meta jkun l-“aħjar” ħin biex tagħmilha u agħmilha. Imbagħad se tevita li taqaʼ fin-nassa tat-tnikkir u l-konsegwenzi li dan iġib miegħu. Ukoll se tħoss sodisfazzjon minħabba li tkun għamilt il-biċċa xogħol sew. Dan hu speċjalment importanti meta l-biċċa xogħol teffettwa lil nies oħrajn, bħalma hu l-każ dwar l-inkarigi fil-kongregazzjoni Kristjana.
Neħħi l-Affarijiet li M’Għandekx Bżonn
Bħalma semmejna qabel, it-tieni fattur biex nużaw il-ħin prezzjuż tagħna sew hu li nevitaw li niġimgħu ħafna affarijiet li m’għandniex bżonn. Aħna nafu li trid il-ħin biex tieħu ħsieb l-affarijiet, tirranġahom, tużahom, tnaddafhom, terfagħhom, u tfittixhom. Iktar ma jkollok affarijiet iktar għandek bżonn ħin. Ix-xogħol f’kamra jew dar mimlija affarijiet jiħodlok iktar ħin u jkun iktar diffiċli milli jekk ikollok taħdem fi kmamar miftuħin mingħajr imbarazz jiġri. Iżjed minn hekk, iktar ma jinġemaʼ imbarazz, iktar ikollok bżonn ħin biex issib dak li trid.
L-esperti fit-tindif tad-djar jgħidu li kważi nofs il-ħin li n-nies iqattgħu jnaddfu jinħela “biex isibu post għall-imbarazz, iwarrbuh, u jneħħuh min-nofs flimkien maʼ l-affarijiet li jridu jarmu.” Is-sitwazzjoni probabbilment hija l-istess f’aspetti oħra tal-ħajja. Allura jekk tixtieq tuża aħjar il-ħin tiegħek, ħares bir-reqqa lejn l-affarijiet taʼ madwarek. Għandek imbarazz li qed jiħodlok il-wisaʼ, jillimita l-moviment tiegħek, jew agħar minn hekk, qed jaħlilek il-ħin? Jekk iva, neħħi l-affarijiet li m’għandekx bżonn.
Jistaʼ ma jkunx faċli li teħles minn dawn l-affarijiet. Tistaʼ ssibha diffiċli ħafna biex tarmi oġġetti li tgħożż iżda li m’humiex bżonnjużi—daqslikieku tkun qed titlef ħabib tajjeb. Mela kif tistaʼ tiddeċiedi jekk għandekx iżżomm oġġett jew jekk għandekx teħles minnu? Xi wħud jużaw ir-regola taʼ sena. Jekk ma tkunx użajt xi ħaġa għal sena, armiha. Xi ngħidu jekk wara sena xorta tibda tiddejjaq tarmiha? Ħalliha merfugħa għal sitt xhur oħra. Meta terġaʼ tħares lejha u tirrealizza li għaddew sena u nofs u għadek m’użajthiex, forsi tħossha iktar faċli biex tarmiha. Hu x’inhu l-każ, il-mira hi li tnaqqas l-imbarazz—u tuża l-ħin tiegħek bl-iktar mod vantaġġuż.
M’għandniex xi ngħidu, l-imbarazz m’huwiex limitat biss għall-affarijiet fid-dar jew fil-post tax-xogħol taʼ l-individwu. Ġesù tkellem dwar “l-ansjetà taʼ din is-sistema u l-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi,” li jistgħu “joħonqu l-kelma” t’Alla u jġagħlu lill-individwu “ma jagħmilx frott” rigward l-aħbar tajba. (Mattew 13:22) Il-ħajja taʼ individwu tistaʼ tant tkun invażata b’attivitajiet u miri li hu jsibha diffiċli biex isib il-ħin għar-rutina u l-bilanċ spiritwali li huma l-iktar importanti. Ir-riżultat hu li jistaʼ jbati spiritwalment u maż-żmien jitlef għalkollox il-wegħda t’Alla taʼ dinja ġdida, meta se jkun hemm eternità taʼ ħin biex jagħmel dak li jġib sodisfazzjon u ferħ veru.—Isaija 65:17-24; 2 Pietru 3:13.
Tħossok li qiegħed il-ħin kollu tissielet maʼ l-iskeda tiegħek biex tipprova ddaħħal dak kollu li trid tagħmel—kemm jekk b’konnessjoni maʼ l-impjieg tiegħek, mad-dar, mal-karozza, mad-delizzji, maʼ l-ivvjaġġar, mar-rutina taʼ l-eżerċizzju, mal-laqgħat soċjali, u kemm m’għadd taʼ interessi oħrajn? Jekk inhu hekk, forsi issa hu l-waqt li tikkunsidra kif tistaʼ tnaqqas l-affarijiet żejda sabiex tkun tistaʼ tieħu ħsieb l-affarijiet spiritwali.
Ħafna nies jgħidu wkoll li l-ħin ma jistenna lil ħadd. Tabilħaqq, il-ħin jgħaddi bla ma jieqaf bħallikieku xmara li ma tieqaf qatt. Ma tistax iġġemmgħu jew terfgħu; ladarba jgħaddi, ikun għadda għal dejjem. Madankollu, billi nsegwu xi prinċipji sempliċi mill-Bibbja u nieħdu ftit passi prattiċi, aħna nistgħu nikkontrollaw il-ħin li għandna bżonn biex nieħdu ħsieb “dak li hu iktar importanti” għall-benefiċċju dejjiemi tagħna u “għall-glorja u t-tifħir t’Alla.”—Filippin 1:10, 11.
[Stampa f’paġna 8]
Il-ħin, bħal xmara b’kurrent jiġri, jistaʼ jiġi kontrollat biex isir xogħol tajjeb
[Stampa f’paġna 9]
Meta hu l-“aħjar” ħin għaliha biex tistudja għat-test?
[Stampa f’paġna 10]
Ix-xogħol f’post mimli imbarazz jiħodlok iktar ħin u huwa iktar diffiċli