Għajnuna Mingħand “l-Alla li Jipprovdi s-Sabar u l-Faraġ”
XI 2,000 sena ilu, Pawlu, kittieb Bibliku, iddeskriva lil Ġeħova bħala “l-Alla li jipprovdi s-sabar u l-faraġ.” (Rumani 15:5) Ladarba l-Bibbja tassigurana li Ġeħova ma jinbidilx maż-żmien, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla għadu jagħti l-faraġ lil dawk li qed jaqduh. (Ġakbu 1:17) Fil-fatt, il-Bibbja tirrivela li Ġeħova jipprovdi l-faraġ b’diversi modi lil dawk li għandhom bżonn. X’inhuma xi ftit minn dawn il-modi? Alla jagħti s-saħħa lil dawk li jduru lejh permezz tat-talb, li jitolbuh għall-għajnuna. Hu jqanqal ukoll lill-Kristjani veri biex jipprovdu l-faraġ lil sħabhom fit-twemmin. U Ġeħova jipprovdi rakkonti li jqawwu l-qalb fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, li huma inkuraġġanti b’mod speċjali għal dawk li qed jitnikktu minħabba t-telfa taʼ xi ħadd mill-ulied fil-mewt. Ejja nikkunsidraw dawn it-tliet aspetti taʼ faraġ wieħed wieħed.
‘Il-Mulej Jismagħhom’
Is-Sultan David kiteb dwar il-Ħallieq tagħna, Ġeħova: “Ittama fih f’kull żmien, o poplu; iftħu qalbkom quddiemu. Alla hu kenn għalina!” (Salm 62:9 [62:8, NW]) David għala kellu daqshekk fiduċja f’Ġeħova? Waqt li kien qed jitkellem dwaru nnifsu, David kiteb: “Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.” (Salm 34:7 [34:6, NW]) Matul is-sitwazzjonijiet kollha taʼ diqa li għadda minnhom, David dejjem talab lil Alla għall-għajnuna, u Ġeħova dejjem għenu. David kien jaf mill-esperjenza li Alla kien se jappoġġah u jgħinu jissaporti.
Il-ġenituri mnikktin għandhom bżonn ikunu jafu li Ġeħova se jsostnihom matul in-niket kbir tagħhom, sewwasew bħalma għamel maʼ David. Jistgħu javviċinaw lill-kbir Alla li ‘jismaʼ talbna,’ fiduċjużi li se jgħinhom. (Salm 65:3 [65:2, NW]) William, li ġie kwotat fl-artiklu taʼ qabel, innota: “Ħafna drabi, ħassejtni li ma niflaħx nibqaʼ ngħix mingħajr ibni, u kont nitlob lil Ġeħova biex jagħtini s-serħan. Hu dejjem tani s-saħħa u l-kuraġġ biex nibqaʼ ngħix.” Jekk int titlob lil Ġeħova bil-fidi bl-istess mod, il-kbir Alla tas-sema se jsostnik. Wara kollox, Alla Ġeħova jwiegħed lil dawk li jħabirku biex jaqduh: “Jiena l-Mulej, Alla tiegħek, nwieżnek minn idek il-leminija, u ngħidlek: ‘La tibżax, jiena l-għajnuna tiegħek.’”—Isaija 41:13.
Appoġġ Provdut minn Ħbieb Veri
Dawk il-ġenituri li mitilhom xi ħadd minn uliedhom taʼ spiss ikollhom bżonn xi ftit tal-ħin biex jitnikktu fil-privat u jittrattaw mas-sentimenti tagħhom. Madankollu, ma jkunx għaqli għalihom li jevitaw il-kumpanija t’oħrajn għal perijodu twil taʼ żmien. Skond Proverbji 18:1 (NW), “min jinqataʼ għalih” jistaʼ jiswielu taʼ ħsara. Għalhekk, dawk li qed jitnikktu jridu joqogħdu attenti li ma jinqatgħux għalihom.
Il-ħbieb li jibżgħu minn Alla jistgħu jagħtu għajnuna kbira lil dawk imnikktin. Proverbji 17:17 jistqarr: “Il-ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-hemm.” Lucy, li ssemmiet ukoll fl-artiklu taʼ qabel, esperjenzat il-faraġ mill-ħbieb veri wara li tilfet lil binha fil-mewt. Meta kkummentat dwar l-aħwa sħabha fil-kongregazzjoni, hi qalet: “Iż-żjajjar tagħhom kienu t’għajnuna kbira, għalkemm xi drabi ftit li xejn kienu jitkellmu. Waħda mill-ħbieb kienet iżżurni fil-ġranet li kont inkun waħdi. Hi kienet taf li kont se nkun id-dar nibki, u taʼ spiss kienet tiġi u tibki miegħi. Oħra kienet iċċempilli kuljum biex tinkuraġġini. Oħrajn kienu jistidnuna fid-djar tagħhom għall-ikel, u għadhom jagħmlu dan sa llum.”
Għalkemm l-uġigħ kbir li l-ġenituri jħossu meta jitilfu lil xi ħadd minn uliedhom fil-mewt ma jittaffiex malajr, dawk li qed jitnikktu se jiksbu faraġ veru permezz tat-talb lil Alla u s-sħubija maʼ sħabhom il-Kristjani veri. Diversi ġenituri Kristjani li tilfu lil xi ħadd minn uliedhom fil-mewt iħossu li Ġeħova qiegħed magħhom. Iva, Ġeħova “jfejjaq il-qlub maqsuma, hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.”—Salm 147:3.
Rakkonti Bibliċi li Jipprovdu Faraġ
Minbarra t-talb u s-sħubija li tibni, il-Kelma miktuba t’Alla hija sors taʼ faraġ għal dawk imnikktin. Ir-rakkonti Bibliċi jirrivelaw li Ġesù għandu xewqa kbira u l-abbiltà li jneħħi l-uġigħ tal-ġenituri mnikktin billi jġib il-mejtin lura għall-ħajja. Rakkonti bħal dawn jipprovdu faraġ veru lil dawk imnikktin. Ejja nikkunsidraw żewġ rakkonti minnhom.
Luqa kapitlu 7 jiddeskrivi x’ġara meta Ġesù ltaqaʼ maʼ funeral fil-belt taʼ Najn. In-nies kienu kważi waslu biex jidfnu lill-uniku iben taʼ waħda armla. Vers 13 jistqarr: “Meta raha, il-Mulej tħassarha u qalilha: ‘Tibqax tibki.’”
Ma tantx se ssib nies li se jissograw jgħidu lil xi omm fil-funeral taʼ binha biex tieqaf tibki. Ġesù għala qal hekk? Għax hu kien jaf li n-niket taʼ l-omm kien se jispiċċa. Ir-rakkont ikompli jgħid: “[Ġesù] resaq lejn il-katalett u messu, u r-reffiegħa waqfu. Imbagħad qal: ‘Żagħżugħ, ngħidlek, Qum!’ U l-mejjet qam bil-qiegħda u beda jitkellem; u tah lil ommu.” (Luqa 7:14, 15) F’dak il-mument, l-omm żgur li reġgħet bdiet tibki, imma din id-darba hi bkiet bil-ferħ.
F’okkażjoni oħra, Ġesù ġie avviċinat minn raġel jismu Ġajru, li talab l-għajnuna għal bintu taʼ 12-il sena li kienet marida serjament. Ftit wara, Ġajru sar jaf li t-tifla mietet. Din l-aħbar ħalliet lil Ġajru b’qalbu maqsuma, imma Ġesù qallu: “Tibżax, biss eżerċita l-fidi.” Hekk kif wasal fid-dar tal-familja, Ġesù mar ħdejn it-tifla bla ħajja. Qabadha minn idha u qalilha: “Tfajla, ngħidlek, Qum!” X’ġara? “Minnufih it-tfajla qamet u bdiet timxi.” Kif irreaġixxew il-ġenituri tagħha? “Intilfu f’estasi kbira taʼ ferħ.” Hekk kif Ġajru u martu għannqu lil binthom, huma ħassew ferħ kbir. Kien bħallikieku qed joħolmu.—Marku 5:22-24, 35-43.
Rakkonti Bibliċi dettaljati bħal dawn dwar l-irxoxt tat-tfal juru lejn xiex jistgħu jħarsu ’l quddiem il-ġenituri mnikktin illum. Ġesù qal: “Ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Ġeħova għandu l-iskop li Ibnu jagħti l-ħajja lil dawk li mietu. Miljuni bla għadd taʼ tfal li mietu se “jisimgħu leħnu” meta jgħidilhom: “Ngħidlek, Qum!” Dawk iż-żgħar se jerġgħu jibdew jimxu u jitkellmu. U bħal Ġajru u martu, il-ġenituri taʼ dawk it-tfal se ‘jintilfu f’estasi kbira taʼ ferħ.’
Jekk tlift tifel jew tifla fil-mewt, jekk jogħġbok kun af li Ġeħova jistaʼ jbiddillek in-niket tiegħek f’ferħ permezz taʼ l-irxoxt. Sabiex tibbenefika minn dan il-prospett glorjuż, obdi t-twissija tas-salmista: “Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej [“tfittxu lil Ġeħova,” NW] u l-qawwa tiegħu, fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu. Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel, fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.” (Salm 105:4, 5) Iva, aqdi lil Ġeħova, l-Alla l-veru, u qimu b’mod aċċettabbli.
X’se jkun ir-riżultat immedjat jekk ‘tfittex lil Ġeħova’ (NW)? Se tirċievi s-saħħa permezz tat-talb lil Alla, se titfarraġ mill-interess kollu mħabba taʼ sħabek Kristjani veri, u se tinkuraġġixxi ruħek billi tistudja l-Kelma t’Alla. Iktar minn hekk, fil-futur qarib se tesperjenza l-‘ħwejjeġ kbar u l-għeġubijiet’ li Ġeħova se jwettaq għall-benefiċċju etern tiegħek u tat-tifel jew tifla li tlift fil-mewt.
[Kaxxa f’paġna 5]
“Ġibli l-Mara li Tilfet Żewġ Ulied fil-Mewt”
Kehinde u Bintu, koppja Niġerjana li huma Xhieda taʼ Ġeħova, tilfu tnejn minn uliedhom fil-mewt minħabba inċident bil-karozza. Minn dakinhar ’l hawn, huma sofrew uġigħ minħabba din it-telfa terribbli. Madankollu, il-fiduċja tagħhom f’Ġeħova ssostnihom, u qed jibqgħu jaqsmu l-messaġġ taʼ tama mill-Bibbja mal-ġirien tagħhom.
Oħrajn innotaw is-serenità u s-saħħa li għandhom Kehinde u Bintu. Darba waħda, mara jisimha s-Sinjura Ukoli qalet lil waħda mill-ħbieb taʼ Bintu: “Ġibli l-mara li tilfet żewġ ulied fil-mewt fl-istess ħin u li għadha qed tippriedka l-messaġġ tal-Bibbja. Nixtieq inkun naf x’inhu dak li jagħtiha l-qawwa biex tissaporti.” Meta Bintu waslet fid-dar taʼ din il-mara, is-Sinjura Ukoli qaltilha: “Nixtieq inkun naf għaliex għadek qed tippriedka dwar l-Alla li qatillek iż-żewġ uliedek. Alla ħadli l-unika tifla li kelli. Minn dakinhar ’l hawn, ma ridtx naf iktar b’Alla.” Bintu użat il-Bibbja biex tispjega r-raġuni għaliex in-nies imutu u għaliex jistaʼ jkollna t-tama ċerta li l-uħud maħbubin mejtin se jiġu rxoxtati.—Atti 24:15; Rumani 5:12.
Wara dan, is-Sinjura Ukoli qalet: “Jien kont naħseb li Alla jikkaġuna l-mewt. Issa naf il-verità.” Hi ddeċidiet li tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova sabiex titgħallem iktar dwar il-wegħdi t’Alla.
[Kaxxa f’paġna 6]
‘Nixtieq Ngħin, imma Ma Nafx Kif’
Filwaqt li kemm il-ġenituri li tilfu lil xi ħadd minn uliedhom fil-mewt kif ukoll ħutu jħossu niket kbir, il-ħbieb tagħhom jistgħu jħossuhom imbeżżgħin. Huma jkunu jixtiequ jappoġġaw lill-familja imma jibżgħu li jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa ħażina u li jiggravaw is-sitwazzjoni taʼ wġigħ. Hawnhekk ġejjin ftit suġġerimenti għal dawk li għandhom mnejn jaħsbu, ‘Nixtieq ngħin, imma ma nafx kif.’
❖ Tevitax lil dawk li ġarrbu t-telfa minħabba li ma tkunx taf x’se tgħid jew tagħmel. Tistaʼ ssaħħaħhom billi sempliċement tqattaʼ ftit ħin magħhom. Issib diffikultà dwar x’taqbad tgħid? Tistaʼ turihom li jinteressak minnhom permezz taʼ tgħanniqa u tgħidilhom sinċerament “Verament jiddispjaċini.” Tibżaʼ li jekk tinfaqaʼ tibki, se tnikkithom iktar? Il-Bibbja tgħid: “Ibku maʼ min jibki.” (Rumani 12:15) Il-fatt li tibki juri li qed taqsam in-niket tagħhom, u dan huwa taʼ faraġ.
❖ Ħu l-inizjattiva. Tistaʼ tipprepara ikla sempliċi għall-familja? Tistaʼ taħsel il-platti maħmuġin li akkumulaw? Tistaʼ tagħmlilhom xi qadi? Tgħidx, “Jekk ikollok bżonn xi ħaġa għidli.” Anki jekk tgħidu sinċerament, għal ħafna ġenituri mnikktin dan il-kliem ifisser li għandek ħafna x’tagħmel biex tgħinhom. Pjuttost, staqsi, “X’nistaʼ nagħmel biex ngħinkom issa?” u mbagħad agħmel dak li jgħidulek. Imma evita li tindaħal fil-ħajja privata tagħhom jew fil-postijiet privati tad-dar tagħhom.
❖ Evita li tgħid, “Naf kif qed tħossok.” Kull bniedem jirreaġixxi b’mod differenti għall-mewt taʼ xi ħadd maħbub. Anki jekk int stess tlift lil xi ħadd minn uliedek fil-mewt, int ma tafx eżattament kif iħossuhom huma.
❖ Irid jgħaddi ħafna żmien qabel ma l-familja terġaʼ tiġi kważi għan-normal, għalkemm mhux bħal qabel. Ibqaʼ għin kemm jistaʼ jkun. Għall-bidu, taʼ spiss tingħata ħafna attenzjoni lill-membri tal-familja mnikktin, imma jkollhom bżonn għajnuna għal iktar tul taʼ żmien. Oqgħod attent għall-bżonnijiet tagħhom fil-ġimgħat u x-xhur taʼ wara.a
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar kif tgħin lil dawk imnikktin minħabba t-telfa taʼ xi ħadd minn uliedhom, ara l-kapitlu “Oħrajn Kif Jistgħu Jgħinu?” f’paġni 20-4 tal-browxer Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampi f’paġna 7]
Ir-rakkonti Bibliċi juru li Ġesù għandu l-qawwa u x-xewqa li jġib it-tfal lura għall-ħajja