LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 11/15 pp. 4-7
  • Kwistjoni li Tinvolvi Lilek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kwistjoni li Tinvolvi Lilek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ma Nwarrabx Minni l-​Integrità Tiegħi”
  • Kif l-​Isfida Ġiet Imwieġba
  • X’Għandek Tagħmel?
  • Evita l-​Imġiba Sesswali Ħażina
  • Nogħġbu ’l Alla f’Aspetti Oħrajn tal-​Ħajja
  • Int Tistaʼ Tirnexxi
  • Ġob Onora l-Isem taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Int Involut Fi Kwistjoni Vitali
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Żomm l-integrità tiegħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Ngħixu Kif Jogħġob ’l Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 11/15 pp. 4-7

Kwistjoni li Tinvolvi Lilek

GĦANDEK ħabib jew membru tal-​familja li int qrib ħafna tiegħu? Kif tħossok kieku xi ħadd kellu jakkużak li int ħabib taʼ dan l-​individwu biss għal raġunijiet egoistiċi? Ma tħossokx imweġġaʼ, forsi anki rrabjat? Din hi eżatt l-​akkuża li jagħmel Satana x-​Xitan dwar dawk kollha li għandhom relazzjoni mill-​qrib m’Alla Ġeħova.

Aħseb dwar dak li ġara meta Satana rnexxielu jwaqqaʼ lill-​ewwel koppja umana, Adam u Eva, biex jiksru l-​liġi t’Alla u jingħaqdu miegħu fir-​ribelljoni tiegħu kontra Alla. Ifisser dak li ġara li l-​bnedmin kienu se jibqgħu ubbidjenti lejn Ġeħova biss jekk dan ikun għall-​vantaġġ tagħhom? (Ġenesi 3:​1-6) Xi 2,500 sena wara r-​ribelljoni taʼ Adam, Satana qajjem eżatt din il-​kwistjoni​—din id-​darba b’konnessjoni maʼ raġel li kien jismu Ġob. Ladarba l-​akkuża li għamel ix-​Xitan tidentifika b’mod ċar x’inhi l-​kwistjoni involuta, ejja neżaminaw sew dan ir-​rakkont tal-​Bibbja.

“Ma Nwarrabx Minni l-​Integrità Tiegħi”

Ġob huwa “raġel [“bla ħtija,” NW] u tajjeb, jibżaʼ minn Alla u mbiegħed mill-​ħażen.” Madankollu, Satana jkasbar is-​sewwa taʼ Ġob. “Tgħid għal xejn Ġob jibżaʼ minn Alla?” hu jistaqsi lil Ġeħova. Imbagħad, ix-​Xitan ikasbar kemm lil Alla u kemm lil Ġob billi jakkuża lil Ġeħova li hu xtara l-​lealtà taʼ Ġob billi pproteġieh u bierku. Satana mbagħad jagħmel din l-​isfida: “Imma midd idek u olqot kull ma għandu, u tara jekk jisħtekx f’wiċċek.”​—Ġob 1:​8-​11.

Biex iwieġeb dawn l-​istqarrijiet, Ġeħova jippermetti li Satana jittestja lil Ġob. Fi sforz biex ibiegħdu milli jaqdi lil Alla, ix-​Xitan iġib għawġ wara l-​ieħor fuq dan ir-​raġel leali. L-​imrieħel kollha taʼ Ġob jinsterqu jew jinqatlu, il-​qaddejja u t-​tfal taʼ Ġob jinqatlu wkoll. (Ġob 1:​12-​19) Imma Satana jirnexxi? Le, tabilħaqq! Għalkemm ma kienx jaf li x-​Xitan kien qed jikkaġunalu l-​provi tiegħu, Ġob jgħid: “Il-​Mulej tani, il-​Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-​Mulej.”​—Ġob 1:​21.

Wara dan, Satana jiġi quddiem Ġeħova, li jgħidlu: “[Ġob] għadu jżomm sħiħ fl-​integrità tiegħu, għalkemm int xewwixtni għalih, biex neqirdu għal xejn.” (Ġob 2:​1-3, Karm Żammit) Il-​kwistjoni vitali hija dik taʼ l-​integrità taʼ Ġob—kwalità li teħtieġ lealtà sħiħa lejn Alla u qabda soda mas-​sewwa. Ġob s’issa ħareġ rebbieħ fil-​kwistjoni taʼ l-​integrità. Madankollu, ix-​Xitan ma jaqtax qalbu.

Imbagħad, Satana jagħmel stqarrija ġenerali li teffettwa lill-​bnedmin kollha. Hu jgħid lil Ġeħova: “Ġild b’ġild, u l-​bniedem jagħti kull ma jkollu għal ħajtu! Issa midd idek u olqtu f’għadmu u laħmu, u ara jisħtekx f’wiċċek.” (Ġob 2:​4, 5) Billi uża t-​terminu ġenerali “l-​bniedem” minflok l-​isem taʼ Ġob, ix-​Xitan ipoġġi dubju fuq l-​integrità taʼ kull bniedem. Fil-​fatt hu jsostni: ‘Il-​bniedem jagħmel minn kollox biex isalva ħajtu. Agħtini ċans, u tara kif nistaʼ nbiegħed lil kulħadd minn Alla.’ Huwa tassew minnu li ebda bniedem ma jibqaʼ leali lejn Alla jiġrilu x’jiġrilu u jkun f’liema żmien ikun?

Ġeħova jippermetti li x-​Xitan jolqot lil Ġob b’marda qalila. Ġob tant ibati li jitlob biex ħajtu tintemm. (Ġob 2:7; 14:13) Madankollu, Ġob jgħid: “Sa ma mmut ma nwarrabx minni l-​integrità tiegħi.” (Ġob 27:​5, KŻ) Ġob jgħid hekk minħabba li jħobb lil Alla, u xejn ma setaʼ jbiddel dan il-​fatt. Ġob juri li hu raġel taʼ integrità. Il-​Bibbja tgħid: “U l-​Mulej bierek il-​ħajja l-​ġdida taʼ Ġob aktar minn dik taʼ qabel.” (Ġob 42:​10-​17) Kien hemm uħud oħrajn bħal Ġob? Xi wriet il-​mogħdija taż-​żmien?

Kif l-​Isfida Ġiet Imwieġba

F’kapitlu 11 tal-​ktieb Bibliku taʼ l-​Ebrej, l-​appostlu Pawlu jsemmi għadd taʼ rġiel u nisa leali fiż-​żmien taʼ qabel il-​Kristjanità, inkluż Noè, Abraham, Sara, u Mosè. Imbagħad l-​appostlu ddikjara: “Qatt ma nispiċċa kieku kelli nkompli nirrakkonta dwar [oħrajn].” (Ebrej 11:32) Dawn il-​qaddejja leali t’Alla tant kienu numerużi li l-​appostlu Pawlu jirreferi għalihom bħala ‘sħaba kbira taʼ xhieda,’ billi jqabbilhom maʼ sħaba enormi mifruxa fis-​sema. (Ebrej 12:1) Iva, tul is-​sekli, kotriet bla għadd taʼ nies użaw ir-​rieda ħielsa tagħhom u għażlu li jżommu man-​naħa t’Alla Ġeħova.​—Ġożwè 24:15.

L-akbar tweġiba għal dak li sostna Satana dwar li hu jistaʼ jbiegħed lill-​bnedmin minn Ġeħova ġiet mill-​Iben t’Alla stess, Ġesù Kristu. Lanqas l-​uġigħ agonizzanti tal-​mewt fuq zokk tat-​tortura ma kisirlu l-​integrità tiegħu lejn Alla. Hekk kif Ġesù ħa l-​aħħar nifs tiegħu, hu għajjat: “Missier, f’idejk nafda l-​ispirtu tiegħi.”​—Luqa 23:46.

Il-mogħdija taż-​żmien uriet b’mod ċar li x-​Xitan ma rnexxilux idawwar lil kulħadd milli jaqdi lill-​Alla l-​veru. Numru bla għadd taʼ bnedmin saru jafu lil Ġeħova u saru ‘jħobbuh, b’qalbhom kollha u b’ruħhom kollha u b’moħħhom kollu.’ (Mattew 22:37) Il-​lealtà tagħhom li ma titħarrikx uriet li Satana huwa żbaljat dwar il-​kwistjoni taʼ l-​integrità tal-​bniedem. Int ukoll tistaʼ turi li x-​Xitan huwa żbaljat billi tkun raġel jew mara taʼ integrità.

X’Għandek Tagħmel?

Hija r-​rieda t’Alla li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (1 Timotju 2:4) Kif tistaʼ tagħmel dan? Warrab il-​ħin biex tistudja l-​Bibbja u ‘tieħu għarfien dwar l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li hu bagħat.’—Ġwanni 17:3.

Satana sfida l-​integrità tal-​bniedem billi ddubita l-​motivi li jkollu biex jaqdi lil Alla. Jekk l-​għarfien se jinfluwenza l-​motivi tiegħek, dan irid imisslek qalbek. U biex dan iseħħ, trid tagħmel iktar milli sempliċement tfittex l-​informazzjoni fuq il-​Bibbja. Agħmilha drawwa li timmedita fuq dak li titgħallem. (Salm 143:5) Meta taqra l-​Bibbja jew xi pubblikazzjoni bbażata fuqha, kun ċert li tieħu l-​ħin biex timmedita fuq mistoqsijiet bħal dawn: ‘X’jgħallimni dan dwar Ġeħova? Liema kwalitajiet t’Alla qed nara f’dan il-​qari? F’liema aspetti taʼ ħajti għandi nkun hekk? Alla x’japprova u x’ma japprovax? Dan kif jeffettwa l-​mod kif inħossni dwar Alla?’ Jekk timmedita b’dan il-​mod, se timla qalbek bi mħabba u b’apprezzament għall-​Ħallieq.

L-integrità lejn Alla ma tintweriex biss fil-​qasam tat-​twemmin reliġjuż. (1 Slaten 9:4) Trid tkun sod moralment f’kull aspett taʼ ħajtek biex iżżomm l-​integrità tiegħek lejn Alla Ġeħova. Madankollu, jekk iżżomm l-​integrità m’int se tkun imċaħħad bl-​ebda mod. Ġeħova hu “l-​Alla l-​hieni,” u hu jridek tgawdi l-​ħajja. (1 Timotju 1:​11) Issa kkunsidra xi affarijiet li għandek tevita sabiex tibqaʼ nadif moralment, u b’hekk tgawdi ħajja iktar hienja u l-​favur t’Alla.

Evita l-​Imġiba Sesswali Ħażina

Ġeħova nnifsu stabbilixxa l-​livell dwar iż-​żwieġ fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, li tgħid: “Ir-​raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu u jsiru ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:​21-​24) Ladarba l-​imseħbin fiż-​żwieġ isiru “ġisem wieħed,” huma jonoraw l-​arranġament t’Alla għaż-​żwieġ jekk iżommu r-​relazzjonijiet sesswali tagħhom għal xulxin biss. L-​appostlu Pawlu qal: “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli għal kulħadd, u ħa tkun is-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla jiġġudika liż-​żienja u lill-​adulteri.” (Ebrej 13:4) L-​espressjoni “s-​sodda taż-​żwieġ” tindika relazzjoni sesswali bejn raġel u mara miżżewġin lil xulxin legalment. Għat-​tnejn li huma r-​relazzjonijiet sesswali barra ż-​żwieġ ifissru adulterju u jistgħu jġibu l-​ġudizzju t’Alla kontrihom.​—Malakija 3:5.

Xi ngħidu għas-​sess qabel iż-​żwieġ? Dan ukoll huwa kontra l-​livelli morali li stabbilixxa Ġeħova. “Dan hu li jrid Alla . . . li titbiegħdu miż-​żína,” tgħid il-​Bibbja. (1 Tessalonikin 4:3) L-​omosesswalità, l-​inċest, u l-​bestjalità huma wkoll dnubiet kontra Alla. (Levitiku 18:​6, 23; Rumani 1:​26, 27) Kulmin irid jogħġob lil Alla u jgawdi ħajja tassew hienja għandu jżomm ’il bogħod minn prattiki immorali.

Xi ngħidu għall-​imġiba sesswali li tqanqal passjoni qabel iż-​żwieġ? Din il-​prattika ma togħġobx lil Ġeħova. (Galatin 5:​19) Il-​moħħ ukoll għandu jinżamm nadif minn ħsibijiet immorali. Ġesù qal: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:​28) Dan il-​kliem japplika wkoll għal li wieħed jara stampi pornografiċi fir-​rivisti, fuq skrin, jew fuq l-​Internet; li wieħed jaqra rakkonti dwar attivitajiet sesswali; u li jismaʼ kliem taʼ diski li jissuġġerixxu affarijiet indeċenti. Alla jieħu gost meta aħna nevitaw materjal bħal dan, u b’hekk il-​ħajja tagħna tmur għall-​aħjar.

Xi ngħidu dwar il-​ksuħat maʼ dawk tas-​sess oppost? Dan it-​tip taʼ ksuħat huwa spjegat bħala mġiba li “taparsi turi l-​imħabba jew li tħajjar sesswalment.” Meta raġel jew mara miżżewġa turi attenzjoni bħal din lil persuna barra ż-​żwieġ tagħha, din tkun qed tmur kontra l-​prinċipji tal-​Bibbja u tkun qed turi diżrispett lejn Ġeħova. (Efesin 5:​28-​33) Kemm ma jkunx xieraq li t-​tfajliet u l-​ġuvintur mhux miżżewġin jgħaddu sinjali romantiċi lil xulxin sempliċement għall-​gost! Xi ngħidu jekk dawn il-​ksuħat jittieħdu bis-​serjetà iktar milli jkunu intenzjonati? Aħseb dwar l-​uġigħ emozzjonali li jiġi kaġunat. Ukoll, il-​ksuħat huma kwistjoni serja minħabba li jistgħu jwasslu għall-​adulterju jew iż-​żína. Mill-​banda l-​oħra, jekk nittrattaw lill-​membri tas-​sess oppost b’mod safi se nżidu r-​rispett tagħna lejna nfusna.​—1 Timotju 5:​1, 2.

Nogħġbu ’l Alla f’Aspetti Oħrajn tal-​Ħajja

Ix-​xorb alkoħoliku huwa disponibbli faċilment f’ħafna pajjiżi. Huwa ħażin li tieħu minnu? L-​Iskrittura ma tagħmilx projbizzjoni fuq ix-​xorb moderat taʼ l-​inbid, il-​birra, jew xorb alkoħoliku ieħor. (Salm 104:15; 1 Timotju 5:​23) Madankollu, ix-​xorb eċċessiv u s-​sokor huma ħżiena fil-​ħarsa t’Alla. (1 Korintin 5:​11-​13) Żgur li ma tridx li x-​xorb żejjed iħassarlek saħħtek u jfarrak il-​ħajja tal-​familja tiegħek.​—Proverbji 23:​20, 21, 29-​35.

Ġeħova hu l-​“Alla tas-​sewwa.” (Salm 31:6 [31:​5, NW]) “Hu impossibbli li Alla jigdeb,” tgħid il-​Bibbja. (Ebrej 6:​18) Jekk trid l-​approvazzjoni t’Alla, int se tevita l-​gideb. (Proverbji 6:​16-​19; Kolossin 3:​9, 10) Il-​Bibbja twissi lill-​Kristjani: “Għidu l-​verità, kull wieħed minnkom lill-​proxxmu tiegħu.”​—Efesin 4:​25.

Hemm ukoll il-​prattika tal-​logħob taʼ l-​ażżard. Għalkemm hu popolari fost ħafna, il-​logħob taʼ l-​ażżard hu forma taʼ regħba, ladarba l-​individwu jkun qed jipprova jirbaħ il-​flus għat-​telfa taʼ ħaddieħor. Ġeħova ma japprovax lil dawk li huma “rgħiba għal qligħ diżonest.” (1 Timotju 3:8) Mela jekk int tixtieq togħġob lil Ġeħova, se toqgħod lura minn kull forma taʼ logħob taʼ l-​ażżard, inkluż il-​lotteriji, it-​tombla, u l-​imħatri fit-​tlielaq taż-​żwiemel. Mill-​banda l-​oħra, se ssib li fil-​fatt se jkollok iktar flus f’idejk biex tieħu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​familja tiegħek.

Is-serq, jiġifieri meta tieħu xi ħaġa li m’hijiex tiegħek, huwa forma oħra taʼ regħba. Il-​Bibbja tgħid: “La tisraqx.” (Eżodu 20:15) Huwa ħażin li tixtri proprjetà li tkun taf li hi misruqa u li tieħu l-​affarijiet mingħajr permess. Il-​Bibbja tgħid: “Min kien jisraq ħa ma jisraqx iktar, imma minflok ħa jaħdem iebes u jagħmel b’idejh xogħol tajjeb, biex ikollu xi ħaġa x’jagħti lil min hu fil-​bżonn.” (Efesin 4:​28) Minflok ma jisirqu l-​ħin mingħand dak li jimpjegahom, dawk li jħobbu lil Ġeħova jaħdmu iebes. Huma ‘jixtiequ jġibu ruħhom bl-​onestà f’kollox.’ (Ebrej 13:18) U kuxjenza nadifa tgħin lil individwu biex ikollu l-​paċi tal-​moħħ.

Alla kif iħares lejn xi ħadd li għandu temperament vjolenti? Il-​Bibbja twissi: “Tkunx ħabib taʼ min jinkorla, tagħmilhiex maʼ min jisħon malajr.” (Proverbji 22:24) Ir-​rabja bla kontroll spiss twassal għall-​vjolenza. (Ġenesi 4:​5-8) U dwar it-​tpattija, il-​Bibbja tgħid: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara. Agħmlu t-​tajjeb quddiem il-​bnedmin kollha. Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha. Maħbubin, tivvendikawx ruħkom, imma agħmlu l-​wisaʼ għall-​korla; għax hu miktub: ‘Il-​vendetta tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’” (Rumani 12:​17-​19) Jekk insegwu dawn il-​pariri, ħajjitna se tkun iktar paċifika​—u dan se jżid il-​ferħ tagħna.

Int Tistaʼ Tirnexxi

Jistaʼ jirnexxilek iżżomm l-​integrità tiegħek lejn Alla minkejja l-​pressjonijiet biex tagħmel il-​kontra? Iva, tistaʼ. Ftakar li Alla jrid li jirnexxilek turi li Satana hu żbaljat dwar il-​kwistjoni taʼ l-​integrità, għaliex il-​Kelma Tiegħu tgħid: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.”​—Proverbji 27:11.

Int tistaʼ titlob lil Ġeħova biex isaħħek ħalli tagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejh. (Filippin 4:​6, 7, 13) Għalhekk, agħmel sforz b’determinazzjoni biex iżżid l-​għarfien tiegħek tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Jekk timmedita b’apprezzament fuq dak li titgħallem minn fuq il-​Bibbja se tiġi megħjun biex tkabbar l-​imħabba tiegħek għal Alla u se tħossok motivat biex togħġbu. L-​1 Ġwanni 5:3 jgħid: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​komunità tiegħek se jkunu ferħanin jgħinuk tistudja l-​Bibbja. Int mistieden biex tikkuntattjahom lokalment, jew tistaʼ tikteb lill-​pubblikaturi taʼ din ir-​rivista.

[Stampa f’paġna 4]

Ġob baqaʼ leali waqt it-​tiġrib

[Stampa f’paġna 7]

Jekk iżżid l-​għarfien tiegħek tal-​Kelma t’Alla se ssaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħek biex tagħmel it-​tajjeb

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja