LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 6/1 p. 8-p. 11 para. 7
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Lamentazzjonijiet

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Lamentazzjonijiet
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “INFNEW BID-​DMUGĦ GĦAJNEJJA”
  • (Lamentazzjonijiet 1:1–​2:​22)
  • “LA SSODDX WIDNEJK GĦALL-​GĦAJTA TIEGĦI”
  • (Lamentazzjonijiet 3:1–​5:​22)
  • Poġġi l-​Fiduċja Tiegħek f’Ġeħova
  • “Jien Poġġejtlek Kliemi f’Fommok”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Ruħek . . . Titbaxxa Lejja”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġeremija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Qiegħed Tistaqsi Kuljum, “Fejn Hu Ġeħova?”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 6/1 p. 8-p. 11 para. 7

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb tal-​Lamentazzjonijiet

IL-​PROFETA Ġeremija jara t-​twettiq tal-​messaġġ taʼ ġudizzju li kien ilu jħabbar għal 40 sena. Dan il-​profeta kif ħassu meta hu personalment ra l-​qerda tal-​belt maħbuba tiegħu? “Ġeremija poġġa bil-​qiegħda jibki u jnewwaħ b’din il-​lamentazzjoni fuq Ġerusalemm,” tgħid l-​introduzzjoni tal-​ktieb tal-​Lamentazzjonijiet fis-​Settanta Griega. Il-​memorja taʼ l-​assedju, li dam għaddej sena u nofs u li wara dan Ġerusalemm ngħatat in-​nar, kienet għada friska f’moħħ il-​profeta meta l-​ktieb inkiteb fis-​sena 607 Q.E.K., u għalhekk il-​ktieb tal-​Lamentazzjonijiet jesprimi b’mod ħaj l-​uġigħ kbir li ħass Ġeremija. (Ġeremija 52:​3-5, 12-14) L-​ebda belt oħra fl-​istorja ma ġiet mibkija b’espressjonijiet li tant imissu l-​qalb u li fihom kliem li jesprimu sentimenti profondi taʼ diqa daqs Ġerusalemm.

Il-ktieb tal-​Lamentazzjonijiet huwa kollezzjoni taʼ ħames poeżiji liriċi. L-​ewwel erbgħa huma lamentazzjonijiet, jew għanjiet taʼ diqa; il-​ħames waħda hija petizzjoni, jew talba. L-​ewwel erbaʼ għanjiet huma akrostiċi, il-​versi taʼ wara jibdew fl-​ordni taʼ l-​alfabet Ebrajk li fih 22 ittra. Għalkemm il-​ħames għanja fiha 22 vers biex tikkorrispondi mat-​22 ittra taʼ l-​alfabet Ebrajk, din m’hijiex fl-​ordni alfabetiku.

“INFNEW BID-​DMUGĦ GĦAJNEJJA”

(Lamentazzjonijiet 1:1–​2:​22)

“Ah! Kif inhi weħidha, il-​belt li kienet tiżgħed bin-​nies! Saret bħal armla l-​kbira fost il-​ġnus! Is-​sidt fost l-​ibliet, il-​ħaraġ ikollha tħallas.” Hekk jibdew il-​lamentazzjonijiet tal-​profeta Ġeremija rigward Ġerusalemm. Meta jgħid x’kienet ir-​raġuni wara dan l-​hemm kollu, il-​profeta jgħid: “Il-​Mulej għakkisha minħabba l-​kotra taʼ dnubietha.”—Lamentazzjonijiet 1:​1, 5.

Ġerusalemm, li hija personifikata bħala armla mċaħħda minn żewġha u wliedha, tistaqsi: ‘Hawn hemm bħal hemmi’? Dwar l-​għedewwa tagħha, hi titlob lil Alla: “Ħa jiġi quddiemek il-​ħażen kollu tagħhom, u agħmlilhom kif għamilt lili għal dnubieti kollha, għax l-​ilfiq tiegħi kbir, u qalbi nfniet.”—Lamentazzjonijiet 1:​12, 22.

Ġeremija li huwa tassew imnikket jgħid: “Farrak fis-​saħna taʼ għadbu [jiġifieri, taʼ Ġeħova], il-​qawwa kollha taʼ Iżrael; ġibed lura lemintu minn quddiem l-​għadu. U xegħel għal Ġakobb bħan-​nar iħeġġeġ u jiekol kull ma hemm madwaru.” Filwaqt li juri n-​niket profond tiegħu, il-​profeta mbikkem jgħid: “Infnew bid-​dmugħ għajnejja, u qalbi mħawwda; fwiedi maʼ l-​art imxerred.” Anki dawk li kienu għaddejjin esprimew l-​istagħġib tagħhom meta qalu: “Din hi l-​belt li kienu jgħidulha: ‘Kollha ġmiel, għaxqet id-​dinja.’”—Lamentazzjonijiet 2:​3, 11, 15.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:​15, NW​—Ġeħova kif kien “għaffeġ il-​magħsar taʼ l-​inbid taʼ bint Ġuda, il-​verġni”? Meta qerdu l-​belt, li hija deskritta bħala verġni, il-​Babiloniżi tant xerrdu demm li dan ġie mqabbel maʼ l-​għasir taʼ l-​għeneb f’magħsar. Ġeħova bassar u ppermetta li dan jiġri, u għalhekk jistaʼ jingħad li hu “għaffeġ il-​mgħasar taʼ l-​inbid.”

2:1​—“Il-​ġmiel taʼ Iżrael” kif ‘twaddab mis-​sema maʼ l-​art’? Ladarba “ogħla s-​smewwiet mill-​art,” il-​fatt li l-​affarijiet eżaltati jitbaxxew huwa kultant rappreżentat mill-​fatt li ‘jitwaddbu mis-​sema maʼ l-​art.’ “Il-​ġmiel taʼ Iżrael”—il-​glorja u l-​qawwa li kienet tgawdi waqt li kellha l-​barka taʼ Ġeħova—twaddab ’l isfel permezz tal-​qerda taʼ Ġerusalemm u l-​ħerba li saret minn Ġuda.—Isaija 55:9.

2:​1, 6​—X’inhu ‘mirfes riġlejn’ Ġeħova u “l-​għarix” tiegħu? Is-​salmista kanta: “Ħa nidħlu fl-​għamara tiegħu, ninxteħtu quddiem il-​mirfes taʼ riġlejh!” (Salm 132:7) Għalhekk, il-​‘mirfes tar-​riġlejn’ li jissemma fil-​Lamentazzjonijiet 2:1 jirreferi għad-​dar taʼ qima taʼ Ġeħova, jew it-​tempju tiegħu. Il-​Babiloniżi ‘ħarqu t-​tempju tal-​Mulej’ bħallikieku kien xi għarix fi ġnien.—Ġeremija 52:​12, 13.

2:​16, 17, NW​—M’għandhomx il-​vers 16 li jibda bl-​ittra Ebrajka għajn u l-​vers 17 li jibda bl-​ittra pe jsegwu l-​ordni alfabetiku Ebrew? Waqt li kienu jiktbu l-​poeżiji b’dan l-​istil, il-​kittieba ispirati ġeneralment kienu jsegwu l-​ordni alfabetiku. Madankollu, huma ma kinux jagħmlu hekk jekk il-​poeżija kienet tinstemaʼ artifiċjali jew mhux naturali. Għalihom is-​sinifikat kien iktar importanti milli jżommu mat-​teknika letterarja li kienet isservi biss biex tgħin lil dak li jkun jiftakarha. Dawn iż-​żewġ ittri jinqalbu wkoll f’għanja 3 u 4 tal-​Lamentazzjonijiet.—Lamentazzjonijiet 3:​46, 49, NW; 4:​16, 17, NW.

2:​17​—Liema “kelma” partikulari wettaq Ġeħova b’konnessjoni maʼ Ġerusalemm? Milli jidher din qed tirreferi għal Levitiku 26:​17, li jgħid: “Indawwar wiċċi kontrikom, u jħarbtukom l-​għedewwa tagħkom, u jaħkmukom dawk li jobogħdukom, u taħarbu bla ma ħadd ikun ġej warajkom.”

Lezzjonijiet Għalina:

1:​1-9. Ġerusalemm tibki biki kbir matul il-​lejl, u d-​dmugħ tagħha jġelben maʼ ħaddejha. Il-​bibien tal-​belt tagħha huma ħerba, u l-​qassisin tagħha qed jitniehdu. Ix-​xebbiet tagħha huma mnikktin, u hi nfisha mimlija mrar. Għala? Għax Ġerusalemm dinbet bl-​ikrah. It-​tinġis tagħha hu maʼ djulha. Il-​frott tan-​nuqqasijiet tagħha m’huwiex il-​ferħ; huwa d-​dmugħ, it-​tnehid, in-​niket, u l-​imrar.

1:​18. Meta jikkastiga lil dawk li jkunu dinbu, Ġeħova dejjem juri l-​ġustizzja u s-​sewwa.

2:​20. L-​Iżraelin kienu mwissijin li jekk ma kinux se jobdu leħen Ġeħova, huma kienu se jesperjenzaw is-​saħtiet, li kienu jinkludu li jieklu ‘laħam is-​subjien u l-​bniet tagħhom.’ (Dewteronomju 28:​15, 45, 53) Kemm ma jkunx għaqli li nagħżlu ħajja taʼ diżubbidjenza lejn Alla!

“LA SSODDX WIDNEJK GĦALL-​GĦAJTA TIEGĦI”

(Lamentazzjonijiet 3:1–​5:​22)

Fit-​tielet kapitlu tal-​Lamentazzjonijiet, il-​ġens taʼ Iżrael jiġi deskritt bħala “bniedem.” Minkejja li esperjenza l-​għawġ, dan il-​bniedem kanta: “Tajjeb il-​Mulej maʼ min jistennieh, mar-​ruħ li tfittxu.” F’talba lill-​Alla l-​veru, hu jitlob: “[“Żgur li se tismaʼ leħni,” NW]. La ssoddx widnejk għall-​għajta tiegħi għall-​għajnuna.” Billi talab lil Ġeħova biex jagħti kas it-​tmaqdir taʼ l-​għadu, hu jgħid: “Agħtihom li ħaqqhom Mulej, skond għemil idejhom.”—Lamentazzjonijiet 3:​1, 25, 56, 64.

Ġeremija jesprimi s-​sentimenti tiegħu dwar l-​effetti koroh li ħalla warajh l-​assedju taʼ Ġerusalemm li dam għaddej sena u nofs u jgħid: “Id-​dnub taʼ bint il-​poplu tiegħi akbar mill-​ħtija taʼ Sodoma, li nqalbet f’waqt wieħed, bla ma ħadd meddilha jdejh.” Ġeremija jkompli: “Ħabtuha aħjar il-​maqtulin bix-​xabla minn dawk li nqerdu bil-​ġuħ, li ntemmu bil-​mod, bħallikieku midrubin, minħabba n-​nuqqas taʼ wċuħ l-​art.”—Lamentazzjonijiet 4:​6, 9.

Il-ħames poeżija tagħti stampa taʼ l-​abitanti taʼ Ġerusalemm li qed jitkellmu. Huma jgħidu: “Ftakar, Mulej, xi ġralna! Ħares u ara l-​għajb tagħna!” Hekk kif jirrakkontaw l-​għawġ tagħhom, huma jitolbu: “Imma int, Mulej, tibqaʼ għal dejjem, it-​tron tiegħek minn żmien għal żmien. Reġġagħna, Mulej, lejk, u nerġgħu lura, ġeddilna jiemna bħal dari.”—Lamentazzjonijiet 5:​1, 19, 21.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

3:​16​—X’inhu suġġerit mill-​espressjoni: “Taħanli biż-​żrar snieni”? Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “Il-​Lhud, hekk kif kienu fi triqithom lejn l-​eżilju, kellhom jaħmu ħobżhom fil-​ħofor li kienu jħaffru fit-​triq, u b’hekk ħobżhom kien jitħallat maż-​żrar.” Meta dak li jkun jiekol ħobż bħal dan jistaʼ jkisser snienu.

4:​3, 10​—Ġeremija għala qabbel “bint il-​poplu” tiegħu man-​“nagħma fid-​deżert”? In-​nagħma “twebbes qalbha għal frieħha, qishom mhux tagħha,” jgħid Ġob 39:16. Per eżempju, wara li jfaqqas il-​bajd, in-​nagħma titlaq man-​nagħma nisa oħrajn filwaqt li r-​raġel jieħu r-​responsabbiltà taʼ li jieħu ħsieb iż-​żgħar. U x’jiġri meta jiġu wiċċ imbwiċċ mal-​periklu? Kemm in-​ngħam irġiel u kemm in-​nisa jitilqu l-​bejta, u jabbandunaw liż-​żgħar tagħhom. Matul l-​assedju Babiloniż, il-​ġuħ f’Ġerusalemm tant kien kbir li l-​ommijiet li normalment kienu juru l-​mogħdrija saru krudili maʼ nisilhom stess, bħan-​nagħma fid-​deżert. X’kuntrast kbir għall-​mod kif ix-​xakalli jieħdu ħsieb iż-​żgħar.

5:7​—Iżomm Ġeħova responsabbli lit-​tfal għad-​dnubiet taʼ missirijiethom? Le, Ġeħova ma jikkastigax lin-​nies direttament għad-​dnub taʼ l-​antenati tagħhom. Il-​Bibbja tgħid: “Kull wieħed minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Rumani 14:12) Madankollu, il-​konsegwenzi taʼ l-​iżbalji jistgħu jibqgħu u jiġu esperjenzati mill-​ġenerazzjonijiet taʼ wara. Per eżempju, il-​fatt li Iżrael tal-​qedem dar lejn l-​idolatrija għamilha diffiċli saħansitra għall-​Iżraelin leali li għexu iktar tard biex jibqgħu jżommu mat-​triq tas-​sewwa.​—Eżodu 20:5.

Lezzjonijiet Għalina:

3:​8, 43, 44. Matul l-​għawġ li waqaʼ fuq Ġerusalemm, Ġeħova rrifjuta li jismaʼ l-​għajta għall-​għajnuna taʼ l-​abitanti tal-​belt. Għala? Minħabba li n-​nies kienu diżubbidjenti, u baqgħu ma nidmux. Jekk irridu li Ġeħova jismaʼ talbna, aħna rridu nobduh.—Proverbji 28:9.

3:​20, NW. Ġeħova, l-​iktar “Għoli fuq l-​art kollha,” tant hu eżaltat li hu jitbaxxa sabiex “iħares ’l isfel, lejn is-​smewwiet u lejn l-​art.” (Salm 83:19 [Salm 83:​18, NW]; Salm 113:6) Madankollu, Ġeremija kien konxju tal-​fatt li Dak li Jistaʼ Kollox huwa lest li jitbaxxa lejn in-​nies, jiġifieri, li jinżel għal-​livell tagħhom sabiex jinkuraġġihom. Kemm nistgħu nkunu ferħanin li l-​Alla l-​veru mhux biss huwa mimli qawwa u għerf imma wkoll huwa umli!

3:​21-​26, 28-​33. Kif nistgħu nissaportu saħansitra sofferenza kbira? Ġeremija jgħidilna. M’għandna qatt ninsew li Ġeħova huwa mimli b’atti taʼ qalb tajba bl-​imħabba u li ħafna huma l-​ħniniet tiegħu. Għandna niftakru wkoll li l-​fatt li aħna ħajjin huwa raġuni biżżejjed biex ma naqtgħux qalbna u li għandna bżonn inkunu paċenzjużi u nistennew fis-​skiet fuq Ġeħova għas-​salvazzjoni mingħajr ma nilmentaw. Iktar minn hekk, għandna ‘nqiegħdu ħalqna fit-​trab,’ jiġifieri, li nissottomettu ruħna b’umiltà għall-​provi, billi nirrikonoxxu li dak li Alla jippermetti li jiġri jkun għal raġuni tajba.

3:​27. Li niffaċċjaw il-​provi tal-​fidi matul iż-​żgħożija tagħna għandu mnejn ifisser li niffaċċjaw tbatijiet u twaqqigħ għaċ-​ċajt. Imma “tajjeb għall-​bniedem li jerfaʼ l-​madmad sa minn żgħożitu.” Għala? Għax meta individwu jitgħallem iġorr il-​madmad tat-​tbatija meta jkun għadu żgħir ikun qed jiġi preparat biex jittratta l-​isfidi iktar tard f’ħajtu.

3:​39-​42. M’huwiex għaqli li ‘ngorru’ meta nkunu qed inbatu minħabba d-​dnubiet tagħna stess. Minflok ma ngorru dwar li nkunu qed naħsdu l-​konsegwenzi taʼ mġiba ħażina, ejja “ngħarblu triqatna u nifluhom, u nerġgħu lura għand il-​Mulej.” Inkunu għaqlin jekk nindmu u nikkoreġu triqitna.

Poġġi l-​Fiduċja Tiegħek f’Ġeħova

Il-​ktieb tal-​Lamentazzjonijiet jikxef kif Ġeħova kien iqis lil Ġerusalemm u l-​art taʼ Ġuda wara li l-​Babiloniżi ħarqu l-​belt u ħallew l-​art ħerba. L-​espressjonijiet taʼ rikonoxximent tad-​dnub li hawn imniżżlin f’dan il-​ktieb juru biċ-​ċar li mill-​ħarsa taʼ Ġeħova, ir-​raġuni wara l-​għawġ kienet l-​iżball tan-​nies. L-​għanjiet ispirati taʼ dan il-​ktieb fihom liriċi li jesprimu tama f’Ġeħova u xewqa biex dak li jkun idur lura fit-​triq il-​ġusta. Għalkemm ħafna min-​nies fi żmien Ġeremija ma ħassewhomx hekk, Ġeremija u dawk il-​fdal niedma hekk ħassewhom.

Il-mod kif Ġeħova qies is-​sitwazzjoni taʼ Ġerusalemm kif esprimieha fil-​ktieb tal-​Lamentazzjonijiet jgħallimna żewġ lezzjonijiet vitali. L-​ewwel, il-​qerda taʼ Ġerusalemm u l-​ħerba taʼ Ġuda jinkuraġġixxu ubbidjenza lejn Ġeħova u jservu bħala twissija sabiex ma ninjorawx ir-​rieda divina. (1 Korintin 10:11) It-​tieni lezzjoni niħduha mill-​eżempju taʼ Ġeremija. (Rumani 15:4) Anki meta s-​sitwazzjoni dehret bla tama, il-​profeta li tant kien imnikket dar lejn Ġeħova għas-​salvazzjoni. Kemm hu vitali li nafdaw kompletament f’Ġeħova u fil-​Kelma tiegħu u npoġġu l-​fiduċja tagħna fih!​—Ebrej 4:​12.

[Stampa f’paġna 9]

Il-​profeta Ġeremija ra t-​twettiq tal-​messaġġ tiegħu taʼ ġudizzju

[Stampa f’paġna 10]

Il-​fidi taʼ dawn l-​aħwa Koreani ġiet imġarrba minħabba li żammew in-​newtralità Kristjana

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja