Bijografija
It-Tfittxija Tagħna għal Teżor Ġabitilna Rikkezzi Dejjiema
Kif rakkontata minn Dorothea Smith u Dora Ward
Liema tip taʼ teżor konna qed infittxu? Konna żewġ tfajliet b’xewqa kbira li nieħdu sehem fit-twettiq tal-kmand taʼ Ġesù: “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.” (Mattew 28:19) Ħalli nispjegaw kif din it-tfittxija ġabitilna rikkezzi dejjiema.
DOROTHEA: Jien twilidt fl-1915, ftit wara li bdiet l-ewwel gwerra dinjija, u kont iż-żgħira fil-familja tagħna. Konna ngħixu f’Howell, Michigan, l-Istati Uniti. Missieri ma kienx reliġjuż, imma ommi kienet mara li tibżaʼ minn Alla. Hi pprovat tgħallimna nsegwu l-Għaxar Kmandamenti, imma kienet tinkwieta li jien, ħija Willis, u oħti Viola ma konna nagħmlu parti minn ebda knisja.
Meta kelli 12-il sena, ommi ddeċidiet li jien niġi mgħammda bħala membru tal-Knisja Presbiterjana. Jien niftakar sew il-jum tal-magħmudija tiegħi. Miegħi tgħammdu żewġ trabi, li kienu qed iżommuhom l-ommijiet tagħhom. Veru ħassejtni umiljata li ġejt mgħammda flimkien mat-trabi. Il-qassis raxxax ftit qtar taʼ l-ilma fuq rasi u qal ftit kliem minn taħt l-ilsien li lanqas biss fhimt. Fil-fatt, dawk iż-żewġ trabi daqsi kienu jafu dwar il-magħmudija!
Darba waħda fl-1932, waqfet karozza quddiemna, u ommi marret tiftaħ il-bieb. Kien hemm żewġ ġuvintur li kienu qed joffru kotba reliġjużi. Wieħed minnhom introduċa lilu nnifsu bħala Albert Schroeder. Hu wera lil ommi xi letteratura pubblikata mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Hi ħadet il-kotba. Dawk il-pubblikazzjonijiet għenuha biex taċċetta l-verità mill-Kelma t’Alla.
Tibda t-Tfittxija għal Teżor
Maż-żmien, mort noqgħod m’oħti f’Detroit. Hemmhekk iltqajt maʼ mara anzjana li kienet tiġi għand oħti biex tgħallimha l-Bibbja. Dawk id-diskussjonijiet fakkruni dwar programm fuq ir-radju li kien jixxandar kull ġimgħa u li kont nisimgħu m’ommi meta kont għadni d-dar magħha. Dak il-programm kien jikkonsisti f’taħdita taʼ 15-il minuta fuq suġġett Bibliku mogħtija minn J. F. Rutherford, li dak iż-żmien kien jieħu t-tmexxija fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Fl-1937 bdejna nissieħbu maʼ l-ewwel kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Detroit. Jien tgħammidt is-sena taʼ wara.
Fil-bidu tas-snin 40, tħabbar li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu se jiftħu skola msejħa Gilgħad f’South Lansing, New York, biex jitħarrġu l-missjunarji. Meta sirt naf li xi wħud mill-gradwati taʼ din l-iskola kienu se jiġu mistidnin jaqdu barra ’l pajjiż, jien ħsibt bejni u bejn ruħi, ‘Kemm nixtieq immur Gilgħad!’ Għamiltha l-mira tiegħi li nattendi Gilgħad. Xi privileġġ ikun li tfittex f’postijiet oħrajn għal “teżori”—jiġifieri, għal nies li jixtiequ jsiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu!—Ħaggaj 2:6, 7.
Nilħaq il-Mira Tiegħi bil-Mod il-Mod
F’April taʼ l-1942, jien tlaqt ix-xogħol li kelli u bdejt naqdi bħala pijuniera, jew evanġelizzatriċi full-time, f’Findlay, Ohio, flimkien maʼ grupp taʼ ħames aħwa nisa. Ma kienx hemm kongregazzjoni bi programm taʼ laqgħat normali, imma konna ninkuraġġixxu lil xulxin billi bħala grupp naqraw artikli mill-pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna. Matul l-ewwel xahar tiegħi bħala pijuniera, qassamt 95 ktieb maʼ wħud interessati! Madwar sena u nofs wara, irċivejt inkarigu biex naqdi bħala pijuniera speċjali f’Chambersburg, Pennsylvania. Hemmhekk ngħaqadt maʼ grupp taʼ ħames pijunieri nisa oħra, inkluż Dora Ward, oħt Kristjana minn Iowa. Jien u Dora bdejna naħdmu flimkien bħala pijunieri. Aħna konna tgħammidna fl-istess sena, u kellna l-istess xewqa li nattendu l-Iskola taʼ Gilgħad u naqdu barra ’l pajjiż bħala missjunarji.
Kmieni fl-1944 wasal il-jum importanti! It-tnejn li aħna rċivejna stedina biex nattendu r-rabaʼ klassi taʼ Gilgħad. Bdejna f’Awissu taʼ dik is-sena. Imma qabel ma nkompli nirrakkonta, ħalli Dora tgħidilkom kif saret dik l-oħt li akkumpanjatni għal ħafna snin fit-tfittxija għal teżor.
Ħerqana biex Nibda l-Għoti taʼ Xiehda Full-Time
DORA: Ommi kienet titlob biex issib il-fehma tal-Kelma t’Alla. Darba waħda l-Ħadd, kont magħha meta smajna taħdita minn J. F. Rutherford fuq ir-radju. Fit-tmiem tat-taħdita, ommi qalet, “Din hi l-verità!” Ftit wara, bdejna nistudjaw il-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Fl-1935, meta kelli 12-il sena, attendejt taħdita tal-magħmudija mogħtija minn wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, u ħassejt xewqa kbira biex niddedika ħajti lil Ġeħova. Tliet snin wara, tgħammidt. Id-dedikazzjoni u l-magħmudija tiegħi għenuni nibqaʼ soda biex inżomm il-miri tiegħi sew quddiem għajnejja matul is-snin li kien baqagħli l-iskola. Kont ħerqana biex nispiċċa l-iskola ħalli nkun nistaʼ nibda naqdi bħala pijuniera.
F’dak iż-żmien, il-grupp taʼ Xhieda li konna nissieħbu miegħu kien jiltaqaʼ bħala kongregazzjoni f’Fort Dodge, Iowa. Kien jirrikjedi sforz kbir biex nattendu l-laqgħat Kristjani. Lura f’dak iż-żmien, l-artikli taʼ studju fit-Torri taʼ l-Għassa ma kellhomx mistoqsijiet għad-diskussjoni mal-kongregazzjoni. Kull pubblikatur kien mitlub li jagħti mistoqsijiet preparati lill-ħu li kien jikkonduċi l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. Kull nhar taʼ Tnejn fil-għaxija, jien u ommi konna nippreparaw mistoqsija għal kull paragrafu, u konna nagħtuhom lill-ħu li jikkonduċi ħalli jkun jistaʼ jagħżel liema juża minnhom.
Minn żmien għal żmien, il-kongregazzjoni tagħna kien ikollha żjara minn indokratur li jivvjaġġa. John Booth, wieħed minn dawn l-aħwa, kien għenni nibda l-ministeru minn bieb għal bieb meta kelli 12-il sena. Taʼ 17-il sena kont staqsejtu kif nimla applikazzjoni tal-pijunieri, u hu għenni. Mur għidli li konna se nerġgħu niltaqgħu iktar tard fil-ħajja u nsiru ħbieb għal għomorna!
Bħala pijuniera, ħdimt ħafna m’oħtna Dorothy Aronson, evanġelizzatriċi full-time li kienet 15-il sena akbar minni. Konna naħdmu flimkien bħala pijunieri sakemm hi ġiet mistiedna tattendi l-ewwel klassi taʼ Gilgħad fl-1943. Wara dan, jien bqajt naqdi bħala pijuniera waħdi.
L-Oppożizzjoni Ma Jirnexxilhiex Twaqqafna
Is-snin 40 kienu taʼ sfida għalina minħabba l-atmosfera patrijottika li nħolqot mit-tieni gwerra dinjija. Meta konna nippridkaw minn dar għal dar, taʼ spiss kienu jissottawna bil-bajd jinten, bit-tadam misjur, u xi drabi saħansitra bil-ġebel! Kellna prova iktar serja meta darba konna qegħdin f’kantuniera taʼ triq nippreżentaw ir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u l-Consolation (issa Awake!). Il-pulizija, imxewxin minn opponenti reliġjużi, avviċinawna u heddew li jarrestawna jekk jerġgħu jarawna nippridkaw pubblikament.
M’għandniex xi ngħidu, aħna rrifjutajna li nieqfu nippridkaw, u għalhekk ħaduna l-għassa tal-pulizija għal interrogazzjoni. Wara li ħallewna nitilqu, erġajna morna fl-istess kantuniera tat-triq u bdejna noffru l-istess rivisti. L-aħwa rġiel responsabbli tawna l-parir biex nużaw Isaija 61:1, 2 biex niddefendu l-waqfa tagħna. Darba waħda, meta avviċinani pulizija żagħżugħ, jien għedtlu l-versi bl-amment b’biżaʼ kbir fuqi. B’sorpriża, hu dar f’daqqa u telaq ’l hemm! Għalija kienu l-anġli li pproteġewna.
Jum li Ma Ninsieh Qatt
Fl-1941 kelli l-privileġġ li nattendi konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova li damet ħamest ijiem f’St. Louis, Missouri. Matul din il-konvenzjoni, Ħuna Rutherford staqsa lit-tfal kollha li kellhom bejn il-5 u t-18-il sena biex jinġabru fil-parti prinċipali taʼ l-istejdjum. Inġabru eluf taʼ tfal. Ħuna Rutherford sellmilna billi xejjer il-maktur tiegħu. Aħna lkoll xejjirnielu lura. Wara li ta taħdita taʼ siegħa, hu qal: “Intom it-tfal li qbiltu li tagħmlu r-rieda t’Alla u li ħadtu l-waqfa fuq in-naħa tal-gvern teokratiku tiegħu permezz taʼ Ġesù Kristu u għalhekk qbiltu li tobdu lil Alla u lis-Sultan tiegħu, jekk jogħġobkom qumu bil-wieqfa.” Il-15,000 tifel u tifla qamu f’daqqa—jien kont waħda minnhom! Il-kelliemi żied: “Intom ilkoll li se tagħmlu dak kollu li tistgħu sabiex tgħidu lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla u l-barkiet li se ġġib, jekk jogħġobkom għidu Iva.” Aħna hekk għamilna, u faqqgħet ċapċipa kbira.
Imbagħad ħareġ il-ktieb Children,a u kien hemm ringiela twila taʼ tfal u żgħażagħ mexjin lejn il-platform, fejn Ħuna Rutherford ta lil kull wieħed minna kopja tal-ktieb il-ġdid. Kien tassew mument eċċitanti! Illum, ħafna minn dawk li rċivew ktieb f’din l-okkażjoni għadhom qed jaqdu b’mod żeluż lil Ġeħova madwar id-dinja, hekk kif jitkellmu dwar is-Saltna t’Alla u s-sewwa tiegħu.—Salm 148:12, 13.
Wara li qdejt bħala pijuniera għal tliet snin, kemm kont ferħana li rċivejt inkarigu bħala pijuniera speċjali f’Chambersburg! Hemmhekk iltqajt maʼ Dorothea, u malajr sirna ħbieb tal-qalb. Bħala żgħażagħ, konna mimlijin entużjażmu u kellna ħafna enerġija. Konna ħerqanin biex inkabbru s-sehem tagħna fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Flimkien bdejna t-tfittxija għal teżor li damet tul ħajjitna kollha.—Salm 110:3, Saydon.
Ftit xhur wara li bdejna naqdu bħala pijunieri speċjali, iltqajna m’Albert Mann, li kien gradwat taʼ l-ewwel klassi taʼ Gilgħad. Kien wasal biex jitlaq għall-inkarigu tiegħu f’pajjiż ieħor. Hu inkuraġġiena biex naċċettaw kwalunkwe inkarigu li stajna nirċievu f’pajjiż barrani.
Fl-Iskola Flimkien
DORA U DOROTHEA: Immaġina kemm konna ferħanin meta bdejna t-taħriġ tagħna bħala missjunarji! Fl-ewwel jum taʼ l-iskola, isimna ġie reġistrat minn Albert Schroeder, il-ħu li kien qassam il-ktieb Studies in the Scriptures m’omm Dorothea 12-il sena qabel. Kien hemm ukoll John Booth. Hu issa kien qed jieħu ħsieb il-Kingdom Farm, fejn kien hemm l-iskola. Iktar tard, iż-żewġt irġiel qdew bħala membri tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova.
Fl-Iskola taʼ Gilgħad tgħallimna l-veritajiet profondi tal-Bibbja. Kien taħriġ eċċellenti. Kien hemm 104 studenti fil-klassi tagħna, inkluż l-ewwel student barrani li kien mill-Messiku. Hu kien qed jipprova jtejjeb l-Ingliż tiegħu filwaqt li aħna konna qed nipprovaw nitgħallmu l-Ispanjol. Kemm konna eċċitati fil-jum meta Ħuna Nathan H. Knorr qassam l-inkarigi fejn konna sejrin naqdu aħna l-istudenti! Il-biċċa l-kbira ġew inkarigati lejn l-Amerika t’Isfel u l-Amerika Ċentrali; l-inkarigu tagħna kien iċ-Ċili.
Infittxu għal Teżor fiċ-Ċili
Sabiex inkunu nistgħu mmorru ċ-Ċili kellna bżonn niksbu visa, u dan ħa daqsxejn taż-żmien mhux ħażin. B’hekk, wara li ggradwajna f’Jannar taʼ l-1945, qdejna bħala pijunieri f’Washington, D.C., għal sena u nofs. Meta rċivejna l-visa tagħna, sirna parti minn grupp taʼ disaʼ missjunarji li tlaqna lejn iċ-Ċili. Is-sebgħa l-oħra kienu minn klassijiet taʼ Gilgħad li saru qabel.
Ġew diversi aħwa rġiel Kristjani biex jilqgħuna f’Santiago, il-belt kapitali. Wieħed minnhom kien Albert Mann, dak il-gradwat taʼ Gilgħad li kien inkuraġġiena ftit snin qabel. Hu kien ġie ċ-Ċili sena qabilna, flimkien maʼ Joseph Ferrari li kien mit-tieni klassi taʼ Gilgħad. Kien hemm inqas minn 100 pubblikatur b’kollox fiċ-Ċili meta wasalna aħna. Konna ħerqanin biex infittxu u nsibu iktar teżori—nies taʼ qalb onesta—fl-inkarigu ġdid tagħna.
Ġejna inkarigati biex naqdu f’dar missjunarja f’Santiago. Kienet esperjenza ġdida għalina li ngħixu maʼ familja kbira taʼ missjunarji. Minbarra li kellna nqattgħu numru taʼ sigħat fix-xogħol taʼ l-ippridkar, il-missjunarji kollha kellhom isajru darba f’ġimgħa għall-familja kollha. Aħna kellna xi mumenti imbarazzanti. Darba waħda, ippreparajna xi gallettini għall-kolazzjon għall-familja tagħna li kellha ħafna ġuħ, imma meta ħriġna l-gallettini mill-forn, bdejna nxommu riħa xejn pjaċevoli. Konna użajna baking soda minflok baking powder! Xi ħadd kien poġġa l-baking soda f’bott vojt tal-baking powder.
Iżda, kienu iktar imbarazzanti l-iżbalji li konna nieħdu waqt li konna qed nitgħallmu l-Ispanjol. Konna nistudjaw il-Bibbja maʼ familja kbira li kienet se twaqqaf l-istudju minħabba li ma stajniex niftiehmu. Imma billi huma kienu jfittxu l-iskritturi fil-Bibbji tagħhom stess, xorta rnexxielhom jitgħallmu l-verità, u ħamsa minnhom saru Xhieda. F’dawk is-snin, ma kienx ikun hemm kors tal-lingwa għall-missjunarji ġodda. Aħna bdejna nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar minnufih u pprovajna nitgħallmu l-lingwa min-nies li konna nagħtuhom xiehda.
Ikkonduċejna ħafna studji tal-Bibbja, u xi wħud mill-istudenti tagħna kienu jwieġbu mill-ewwel. Oħrajn kienu jeħtieġu ħafna paċenzja. Teresa Tello, mara żagħżugħa, qagħdet tismaʼ l-messaġġ tal-verità u qaltilna, “Jekk jogħġobkom, erġgħu ejjew u għiduli iktar.” Morna 12-il darba u qatt ma sibnieha. Għaddew tliet snin. Imbagħad, attendejna assemblea li saret ġo teatru f’Santiago. Il-Ħadd, hekk kif konna se nitilqu mill-assemblea, smajna lil xi ħadd jgħajjat, “Senorita Dora, Senorita Dora!” Aħna dorna, u rajna lil Teresa. Hi kienet qed iżżur lil oħtha faċċata tat-triq u ġiet lejn it-teatru biex tara x’kien qed jiġri. Kemm fraħna li rġajna ltqajna magħha! Għamilna arranġamenti għal studju tal-Bibbja, u ftit wara tgħammdet. Iktar tard saret pijuniera speċjali. Illum, xi 45 sena wara, Teresa għadha qed taqdi fis-servizz full-time speċjali.—Koħèlet 11:1.
Niskopru Teżori fir-“Ramel”
Fl-1959 ġejna inkarigati lejn Punta Arenas—li tfisser “Il-Ponta tar-Ramel”—fit-tarfnett tal-kosta fin-nofsinhar taċ-Ċili li hi twila 4,300 kilometru. Punta Arenas hija territorju mhux tas-soltu. Matul ix-xhur sħan tas-sajf, il-ġranet huma twal—ix-xemx iddum ma tinżel sal-ħdax u nofs taʼ fil-għaxija. Stajna nqattgħu ħafna ġranet fil-ministeru imma mhux mingħajr ostakli, għax fis-sajf ikun hemm ħafna rwiefen qawwijin mill-Antartiku. Ix-xhur tax-xitwa huma kesħin, u l-ġranet qosra.
Minkejja dawn l-isfidi, Punta Arenas hija affaxxinanti. Matul is-sajf, dejjem ikun hemm mewġ taʼ sħab tax-xita fis-sema li jiġi mill-punent. Kultant, tagħmel ħalba xita qawwija li xxarrbek, imma mbagħad jiġi r-riħ u jnixxfek. Hekk kif ix-xemx tfiġġ minn ġos-sħab tibda tidher qawsalla sabiħa. Xi drabi, qawsalla bħal din iddum sigħat sħaħ, daqqa tidher u daqqa ma tidhirx hekk kif ix-xemx tiddi minn ġos-sħab tax-xita.—Ġob 37:14.
Lura f’dak iż-żmien, kien hemm ftit pubblikaturi f’Punta Arenas. Aħna l-aħwa nisa kellna nikkonduċu l-laqgħat fil-kongregazzjoni żgħira li kien hemm. Ġeħova bierek l-isforzi tagħna. Sebgħa u tletin sena wara, erġajna ġejna nżuru dan il-post. X’sibna? Sitt kongregazzjonijiet li qed jiffjorixxu u tliet Swali tas-Saltna sbieħ. Kemm fraħna li Ġeħova ppermettielna niskopru teżori spiritwali f’dawn il-bajjiet bir-ramel tan-nofsinhar!—Żakkarija 4:10.
Iktar Teżori fil-“Bajja l-Wiesgħa”
Wara li qdejna għal tliet snin u nofs f’Punta Arenas, ġejna inkarigati naqdu fil-belt tal-port taʼ Valparaiso. Il-belt fiha 41 għolja madwar bajja li tħares lejn l-Oċean Paċifiku. Aħna kkonċentrajna l-attivitajiet tagħna taʼ l-ippridkar fuq waħda minn dawn l-għoljiet, Playa Ancha, li tfisser “Il-Bajja l-Wiesgħa.” Matul is-16-il sena li domna hemmhekk, rajna grupp taʼ żgħażagħ irġiel Kristjani jikbru spiritwalment sal-punt li issa qed jaqdu bħala indokraturi li jivvjaġġaw u bħala anzjani Kristjani fil-kongregazzjonijiet madwar iċ-Ċili.
L-inkarigu missjunarju li jmiss tagħna kien Viña del Mar. Qdejna għal tliet snin u nofs hemmhekk sakemm seħħ terremot li kkaġuna ħsara lid-dar missjunarja. Aħna rritornajna lejn Santiago, fejn konna bdejna s-servizz missjunarju tagħna 40 sena qabel. L-affarijiet kienu nbidlu. Inbnew faċilitajiet ġodda tal-fergħa, u l-bini tal-fergħa li kien hemm qabel sar dar għall-missjunarji kollha li baqgħu fil-pajjiż. Iktar tard, dik id-dar bdiet tintuża bħala post fejn issir l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali. F’dak iż-żmien, Ġeħova reġaʼ wriena l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu. Ħamsa minna l-missjunarji li konna avanzati fl-età ġejna mistidnin ngħixu f’Betel. Matul iż-żmien li qdejna fiċ-Ċili kellna 15-il inkarigu differenti. Rajna x-xogħol jikber minn ftit inqas minn 100 pubblikatur għal xi 70,000! X’ferħ kien li nfittxu għat-teżori fiċ-Ċili għal 57 sena!
Inħossuna mberkin ħafna li Ġeħova ppermettielna nsibu daqstant nies—tassew teżori— li baqgħu jintużaw minn Ġeħova fl-organizzazzjoni tiegħu. Ilna iktar minn 60 sena naqdu lil Ġeħova flimkien, u naqblu b’qalbna kollha mas-sentimenti li esprima s-Sultan David, li kiteb: “Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej, li inti rfajt għal min jibżaʼ minnek”!—Salm 31:20 (31:19, NW).
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova imma m’għadux jiġi stampat.
[Stampi f’paġna 9]
Dorothea fl-2002 u fix-xogħol taʼ l-ippridkar fl-1943
[Stampa f’paġna 10]
Nieħu sehem fix-xogħol fit-toroq f’Fort Dodge, Iowa, fl-1942
[Stampa f’paġna 10]
Dora, fl-2002
[Stampa f’paġna 12]
Dorothea u Dora quddiem l-ewwel dar missjunarja tagħhom fiċ-Ċili, fl-1946