LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 11/1 pp. 27-31
  • Nuru Rispett għal-Laqgħat Sagri Tagħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nuru Rispett għal-Laqgħat Sagri Tagħna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Laqgħat Tagħna Huma Laqgħat Sagri
  • Modi Kif Nuru Rispett għal-​Laqgħat Tagħna
  • Imġiba li Tixraq lil Dawk fid-​Dar t’Alla
  • Aspett Permanenti tal-​Qima Tagħna
  • Napprezzaw il-Laqgħat Kristjani
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Kif Jistgħu Jgħinuk il-Laqgħat tax-Xhieda ta’ Ġeħova?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Għala għandna niltaqgħu flimkien għall-qima?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Kif Jehovah Qed Imexxina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 11/1 pp. 27-31

Nuru Rispett għal-​Laqgħat Sagri Tagħna

“Inwassalhom sal-​muntanja mqaddsa tiegħi, u nferraħhom f’dar it-​talb tiegħi.”​—ISAIJA 56:7.

1. Liema raġunijiet Skritturali għandna biex nuru rispett xieraq għal-​laqgħat tagħna?

ĠEĦOVA ġabar lill-​poplu tiegħu, Kristjani midlukin u sħabhom, biex iqimuh fuq il-​“muntanja mqaddsa” tiegħu. Hu qed iferraħhom ġo “dar it-​talb” tiegħu, it-​tempju spiritwali tiegħu, li huwa “dar tat-​talb għall-​ġnus kollha.” (Isaija 56:7; Marku 11:17) Dawn l-​iżviluppi jindikaw li l-​qima taʼ Ġeħova hija qaddisa, pura, u taʼ l-​ogħla grad. Billi nuru rispett xieraq għal-​laqgħat tagħna taʼ studju u qima, aħna nagħtu prova li għandna l-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar l-​affarijiet sagri.

2. X’jindika li Ġeħova kien iqis il-​post li hu għażel għall-​qima tiegħu bħala sagru, u Ġesù kif wera dan ukoll?

2 F’Iżrael tal-​qedem, il-​post li Ġeħova għażel għall-​qima tiegħu kellu jitqies bħala li hu sagru. It-​tabernaklu u l-​għamara u l-​għodod tiegħu kellhom jiġu midlukin u mqaddsin “biex ikunu ħwejjeġ mill-​aktar qaddisa.” (Eżodu 30:​26-​29) Iż-​żewġ kumpartimenti tas-​santwarju kienu jissejħu “l-​Post Qaddis” u “l-​Iktar Qaddis.” (Ebrej 9:​2, 3) Iktar tard, it-​tempju f’Ġerusalemm ħa post it-​tabernaklu. Bħala ċ-​ċentru tal-​qima taʼ Ġeħova, Ġerusalemm kienet tissejjaħ “il-​belt qaddisa.” (Neħemija 11:1; Mattew 27:53) Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù nnifsu wera r-​rispett li kien jixraq lejn it-​tempju. Hu rrabja għan-​nies minħabba l-​mod nieqes mir-​rispett li bih użaw it-​tempju għal skopijiet kummerċjali u minħabba li kienu jgħaddu minnu biex iqassru t-​triq.​—Marku 11:​15, 16.

3. X’kien hemm li juri li l-​laqgħat t’Iżrael kienu sagri?

3 L-​Iżraelin kienu jiltaqgħu regolarment biex iqimu lil Ġeħova u biex jisimgħu l-​qari tal-​Liġi tiegħu. Ċerti ġranet mill-​festi tagħhom kienu jissejħu laqgħat imqaddsa jew solenni, u dan jindika kemm dawn il-​laqgħat kienu sagri. (Levitiku 23:​2, 3, 36, 37) F’assemblea pubblika fi żmien Esdra u Neħemija, il-​Leviti “qagħdu jgħallmu l-​Liġi lill-​poplu.” Minħabba li “l-​poplu kollu kien infexx jibki meta samaʼ kliem il-​Liġi,” il-​Leviti “komplew iqawwu qalb il-​poplu u jgħidulu: ‘Isktu! Dan hu jum qaddis.’” L-​Iżraelin imbagħad iċċelebraw b’“ferħ kbir” il-​Festa taʼ l-​Għerejjex li kienet iddum sebat ijiem. Iktar minn hekk, kien hemm “[qari] kuljum mill-​Ktieb tal-​Liġi t’Alla, mill-​ewwel jum sa l-​aħħar jum taċ-​ċelebrazzjonijiet. Għamlu festa għal sebat ijiem, u fit-​tmien jum iltaqgħu flimkien skond ma hu preskritt.” (Neħemija 8:​7-​11, 17, 18) Dawn kienu tassew okkażjonijiet imqaddsa li kienu jeħtieġu attenzjoni bir-​rispett mingħand dawk li kienu jattendu.

Il-​Laqgħat Tagħna Huma Laqgħat Sagri

4, 5. Liema aspetti tal-​laqgħat tagħna jagħtu prova li huma laqgħat sagri?

4 Veru, illum Ġeħova m’għandu l-​ebda belt imqaddsa fuq l-​art, b’tempju speċjali dedikat għall-​qima tiegħu. Minkejja dan, m’għandniex ninsew il-​fatt li l-​laqgħat għallqima taʼ Ġeħova huma laqgħat sagri. Tliet darbiet fil-​ġimgħa, aħna niltaqgħu biex naqraw u nistudjaw l-​Iskrittura. Il-​Kelma taʼ Ġeħova ‘tinftiehem,’ u bħal fi żmien Neħemija, qed tiġi ‘mfissra.’ (Neħemija 8:​8) Il-​laqgħat tagħna kollha jibdew u jispiċċaw bit-​talb, u f’ħafna minnhom inkantaw għanjiet taʼ tifħir lil Ġeħova. (Salm 26:12) Il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni tassew huma parti mill-​qima tagħna u jeħtieġu li min-​naħa tagħna jkollna attitudni taʼ devozzjoni u nagħtu attenzjoni b’rispett.

5 Ġeħova jbierek lill-​poplu tiegħu hekk kif jiltaqaʼ biex jagħtih qima, jistudja l-​Kelma tiegħu, u jgawdi sħubija Kristjana pjaċevoli. Meta jkun sar il-​ħin biex nattendu xi laqgħa, nistgħu nibqgħu ċerti li se jkun “hemm il-​Mulej jagħti l-​barka.” (Salm 133:​1, 3) Aħna nirċievu din il-​barka jekk inkunu preżenti u nsegwu b’attenzjoni l-​programm spiritwali. Iktar minn hekk, Ġesù qal: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin flimkien f’ismi, jien inkun hemmhekk f’nofshom.” Fil-​kuntest, din l-​istqarrija tapplika għal anzjani Kristjani li jkunu qed jiltaqgħu biex jittrattaw problemi serji bejn xi individwi, imma l-​prinċipju jgħodd ukoll għal-​laqgħat tagħna. (Mattew 18:20) Jekk Kristu, permezz taʼ l-​ispirtu qaddis, ikun preżenti meta l-​Kristjani jiltaqgħu flimkien f’ismu, m’għandhomx laqgħat bħal dawn jitqiesu bħala li huma sagri?

6. X’jistaʼ jingħad dwar il-​postijiet tal-​laqgħat tagħna, kemm jekk kbar u kemm jekk żgħar?

6 Huwa minnu li Ġeħova ma joqgħodx f’tempji magħmulin mill-​bniedem. Minkejja dan, is-​Swali tas-​Saltna tagħna huma postijiet għall-​qima vera. (Atti 7:​48; 17:24) Aħna niltaqgħu hemm biex nistudjaw il-​Kelma taʼ Ġeħova, nitolbuh, u ngħannulu tifħir. Dan jgħodd ukoll għas-​Swali taʼ l-​Assembleat tagħna. Bini akbar li jinkera għall-​konvenzjonijiet tagħna​—bħalma huma awditorjums, swali, u stejdjums taʼ l-​isport​—isir post taʼ qima meta jkun qed jintuża għal-​laqgħat sagri tagħna. Dawn l-​okkażjonijiet għall-​qima, kemm jekk kbar u kemm jekk żgħar, jistħoqqilhom ir-​rispett tagħna, u dan għandu jidher fl-​attitudni u l-​imġiba tagħna.

Modi Kif Nuru Rispett għal-​Laqgħat Tagħna

7. B’liema mod ċar nistgħu nuru rispett għal-​laqgħat tagħna?

7 Hemm modi ċari kif nistgħu nuru rispett għal-​laqgħat tagħna. Mod wieħed huwa billi nkunu preżenti għall-​għanjiet tas-​Saltna. Il-​kliem taʼ ħafna minn dawn l-​għanjiet qiegħed f’forma taʼ talb, u għalhekk għandhom jitkantaw b’riverenza. Meta kkwota Salm 22, l-​appostlu Pawlu qal dwar Ġesù: “Inxandar ismek lil ħuti; infaħħrek bl-​għanjiet f’nofs il-​kongregazzjoni.” (Ebrej 2:​12) Għaldaqstant, għandna naċċertaw ruħna li nkunu f’postna qabel ma ċ-​chairman jintroduċi l-​għanja u li nikkonċentraw fuq it-​tifsir tal-​kliem aħna u nkantaw. Jalla l-​kant tagħna jirrifletti s-​sentimenti tas-​salmista li kiteb: “Nrodd ħajr lill-​Mulej b’qalbi kollha, fil-​laqgħa tat-​tajbin flimkien miġbura.” (Salm 111:1) Iva, l-​għanjiet taʼ tifħir lil Ġeħova huma raġuni waħda mill-​aqwa biex naslu kmieni għal-​laqgħat tagħna u biex nibqgħu sa l-​aħħar.

8. Liema eżempju fil-​Bibbja juri li t-​talb fil-​laqgħat tagħna jistħoqqlu l-​attenzjoni tagħna bir-​rispett?

8 Aspett ieħor li jsebbaħ b’mod spiritwali l-​laqgħat kollha tagħna huwa t-​talb mill-​qalb offrut għan-​nom taʼ dawk kollha preżenti. Darba minnhom, il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu f’Ġerusalemm iltaqgħu flimkien u “b’fehma waħda għollew leħinhom lejn Alla” b’talb ħerqan. B’riżultat taʼ dan, huma komplew​—minkejja l-​persekuzzjoni​—“ixandru l-​kelma t’Alla bil-​qlubija.” (Atti 4:​24-​31) Nistgħu nimmaġinaw lil xi wħud minn dawk li kienu preżenti jħallu moħħhom jhewden waqt it-​talb? Le, huma talbu “b’fehma waħda.” It-​talb li jingħad waqt il-​laqgħat tagħna jirrifletti s-​sentimenti taʼ dawk kollha preżenti. Dan it-​talb jistħoqqlu l-​attenzjoni tagħna bir-​rispett.

9. Kif nistgħu nuru r-​rispett tagħna għal-​laqgħat sagri bl-​ilbies u l-​imġiba tagħna?

9 Iktar minn hekk, aħna nistgħu nuru kemm nirrispettaw profondament il-​qdusija tal-​laqgħat tagħna bil-​mod kif nilbsu. Id-​dehra tagħna kemm fejn jidħol l-​ilbies tagħna u kemm il-​maxta taʼ xagħarna tistaʼ tgħin ħafna biex iżżid mad-​dinjità tal-​laqgħat tagħna. L-​appostlu Pawlu ta l-​parir: “Nixtieq li f’kull post l-​irġiel ikomplu jitolbu, u jerfgħu idejn leali, mingħajr korla u dibattiti. Bl-​istess mod nixtieq li n-​nisa jiżżejnu bi lbies adattat, bil-​modestja u b’moħħ f’loku, mhux bi stili taʼ xagħar immaljat u deheb jew perli jew ħwejjeġ li jiswew ħafna flus, imma bil-​mod li jixraq lil nisa li jgħidu li jqimu lil Alla.” (1 Timotju 2:​8-​10) Meta nattendu konvenzjonijiet kbar li jinżammu barra fi stejdjums, l-​ilbies tagħna jistaʼ jkun adattat għall-​kundizzjonijiet tat-​temp u xorta jkun modest. Barra minn hekk, ir-​rispett tagħna għall-​okkażjoni se jgħinna nevitaw li noqogħdu nieklu jew nomogħdu ċ-​chewing gum matul is-​sessjonijiet. L-​ilbies u l-​imġiba xierqa fil-​laqgħat tagħna jonoraw lil Alla Ġeħova, lill-​qima li nagħtuh, u lill-​aduraturi sħabna.

Imġiba li Tixraq lil Dawk fid-​Dar t’Alla

10. L-​appostlu Pawlu kif wera li hemm bżonn taʼ livell għoli taʼ mġiba fil-​laqgħat Kristjani tagħna?

10 Fl-​1 Korintin, kapitlu 14, insibu l-​parir għaqli taʼ l-​appostlu Pawlu dwar kif il-​laqgħat Kristjani għandhom jiġu mmexxijin. Hu kkonkluda billi qal: “Ħa jsir kollox bid-​deċenza u bl-​ordni.” (1 Korintin 14:40) Il-​laqgħat tagħna huma parti importanti mill-​attività tal-​kongregazzjoni Kristjana, u dawn jeħtieġu livell taʼ mġiba li jixraq lil dawk fid-​dar taʼ Ġeħova.

11, 12. (a) X’għandhom bżonn ikunu jafu t-​tfal li jattendu l-​laqgħat tagħna? (b) B’liema mod xieraq jistgħu t-​tfal jesprimu l-​fidi tagħhom fil-​laqgħat tagħna?

11 It-​tfal, b’mod partikulari, għandhom bżonn jiġu mgħallmin kif iġibu ruħhom fil-​laqgħat tagħna. Il-​ġenituri Kristjani għandhom jispjegaw lil uliedhom li l-​postijiet tas-​Sala tas-​Saltna u taʼ l-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni m’humiex postijiet tal-​logħob. Huma postijiet fejn nagħtu qima lil Ġeħova u nistudjaw il-​Kelma tiegħu. L-​għaref Sultan Salamun kiteb: “Qis riġlek int u sejjer lejn dar Alla. Ersaq biex tismaʼ.” (Qohelet 4:​17, Saydon [5:​1, NW]) Mosè għallem lill-​Iżraelin biex l-​adulti u “t-​tfal” jiltaqgħu flimkien. Hu qal: “Iġbor il-​poplu . . . biex jisimgħu u jitgħallmu, u jibżgħu mill-​Mulej, Alla tagħkom, u jqisu li jagħmlu l-​kliem kollu taʼ din il-​liġi. U wliedhom li ma jafux, jisimgħu u jitgħallmu jibżgħu mill-​Mulej.”—Korsiv tagħna; Dewteronomju 31:​12, 13.

12 Bl-​istess mod illum, iż-​żgħar tagħna jattendu l-​laqgħat mal-​ġenituri tagħhom primarjament biex jisimgħu u jitgħallmu. Hekk kif ikunu jistgħu jsegwu l-​programm waħedhom u jifhmu għallinqas il-​veritajiet bażiċi tal-​Bibbja, it-​tfal jistgħu wkoll ‘jistqarru pubblikament’ il-​fidi tagħhom billi jipparteċipaw permezz taʼ kummenti qosra. (Rumani 10:10) Tifel żgħir jistaʼ jibda billi jgħid xi ftit kliem biex iwieġeb mistoqsija li jkun jifhem. Għall-​ewwel, għandu mnejn ikollu jaqra t-​tweġiba, imma maż-​żmien jipprova jesprimi ruħu fi kliemu stess. Dan huwa taʼ benefiċċju u pjaċevoli għat-​tifel, u stqarrijiet tal-​fidi spontanji bħal dawn iferrħu l-​qlub taʼ wħud akbar li jkunu preżenti. Naturalment, il-​ġenituri jagħtu l-​eżempju billi jikkummentaw huma stess. Fejn ikun possibbli, ikun tajjeb li t-​tfal ikollhom kopja persunali tal-​Bibbja, tal-​ktieb taʼ l-​għanjiet, u tal-​pubblikazzjoni li tkun qed tiġi studjata. Huma għandhom jitgħallmu juru rispett xieraq għal pubblikazzjonijiet bħal dawn. Dan kollu se juri lit-​tfal kemm il-​laqgħat tagħna huma laqgħat sagri.

13. Aħna x’impressjoni nixtiequ li jieħdu dawk li jattendu l-​laqgħat tagħna għall-​ewwel darba?

13 M’għandniex xi ngħidu, aħna ma rridux li l-​laqgħat tagħna jkunu jixbhu l-​funzjonijiet tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. Dawn jistgħu jkunu jew formali u b’ħafna turijiet żejda taʼ qdusija jew inkella storbjużi bħall-​kunċerti tar-​rock. Aħna rridu li l-​laqgħat fis-​Swali tas-​Saltna jilqgħu lil dak li jkun f’ambjent taʼ mħabba imma mhux sal-​punt li jkunu qishom xi każin. Aħna niltaqgħu sabiex nagħtu qima lil Ġeħova, u għalhekk il-​laqgħat għandhom dejjem iżommu d-​dinjità. Ix-​xewqa tagħna hi li wara li jisimgħu l-​materjal preżentat u josservaw l-​imġiba tagħna u dak tat-​tfal tagħna, dawk li jattendu għall-​ewwel darba jgħidu: “Alla tassew qiegħed fostkom.”​—1 Korintin 14:25.

Aspett Permanenti tal-​Qima Tagħna

14, 15. (a) Kif nistgħu nevitaw li ‘nitilqu t-​tempju taʼ Alla tagħna’? (b) Isaija 66:23 kif diġà qed jitwettaq?

14 Bħalma ntqal qabel, Ġeħova qed jiġbor lill-​poplu tiegħu u jferraħhom ġo “dar it-​talb” tiegħu, it-​tempju spiritwali tiegħu. (Isaija 56:7) Ir-​raġel leali Neħemija fakkar lil-​Lhud sħabu li huma għandhom juru rispett xieraq għat-​tempju letterali billi jappoġġawh materjalment. “Aħna ma nitilqux it-​tempju taʼ Alla tagħna.” (Neħemija 10:40 [10:​39, NW]) Iktar minn hekk, m’għandniex nitilqu, jew nittraskuraw, l-​istedina taʼ Ġeħova biex nagħtuh qima ġo “dar it-​talb” tiegħu.

15 Sabiex juri l-​importanza li wieħed ikun regulari fl-​attendenza għal-​laqgħat taʼ qima, Isaija pprofetizza: “Jiġri li minn xahar għal xahar, u minn Sibt għal Sibt, kulħadd jiġi jinxteħet quddiemi, jgħid il-​Mulej.” (Isaija 66:23) Dan qed jiġri fi żmienna. B’mod regulari, kull ġimgħa taʼ kull xahar, Kristjani dedikati jinġabru flimkien biex jagħtu qima lil Ġeħova. Huma jagħmlu dan billi fost affarijiet oħra jattendu l-​laqgħat Kristjani u jieħdu sehem fil-​ministeru pubbliku. Int wieħed minn dawk li b’mod regulari ‘jmorru jinxteħtu quddiem’ Ġeħova?

16. L-​attendenza regulari għal-​laqgħat għala għandha tkun aspett permanenti taʼ ħajjitna minn issa?

16 Isaija 66:23 se japplika b’mod komplet fil-​ħajja fid-​dinja ġdida mwiegħda minn Ġeħova. F’dak iż-​żmien, “kulħadd,” f’sens letterali, kull ġimgħa u kull xahar, se ‘jiġi jinxteħet quddiem,’ jew iqim, lil Ġeħova għall-​eternità. Ladarba l-​laqgħat flimkien biex inqimu lil Ġeħova se jkunu aspett permanenti tal-​ħajja spiritwali tagħna fis-​sistema l-​ġdida, m’għandniex aħna nagħmlu l-​attendenza għal-​laqgħat sagri tagħna aspett permanenti tal-​ħajja tagħna minn issa?

17. Għala għandna bżonn il-​laqgħat tagħna “iktar u iktar hekk kif [naraw] joqrob il-​jum”?

17 Hekk kif joqrob it-​tmiem, aħna rridu nkunu determinati iktar minn qatt qabel li nattendu l-​laqgħat Kristjani tagħna għall-​qima. B’rispett għall-​qdusija tal-​laqgħat tagħna, aħna ma nħallux ix-​xogħol sekulari tagħna, il-​ħowmwerk taʼ l-​iskola, jew l-​iskejjel taʼ fil-​għaxija jtellfuna milli niltaqgħu flimkien regolarment maʼ sħabna fit-​twemmin. Aħna għandna bżonn is-​saħħa li tiġi mis-​sħubija. Il-​laqgħat tagħna tal-​kongregazzjoni jagħtuna l-​opportunità biex insiru nafu lil xulxin, ninkuraġġixxu lil xulxin, u nqanqlu lil xulxin għall-​“imħabba u l-​għemejjel tajbin.” Aħna rridu nagħmlu dan “iktar u iktar hekk kif [naraw] joqrob il-​jum.” (Ebrej 10:​24, 25) Għalhekk, jalla aħna dejjem nuru rispett xieraq għal-​laqgħat sagri tagħna billi nattendu regolarment, nilbsu b’mod xieraq, u nġibu ruħna kif suppost. Billi nagħmlu hekk, aħna nuru li għandna l-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar l-​affarijiet sagri.

Bħala Reviżjoni

• X’juri li l-​laqgħat tal-​poplu taʼ Ġeħova għandhom jitqiesu bħala sagri?

• Liema aspetti tal-​laqgħat tagħna jagħtu prova li huma laqgħat sagri?

• It-​tfal kif juru li jirrispettaw il-​qdusija tal-​laqgħat tagħna?

• Għala għandna nagħmlu l-​attendenza regulari għal-​laqgħat tagħna aspett permanenti taʼ ħajjitna?

[Stampi f’paġna 28]

Il-​laqgħat biex nagħtu qima lil Ġeħova huma laqgħat sagri kulfejn isiru

[Stampa f’paġna 31]

Iż-​żgħar tagħna jattendu l-​laqgħat biex jisimgħu u jitgħallmu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja