LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 6/1 pp. 21-25
  • Jagħmlu l-Frott Spiritwali sa fi Xjuħithom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jagħmlu l-Frott Spiritwali sa fi Xjuħithom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Qatt Ma Kienet Tonqos”
  • Iżommu Moħħhom Attiv
  • Devoti Minkejja Bidliet fiċ-​Ċirkustanzi
  • Rekord taʼ Sabar li Ma Jgħibx
  • Barżillaj—Bniedem li Kien Konxju tal-Limitazzjonijiet Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Aqdi lil Ġeħova qabel jiġu jiem l-għali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Meta x-Xjuħija Ssir “Kuruna taʼ Ġieħ”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Uħud Imdaħħlin fiż-Żmien—Membri Prezzjużi tal-Fratellanza Kristjana Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 6/1 pp. 21-25

Jagħmlu l-​Frott Spiritwali sa fi Xjuħithom

“[Dawk] imħawwlin f’dar il-​Mulej . . . sa fi xjuħithom il-​frott jagħmlu.” ​—SALM 92:​14, 15 (92:​13, 14, NW).

1, 2. (a) Ix-xjuħija taʼ spiss kif tiġi deskritta? (b) L-​iskrittura xi twiegħed rigward l-​effetti tad-​dnub Adamiku?

IX-​XJUĦIJA​—x’jiġik f’moħħok meta tismaʼ din l-​il-kelma? Ġilda mkemmxa? Nuqqas taʼ smigħ? Riġlejn dgħajfin? Jew xi aspett ieħor taʼ “jiem in-​niket” li huma deskritti b’mod ċar u dettaljat f’Koħèlet 12:​1-7? Jekk inhu hekk, huwa importanti li nżommu f’moħħna li dak li nsibu f’Koħèlet kapitlu 12 jiddeskrivi x-​xjuħija, mhux kif il-​Ħallieq, Alla Ġeħova, kellu l-​iskop oriġinalment, imma bħala l-​konsegwenza tad-​dnub Adamiku fuq il-​ġisem uman.​—Rumani 5:​12.

2 Ix-​xjuħija fiha nfisha m’hijiex saħta, għax biex wieħed ikompli jgħix jeħtieġ li jgħaddu s-​snin. Fil-​fatt, il-​karatteristiki mixtiqin taʼ kull ħaġa ħajja huma li tikber u timmatura. L-​effetti koroh taʼ sitt elef sena taʼ dnub u imperfezzjoni li qed naraw madwarna dalwaqt se jkunu xi ħaġa tal-​passat, u l-​bnedmin ubbidjenti kollha se jgawdu l-​ħajja kif kienet pjanata, mingħajr l-​uġigħ tax-​xjuħija u l-​mewt. (Ġenesi 1:​28; Rivelazzjoni 21:​4, 5) F’dak iż-​żmien, “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Dawk imdaħħlin fiż-​żmien se jerġgħu jiksbu lura ‘żgħożithom,’ u ġisimhom se “jixxettel” bħal fi tfulithom. (Ġob 33:25) Madankollu, għalissa jkollhom jissieltu maʼ l-​istat midneb li wirtu minn Adam. Minkejja dan, il-​qaddejja taʼ Ġeħova huma mberkin b’modi speċjali hekk kif javanzaw fl-​età tagħhom.

3. B’liema modi jistgħu l-​Kristjani ‘jagħmlu l-​frott sa fi xjuħithom’?

3 Il-​Kelma t’Alla tassigurana li “[dawk] imħawwlin f’dar il-​Mulej . . . sa fi xjuħithom il-​frott jagħmlu.” (Salm 92:​14, 15 [92:​13, 14, NW) Bi kliem figurattiv, is-​salmista kiteb il-​verità fundamentali li l-​qaddejja leali t’Alla jistgħu jibqgħu jagħmlu progress, jiffjorixxu, u jimxu ’l quddiem spiritwalment, anki jekk qed jiddgħajfu fiżikament. Għandna ħafna eżempji Bibliċi u taʼ żmienna li jagħtu prova taʼ dan.

“Qatt Ma Kienet Tonqos”

4. Il-​profetessa Anna li kienet imdaħħla fiż-​żmien kif uriet id-​devozzjoni tagħha lejn Alla, u kif ġiet imbierka?

4 Ikkunsidra l-​profetessa Anna taʼ l-​ewwel seklu. Fl-​età taʼ 84 sena, hi “qatt ma kienet tonqos mit-​tempju biex tagħti servizz sagru lejl u nhar bis-​sawm u bit-​talb.” Bħala mara li missierha kien “mit-​tribù t’Aser” u mhux Levita, Anna ma setgħetx tgħix letteralment fit-​tempju. Immaġina xi sforz kienet tagħmel biex tkun fit-​tempju kuljum mill-​ħin taʼ l-​offerti tal-​ħruq taʼ fil-​għodu sal-​ħin taʼ l-​offerti tal-​ħruq taʼ fil-​għaxija! Madankollu, Anna ġiet imbierka bil-​kbir għad-​devozzjoni tagħha. Hi kellha l-​privileġġ li tkun preżenti meta Ġużeppi u Marija ġabu lil Ġesù tarbija fit-​tempju biex jippreżentawh lil Ġeħova skond il-​Liġi. Hekk kif rat lil Ġesù, Anna “bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem dwar it-​tifel maʼ dawk kollha li kienu qed jistennew il-​ħelsien taʼ Ġerusalemm.”​—Luqa 2:​22-​24, 36-38; Numri 18:​6, 7.

5, 6. B’liema modi ħafna wħud imdaħħlin fiż-​żmien illum qed juru spirtu bħal dak t’Anna?

5 Bħal Anna, ħafna wħud imdaħħlin fiż-​żmien fostna llum huma regulari fl-​attendenza tagħhom għal-​laqgħat, jitolbu bil-​ħerqa għall-​avanz tal-​qima vera, u huma mxennqin bil-​ħeġġa kollha biex jippridkaw l-​aħbar tajba. Ħu li għandu fuq it-​80 sena u li jattendi l-​laqgħat Kristjani regolarment maʼ martu qal: “Aħna għamilnieha d-​drawwa tagħna li mmorru l-​laqgħat. Ma rridu nkunu fl-​ebda post ieħor. Fejn hemm in-​nies t’Alla, hemm irridu nkunu aħna wkoll. Hemmhekk inħossuna kuntenti u fis-​sigurtà.” X’eżempju inkuraġġanti għalina lkoll!​—Ebrej 10:​24, 25.

6 “Jekk ikun hemm xi ħaġa li tinvolvi l-​qima vera u nistaʼ nieħu sehem fiha, irrid nagħmilha.” Dan hu l-​motto taʼ Jean, armla Kristjana li għandha fuq it-​80 sena. “M’għandniex xi ngħidu, jien ikolli mumenti taʼ dwejjaq,” tkompli tgħid hi, “imma għala kulmin ikun madwari għandu jiġi effettwat mid-​dwejjaq tiegħi?” B’għajnejha jixegħlu, hi esprimiet il-​ferħ minħabba li żżur pajjiżi oħrajn għal okkażjonijiet spiritwali li jibnu. Matul vjaġġ li għamlet ftit ilu, hi qalet lil sħabha li kienu qed jivvjaġġaw magħha, “Ma rridx nara iktar postijiet turistiċi; irrid noħroġ fil-​ministeru taʼ l-​għalqa!” Għalkemm ma kinitx taf il-​lingwa lokali, Jean irnexxielha tqajjem l-​interess tan-​nies fil-​messaġġ tal-​Bibbja. Barra minn hekk, għal diversi snin, hi qdiet f’kongregazzjoni fejn kien hemm il-​bżonn, avolja dan kien ifisser li kellha titgħallem lingwa ġdida u li b’kollox tivvjaġġa sagħtejn biex tmur u tiġi mil-​laqgħat.

Iżommu Moħħhom Attiv

7. Meta kien imdaħħal fiż-​żmien, Mosè kif esprima x-​xewqa tiegħu li jkabbar ir-​relazzjoni tiegħu m’Alla?

7 L-​esperjenza fil-​ħajja tiġi biż-​żmien. (Ġob 12:12) Mill-​banda l-​oħra, l-​avanz spiritwali ma jiġix awtomatikament bl-​età. Għalhekk, minflok ma sempliċement jistrieħu fuq ir-​riserva t’għarfien li jkunu kisbu fil-​passat, il-​qaddejja leali t’Alla jistinkaw biex ‘jitgħallmu iżjed’ hekk kif jgħaddu s-​snin. (Proverbji 9:9) Mosè kellu 80 sena meta Ġeħova inkarigah. (Eżodu 7:7) Fi żmienu, mid-​dehra ma kienx normali li wieħed jgħix sa din l-​età, għax hu kiteb: “Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; l-​iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna.” (Salm 90:10) Xorta waħda, Mosè qatt ma ħassu li kien xiħ wisq biex jitgħallem. Wara li qeda lil Alla għal għaxriet taʼ snin, li fihom gawda ħafna privileġġi u ġarr responsabbiltajiet kbar, Mosè talab lil Ġeħova: “Għallimni triqatek, biex nagħrfek.” (Eżodu 33:13) Mosè dejjem xtaq ikabbar ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova.

8. Danjel kif żamm moħħu attiv permezz taʼ listudju meta kellu fuq id-​90 sena, u b’liema riżultati?

8 Il-​profeta Danjel, li x’aktarx kellu fuq id-​90 sena, xorta kien għadu jeżamina bir-​reqqa l-​kitba mqaddsa. Dak li sar jaf permezz taʼ l-​istudju tiegħu mill-​“kotba”​—li x’aktarx kienu jinkludu l-​kotba taʼ Levitiku, Isaija, Ġeremija, Hosegħa, u Għamos​—qanqlu biex ifittex lil Ġeħova b’talb ħerqan. (Danjel 9:​1, 2, Saydon) Din it-​talba ġiet imwieġba permezz taʼ informazzjoni ispirata rigward il-​miġja tal-​Messija u l-​futur tal-​qima pura.​—Danjel 9:​20-​27.

9, 10. Xi wħud x’għamlu biex iżommu moħħhom attiv?

9 Bħal Mosè u Danjel, aħna nistgħu nistinkaw biex inżommu moħħna attiv billi niffokaw fuq il-​kwistjonijiet spiritwali sakemm inkunu nistgħu. Ħafna hekk qed jagħmlu. Worth, anzjan Kristjan li għandu fuq it-​80 sena, jistinka biex iżomm ruħu aġġornat dwar l-​ikel spiritwali provdut mill-​“ilsir leali u għaqli.” (Mattew 24:45) Hu jgħid, “Jien tassew ngħożżha l-​verità, u ferħan li nara d-​dawl tal-​verità jkompli jitqawwa dejjem iktar.” (Proverbji 4:​18) B’mod simili, Fred, li qattaʼ iktar minn 60 sena fil-​ministeru full-time, isib li jissaħħaħ spiritwalment meta jibda diskussjonijiet minn fuq il-​Bibbja maʼ sħabu fit-​twemmin. “Irrid inżomm il-​Bibbja attiva f’moħħi,” hu jgħid. “Jekk tistaʼ żżomm il-​Bibbja attiva​—tagħmilha sinifikanti​—u jekk tistaʼ tpoġġi dak li qed titgħallem fil-​‘mudell taʼ kliem mimli saħħa,’ imbagħad ma jkollokx biċċiet taʼ informazzjoni ’l hemm u ’l hawn. Tkun tistaʼ tara kif kull biċċa tiffittja b’mod meraviljuż fil-​post xieraq tagħha.”​—2 Timotju 1:​13.

10 Li wieħed ikun avanzat fl-​età ma jfissirx li ma jistax jitgħallem affarijiet ġodda u diffiċli. Nies li għandhom fuq is-​60 sena, is-​70 sena, u saħansitra fuq it-​80 sena tgħallmu jaqraw jew tgħallmu lingwi ġodda. Xi wħud mix-​Xhieda taʼ Ġeħova għamlu dan bil-​mira li jaqsmu l-​aħbar tajba maʼ nies taʼ nazzjonalitajiet differenti. (Marku 13:10) Harry u martu kellhom fuq is-​60 sena meta ddeċidew li jmorru jgħinu fil-​qasam tal-​Portugiż. Harry jgħid, “Irridu nammettu li kwalunkwe biċċa xogħol fil-​ħajja ssir iktar diffiċli bl-​età.” Xorta waħda, bl-​isforz u l-​persistenza, huma rnexxielhom jikkonduċu studji tal-​Bibbja bil-​Portugiż. Harry issa ilu ħafna snin jagħti taħditiet fil-​konvenzjoni distrettwali bil-​lingwa ġdida tiegħu.

11. Għala qed nikkunsidraw dak li qed iwettqu wħud leali mdaħħlin fiż-​żmien?

11 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd għandu s-​saħħa jew iċ-​ċirkustanzi biex jaċċetta sfidi bħal dawn. Allura, għala qed nikkunsidraw x’wettqu xi wħud imdaħħlin fiż-​żmien? Żgur mhux biex nissuġġerixxu li kulħadd għandu jistinka biex iwettaq l-​istess affarijiet. Minflok, huwa l-​istess spirtu li wera l-​appostlu Pawlu meta kiteb lill-​Kristjani Ebrej rigward l-​anzjani leali tal-​kongregazzjoni: “Imitaw il-​fidi tagħhom, waqt li tosservaw bir-​reqqa r-​riżultat tal-​kondotta tagħhom.” (Ebrej 13:7) Meta nirriflettu fuq eżempji taʼ żelu bħal dawn, nistgħu ninkuraġġixxu ruħna biex nimitaw il-​fidi qawwija li tqanqal lil dawn l-​uħud imdaħħlin fiż-​żmien fis-​servizz tagħhom lil Alla. Waqt li jispjega x’inhu dak li jqanqlu, Harry, li issa għandu 87 sena, jgħid, “Nixtieq nuża s-​snin li baqagħli b’mod għaqli u nintuża kemm jistaʼ jkun fis-​servizz taʼ Ġeħova.” Fred, li ssemma qabel, iħoss sodisfazzjon kbir hekk kif jieħu ħsieb l-​inkarigu tiegħu f’Betel. Hu jgħid, “Int trid issib l-​aħjar mod kif tistaʼ taqdi lil Ġeħova u tibqaʼ f’dik il-​ħajja.”

Devoti Minkejja Bidliet fiċ-​Ċirkustanzi

12, 13. Barżillaj kif wera d-​devozzjoni lejn Alla minkejja li nbidlulu ċ-​ċirkustanzi?

12 Għandu mnejn ikun diffiċli li wieħed jaċċetta u jkampa mal-​bidliet fiżiċi. Però, xorta jistaʼ juri d-​devozzjoni lejn Alla minkejja bidliet bħal dawn. Rigward dan, Barżillaj il-​Gilgħadi huwa t’eżempju mill-​aqwa. Taʼ 80 sena, hu wera ospitalità straordinarja maʼ David u l-​armata tiegħu, billi pprovdielhom l-​ikel u fejn joqogħdu matul ir-​ribelljoni t’Absalom. Meta David kien se jirritorna lejn Ġerusalemm, Barżillaj akkumpanja lilu, kif ukoll lil dawk li kellu miegħu, sax-​Xmara Ġordan. David offra li jagħmel lil Barżillaj parti mill-​palazz irjali. Kif wieġbu Barżillaj? “Jiena llum għandi t-​tmenin sena tiegħi . . . Jistaʼ l-​qaddej tiegħek jiggosta li jiekol jew jixrob? Jew nistaʼ jien nismaʼ l-​leħen taʼ l-​għannejja rġiel jew nisa? . . . Hawn Kimħam; ħa jgħaddi maʼ sidi s-​sultan, u agħmel miegħu dak li jidhirlek tajjeb f’għajnejk.”​—2 Samwel 17:​27-​29; 19:​32-​41 (19:​31-​40, NW).

13 Minkejja li nbidlulu ċ-​ċirkustanzi, Barżillaj għamel dak kollu li setaʼ biex jappoġġa lis-​sultan maħtur taʼ Ġeħova. Għalkemm irrikonoxxa li s-​sens tiegħu li jtiegħem u s-​smigħ ma baqgħux bħalma kienu qabel, hu ma mteliex bl-​imrar. Minflok, billi rrikkmanda mingħajr egoiżmu lil Kimħam biex jirċievi l-​benefiċċji li ġew offruti, Barżillaj irrivela l-​personalità ġewwinija tiegħu. Bħal Barżillaj, ħafna wħud imdaħħlin fiż-​żmien illum juru spirtu t’altruiżmu u ġenerożità. Huma jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jappoġġaw il-​qima vera, billi jafu li “sagrifiċċji bħal dawn jogħġbu ħafna lil Alla.” X’barka li għandna wħud leali fostna!​—Ebrej 13:16.

14. L-​età avanzata taʼ David kif tagħmel il-​kliem dokumentat f’Salm 37:​23-​25 iktar sinifikanti?

14 Għalkemm iċ-​ċirkustanzi taʼ David inbidlu kemm-il darba maż-​żmien, hu baqaʼ konvint li Ġeħova dejjem jibqaʼ jieħu ħsieb il-​qaddejja leali tiegħu. Lejn l-​aħħar snin taʼ ħajtu, David ikkompona l-​għanja li llum hi magħrufa bħala Salm 37. Immaġina lil David jirrifletti, waqt li jdoqq l-​arpa u jkanta dan il-​kliem: “Il-​Mulej isaħħaħ il-​mixi tal-​bniedem, iwettqu u jitgħaxxaq bi triqtu. Jekk jaqaʼ, ma jmurx għal tulu fl-​art, għax il-​Mulej iżommlu idu. Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-​ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom.” (Salm 37:​23-​25) Ġeħova ra xieraq li jinkludi r-​referenza għall-​età taʼ David f’dan is-​salm ispirat. X’sentimenti profondi joħorġu flimkien maʼ dan il-​kliem mill-​qalb!

15. L-​appostlu Ġwanni kif ta eżempju mill-​aqwa taʼ lealtà minkejja bidliet fiċ-​ċirkustanzi u x-​xjuħija?

15 Eżempju ieħor mill-​aqwa taʼ lealtà minkejja bidliet fiċ-​ċirkustanzi u l-​età avanzata hu dak taʼ l-​appostlu Ġwanni. Wara li qeda lil Alla għal kważi 70 sena, Ġwanni ġie eżiljat fuq il-​gżira taʼ Patmos ‘talli tkellem dwar Alla u xehed dwar Ġesù.’ (Rivelazzjoni 1:9) Madankollu, xogħlu kien għadu mhux lest. Fil-​fatt, il-​kitbiet kollha fil-​Bibbja li kiteb Ġwanni nkitbu fl-​aħħar snin taʼ ħajtu. Waqt li kien f’Patmos, hu ngħata l-​viżjoni taʼ l-​għaġeb tar-​Rivelazzjoni, li niżżilha bil-​miktub bir-​reqqa. (Rivelazzjoni 1:​1, 2) Huwa maħsub li hu ġie meħlus mill-​eżilju matul ir-​renju taʼ l-​Imperatur Ruman Nerva. Wara dan, madwar is-​sena 98 E.K., meta x’aktarx kellu 90 jew 100 sena, Ġwanni kiteb l-​Evanġelju u t-​tliet ittri li jġibu ismu.

Rekord taʼ Sabar li Ma Jgħibx

16. Dawk li tilfu l-​abbiltà tagħhom li jikkomunikaw kif jistgħu juru d-​devozzjoni tagħhom lejn Ġeħova?

16 Il-​limitazzjonijiet jistgħu jkunu f’diversi forom u f’livelli differenti. Per eżempju, xi individwi saħansitra tilfu l-​abbiltà tagħhom li jikkomunikaw. Madankollu, huma xorta għadhom jgħożżu memorji sbieħ taʼ l-​imħabba u l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. Għalkemm limitati f’dak li jistgħu jgħidu b’fommhom, f’qalbhom huma qed jgħidu lil Ġeħova: “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek! Il-​jum kollu ħsiebi fiha.” (Salm 119:97) Ġeħova, min-​naħa tiegħu, jaf min huma “dawk li jafdaw f’Ismu,” u hu japprezza kemm huma differenti dawn l-​uħud mill-​biċċa l-​kbira mill-​bnedmin, li ma juru l-​ebda interess fil-​mogħdijiet tiegħu. (Malakija 3:​16; Salm 10:4) Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova jitgħaxxaq bil-​meditazzjoni taʼ qalbna!​—1 Kronaki 28:9; Salm 19:15 (19:​14, NW).

17.Dawk li ilhom jaqdu lil Ġeħova x’kisbu li hu tassew uniku?

17 Ma rridux ninsew il-​fatt li dawk li ilhom jaqdu lil Ġeħova lealment għal għaxriet taʼ snin kisbu xi ħaġa li hi tassew unika u li ma tistax tinkiseb b’mod ieħor​—rekord li ma jgħibx taʼ sabar. Ġesù qal: “Bis-​sabar tagħkom tiksbu ruħkom.” (Luqa 21:19) Is-​sabar huwa essenzjali biex niksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Intom li “għamiltu r-​rieda t’Alla” u tajtu prova tal-​lealtà tagħkom bil-​mod taʼ ħajja li għextu tistgħu tħarsu ’l quddiem biex tirċievu “t-​twettiq tal-​wegħda.”​—Ebrej 10:36.

18. (a) Ġeħova x’jitgħaxxaq jara rigward dawk imdaħħlin fiż-​żmien? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

18 Ġeħova jgħożż is-​servizz li tagħtih b’ruħek kollha kemm jekk hu ftit u kemm jekk hu ħafna. Minkejja dak li jistaʼ jkun qed jiġrilu ‘l-​bniedem minn barra’ hekk kif jikber fl-​età, ‘il-​bniedem minn ġewwa’ jistaʼ jiġġedded minn jum għall-​ieħor. (2 Korintin 4:​16) M’hemm l-​ebda dubju li Ġeħova japprezza dak li wettaqt fil-​passat, imma huwa ċar daqs il-​kristall li hu japprezza wkoll dak li qed tagħmel issa għal ismu. (Ebrej 6:​10) Fl-​artiklu li jmiss, se nikkunsidraw l-​effetti tassew kbar taʼ lealtà bħal din.

Int Kif Twieġeb?

• Liema eżempju mill-​aqwa ħalliet Anna għall-​Kristjani mdaħħlin fiż-​żmien illum?

• Għala l-​età mhux bilfors tillimita lil dak li jkun milli jwettaq affarijiet fil-​ħajja?

• L-​uħud imdaħħlin fiż-​żmien kif jistgħu jkomplu juru d-​devozzjoni lejn Alla?

• Ġeħova kif iqisu s-​servizz li jagħtuh dawk imdaħħlin fiż-​żmien?

[Stampa f’paġna 23]

Danjel, li kien imdaħħal fiż-​żmien, sar jaf mill-​“kotba” kemm kellu jdum l-​eżilju taʼ Ġuda

[Stampi f’paġna 25]

Ħafna wħud imdaħħlin fiż-​żmien huma t’eżempju fl-​attendenza regulari tagħhom għal-​laqgħat, fl-​ippridkar żeluż, u fil-​ħerqa li għandhom biex jitgħallmu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja