Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Għamel ħażin Ġakobb meta għamilha t’Għesaw, kif inhu mniżżel f’Ġenesi 27:18, 19?
Għandu mnejn li int familjari maʼ dan ir-rakkont. Fi xjuħitu Iżakk qal lil Għesaw biex imur jaqbadlu l-kaċċa, billi qallu: “Ħalli nikolha u nbierkek qabel ma mmut.” Minħabba li semgħet dak li qal żewġha, Rebekka lestiet ikla tajba u qalet lil Ġakobb: “Int [tieħu l-ikel] lil missierek, u hu jiekol; u mbagħad ibierkek qabel ma jmut.” Imbagħad Ġakobb, liebes il-ħwejjeġ t’Għesaw u b’għonqu u idejh miksijin bil-ġlud tal-gidjien, mar ħdejn missieru b’ikla bnina. Meta Iżakk staqsieh, “Min inti, ibni?” Ġakobb wieġeb: “Jiena Għesaw, il-kbir tiegħek.” Iżakk emmnu u bierku.—Ġenesi 27:1-29.
Il-Bibbja ma tagħtix id-dettalji kollha dwar għala Rebekka u Ġakobb aġixxew kif aġixxew, però tindika li s-sitwazzjoni qamet f’ħakka t’għajn. Għandna ninnotaw li l-Kelma t’Alla la tiġġustifika u lanqas ma tikkundanna dak li għamlu Rebekka u Ġakobb, u għalhekk dan ir-rakkont ma jagħtix eżempju taʼ gideb u qerq. Madankollu, il-Bibbja titfaʼ dawl fuq is-sitwazzjoni.
L-ewwelnett, ir-rakkont jagħmilha ċara li Ġakobb kien intitolat għall-barka taʼ missieru; Għesaw ma kienx. Iktar kmieni, Ġakobb kien xtara legalment il-primoġenitura mingħand ħuh it-tewmi li ma weriex apprezzament u li biegħa għal ikla biex jissodisfa l-ġuħ tiegħu. Għesaw “ma stmaha xejn” il-primoġenitura. (Ġenesi 25:29-34) Għalhekk, meta avviċina lil missieru, Ġakobb kien qed ifittex barka li bi dritt kienet tiegħu.
It-tieninett, meta Iżakk irrealizza li kien ta l-barka lil Ġakobb, ma pprovax ibiddel dak li kien għamel. Forsi ftakar f’dak li Ġeħova kien qal lil Rebekka qabel ma twieldu t-tewmin: “Il-kbir jaqdi liż-żgħir.” (Ġenesi 25:23) Taʼ min jinnota wkoll li meta Ġakobb kien se jitlaq lejn Ħaran, Iżakk żied il-barka li kien tah qabel.—Ġenesi 28:1-4.
Fl-aħħarnett, għandna niftakru li Ġeħova kien kemm konxju kif ukoll interessat f’dak li kien qed iseħħ. Il-barka li Iżakk ta kienet marbuta mal-wegħda t’Alla lil Abraham. (Ġenesi 12:2-4 [12:2, 3, NW]) Kieku Alla ma riedx li l-barka tingħata lil Ġakobb, hu setaʼ ndaħal b’xi mod jew ieħor. Minflok, Ġeħova kkonferma l-kwistjoni lil Ġakobb, billi qal: “Jitbierku bik u bin-nisel tiegħek it-tribujiet kollha taʼ l-art.”—Ġenesi 28:10-15.