Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Is-Sultan Sawl għala staqsa lil David, “Bin min int, żagħżugħ?” wara li David qatel lil Gulija, minkejja li Sawl iktar qabel kien bagħat għal David biex ikun qaddej tiegħu?—1 Samwel 16:22; 17:58.
Tweġiba sempliċi hi li Sawl nesa min kien David minħabba li l-ewwel darba li ltaqgħu kien għal ftit ħin biss. Madankollu, dan jidher li m’huwiex il-każ, ladarba r-rakkont fl-1 Samwel 16:18-23 juri li s-Sultan Sawl kien bagħat speċifikament għal David u sar iħobbu ħafna tant li għamlu l-iskudier tiegħu. Milli jidher Sawl kien jafu sew lil David.
Xi studjużi tal-Bibbja jikkunsidraw il-versi fl-1 Samwel 17:12-31 u 17:55-–18:5 bħala li ġew miżjuda iktar tard minħabba li dawn il-versi ma jinstabux f’ċerti kopji tas-Settanta Griega, traduzzjoni taʼ l-Iskrittura Ebrajka li tlestiet fit-tieni seklu Q.E.K. Madankollu, m’huwiex għaqli li tasal għal konklużjoni bħal din fuq il-bażi taʼ dawn il-kopji tas-Settanta biss, ladarba dawn is-siltiet jidhru f’manuskritti awtoritattivi oħrajn taʼ l-Iskrittura Ebrajka.a
Milli jidher, billi staqsa l-ewwel lil Abner imbagħad lil David innifsu, Sawl ma kienx biss interessat f’li jkun jaf x’jismu missier David. Wara li ra aspett ieħor tal-personalità taʼ David, bħala raġel taʼ fidi u kuraġġ kbir li kien għadu kif għeleb lil Gulija, Sawl xtaq li jkun jaf x’tip taʼ raġel hu dak li kien rabba lil dan iż-żagħżugħ. Sawl setaʼ kellu f’moħħu li jżid fl-armata lil Ġesse, missier David, jew membri oħrajn mill-familja tiegħu, ladarba l-kuraġġ u l-qlubija li dehru f’David setgħu jkunu wkoll fihom.
Għalkemm l-1 Samwel 17:58 jinkludi biss tweġiba qasira minn David, “bin il-qaddej tiegħek Ġesse, il-Betlemita,” dak li jsegwi wara jissuġġerixxi li setaʼ kien hemm konversazzjoni itwal. Fuq dan il-punt, innota xi kkummentaw C. F. Keil u F. Delitzsch: “Huwa evidenti ħafna mill-espressjoni [fl-1 Samwel 18:1], ‘meta hu spiċċa jitkellem maʼ Sawl,’ li Sawl kompla jiddiskuti miegħu iktar fit-tul dwar il-familja tiegħu, ladarba din l-espressjoni timplika konversazzjoni fit-tul.”
Minn dan kollu nistgħu nikkonkludu li bil-mistoqsija tiegħu, “Bin min int, żagħżugħ?” Sawl kellu l-intenzjoni li jiskopri, mhux lidentità taʼ David, li hu diġà kien jafha, imma ried ikun jaf dwar l-isfond tiegħu.
[Nota taʼ taħt]
a Rigward l-awtentiċità tas-siltiet li ġew maqbuża fis-Settanta, ara l-Insight on the Scriptures, it-Tieni Volum, paġna 855, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 31]
Sawl għala staqsa lil David bin min kien?