LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 12/15 pp. 21-25
  • Ebda Arma Magħmula Kontrik Ma Tiswa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ebda Arma Magħmula Kontrik Ma Tiswa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Armi taʼ Satana Ma Jirnexxux
  • Ilsna Foloz Kundannati
  • Ġerusalemm —“Ġebla tat-​Tagħbija”
  • Salvati “t-​Tined taʼ Ġuda”
  • Erbaʼ karrijiet u kuruna jipproteġuk
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • “Ħobbu s-Sewwa u s-Sliem”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Punti Prinċipali mill-Kotba taʼ Ħaggaj u Żakkarija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ħa Jissaħħu Idejkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 12/15 pp. 21-25

Ebda Arma Magħmula Kontrik Ma Tiswa

“Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa.”—ISAIJA 54:17.

1, 2. L-​esperjenzi tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Albanija kif juru kemm hu veru l-​kliem taʼ Isaija 54:17?

SNIN ilu, f’pajjiż żgħir muntanjuż fix-​xlokk taʼ l-​Ewropa, kien hemm grupp taʼ Kristjani qalbenin. Gvern Komunist ateu għamel minn kollox biex jeqridhom. Madankollu, la t-​tortura, la l-​kampijiet tax-​xogħol forzat, u lanqas l-​attakki fil-​mezzi tax-​xandir ma setgħu jeqirduhom. Dawn min kienu? Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Albanija. Għalkemm kien diffiċli għall-​aħħar li jiltaqgħu flimkien u li jippridkaw, il-​persistenza tagħhom għal snin sħaħ eżaltat u onorat lill-​Kristjanità u ġabet tifħir lil isem Ġeħova. Is-​sena l-​oħra fid-​dedikazzjoni tal-​fergħa l-​ġdida tagħhom, Xhud leali li ilu jaqdi għal ħafna snin qal: “Minkejja li Satana jagħmel minn kollox, hu jibqaʼ jitlef u Ġeħova jibqaʼ jirbaħ!”

2 Dan kollu hu prova ħajja taʼ kemm hija vera l-​wegħda t’Alla lill-​poplu tiegħu li hija mniżżla f’Isaija 54:17: “Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa, u kull ilsien li jħaqqaq kontrik toħorġu b’ħati.” L-​istorja tad-​dinja tikkonferma li jagħmel x’jagħmel Satana, ma jistax iwaqqaf il-​qima li jirċievi Alla Ġeħova mingħand il-​qaddejja dedikati tiegħu.

L-​Armi taʼ Satana Ma Jirnexxux

3, 4. (a) X’jinkludu l-​armi taʼ Satana? (b) L-​armi tax-​Xitan b’liema mod ma rnexxewx?

3 L-​armi użati kontra l-​aduraturi veri kienu jinkludu projbizzjonijiet, attakki vjolenti minn marmalji, tfigħ fil-​ħabs, u “qerq taħt il-​libsa tal-​liġi.” (Salm 94:20) Fil-​fatt, f’xi pajjiżi, proprju waqt li x-​Xhieda taʼ Ġeħova qed jistudjaw dan l-​artiklu, dawn il-​Kristjani veri qed ‘jiġu provati’ rigward l-​integrità tagħhom lejn Alla.—Rivelazzjoni 2:10.

4 Per eżempju, wieħed mill-​uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova rrapporta li f’sena waħda biss, kien hemm 32 każ li fihom il-​qaddejja t’Alla ġew attakkati fiżikament waqt li kienu qed jieħdu sehem fil-​ministeru. Barra minn hekk, kien hemm 59 inċident li fihom il-​pulizija arrestat Xhieda—żgħar u kbar, irġiel u nisa—li kienu qed jippridkaw pubblikament. Xi wħud minn dawn ittiħdulhom il-​marki tas-​swabaʼ, ħadulhom ritratt, u ġew mitfugħin il-​ħabs daqslikieku kienu kriminali. Oħrajn ġew mheddin bi ħsara fiżika. F’pajjiż ieħor, issa hemm iktar minn 1,100 każ dokumentat taʼ Xhieda taʼ Ġeħova li ġew arrestati, immultati, jew imsawtin. Iktar minn 200 minn dawn il-​każi ġraw dakinhar li x-​Xhieda kienu miġburin flimkien biex jikkommemoraw il-​mewt taʼ Ġesù! Minkejja dan, l-​ispirtu taʼ Ġeħova għen lill-​poplu tiegħu jibqaʼ ħaj avolja kien hemm dawn iċ-​ċirkustanzi diffiċli ferm, sew f’dawn il-​pajjiżi u sew f’pajjiżi oħrajn. (Żakkarija 4:6) Il-​korla ħarxa taʼ l-​għadu m’hijiex se ssikket lil dawk li qed ifaħħru lil Ġeħova. Iva, aħna fiduċjużi li ebda arma ma tistaʼ tegħleb l-​iskop t’Alla.

Ilsna Foloz Kundannati

5. Liema ilsna foloz qamu kontra l-​qaddejja taʼ Ġeħova fl-​ewwel seklu?

5 Isaija pprofetizza li l-​poplu t’Alla kellu jikkundanna kull ilsien li jqum kontrih. Fl-​ewwel seklu, il-​Kristjani taʼ spiss kienu jiġu rappreżentati ħażin, impinġijin bħala nies ħżiena. Il-​kliem li nsibu f’Atti 16:20, 21 jagħtina eżempju taʼ dawn l-​akkużi: “Dawn l-​irġiel qed ifixklu ferm lill-​belt tagħna, . . . u qed ixandru drawwiet li skond il-​liġi tagħna, bħala Rumani, ma nistgħux naċċettawhom jew nipprattikawhom.” F’okkażjoni oħra, għedewwa reliġjużi pprovaw ixewxu lill-​mexxejja tal-​belt biex jieħdu passi kontra s-​segwaċi taʼ Kristu, billi qalu: “Dawn l-​irġiel li qalbu d-​dinja taʼ taħt fuq qegħdin preżenti hawnhekk ukoll, u [dawn] qed jaġixxu kontra d-​digrieti taʼ Ċesari.” (Atti 17:6, 7) L-​appostlu Pawlu ġie timbrat li kien “bħall-​pesta” u li kien il-​mexxej taʼ setta li kienet qed tqajjem rewwixti “fl-​art abitata.”—Atti 24:2-5.

6, 7. Liema huwa mod wieħed kif il-​Kristjani veri jikkundannaw l-​attakki verbali kontrihom?

6 Għaldaqstant, ma nistagħġbux li l-​Kristjani veri llum jiġu rappreżentati ħażin apposta, saħansitra jintqal gideb malizzjuż fuqhom, u tinħareġ informazzjoni kontrihom biex iċċappsilhom ġieħhom. B’liema mod nikkundannaw attakki verbali bħal dawn?—Isaija 54:17.

7 Il-​kondotta tajba tax-​Xhieda taʼ Ġeħova tgiddeb dawn l-​akkużi u l-​propaganda ħażina. (1 Pietru 2:12) Meta l-​Kristjani jagħtu prova li huma ċittadini onesti li jobdu l-​liġijiet, li huma nies taʼ prinċipji morali tajbin, u li juru interess ġenwin fil-​benesseri tal-​bnedmin sħabhom, l-​akkużi li jsiru kontrihom jintwerew li huma foloz. Il-​kondotta tajba tagħna titkellem għaliha nfisha. Hekk kif oħrajn jinnotaw il-​perseveranza tagħna f’għemejjel tajbin, taʼ spiss huma jħossuhom imqanqlin biex jigglorifikaw lil Missierna tas-​sema u jirrikonoxxu li l-​mod kif jgħixu l-​qaddejja tiegħu huwa superjuri.—Isaija 60:14; Mattew 5:14-16.

8. (a) Xi drabi x’jistaʼ jkollna bżonn nagħmlu biex niddefendu l-​pożizzjoni tagħna bbażata fuq l-​Iskrittura? (b) Bħal Ġesù, kif nikkundannaw ilsna li jopponu?

8 Minbarra l-​kondotta Kristjana tagħna, xi drabi għandu mnejn ikollna bżonn niddefendu bil-​qlubija l-​pożizzjoni tagħna bbażata fuq l-​Iskrittura. Mod wieħed huwa billi nappellaw lill-​gvernijiet u lill-​qrati għall-​protezzjoni. (Ester 8:3; Atti 22:25-29; 25:10-12) Meta Ġesù kien fuq l-​art, xi drabi hu kien jargumenta maʼ dawk li kienu jikkritikawh, biex jiċħad l-​akkużi foloz tagħhom. (Mattew 12:34-37; 15:1-11) Bħal Ġesù, aħna nilqgħu l-​opportunità li nagħtu lil oħrajn spjegazzjoni ċara taʼ l-​affarijiet li aħna konvinti minnhom b’qalbna kollha. (1 Pietru 3:15) Jalla qatt ma nieqfu nxandru l-​verità tal-​Kelma t’Alla għax nibżgħu li jirridikolawna sħabna taʼ l-​iskola jew tax-​xogħol, jew xi qraba li ma jemmnux bħalna.—2 Pietru 3:3, 4.

Ġerusalemm —“Ġebla tat-​Tagħbija”

9. Liema Ġerusalemm hi simbolizzata mill-​“ġebla tat-​tagħbija” msemmija f’Żakkarija 12:3, u min jirrappreżentaha fuq l-​art?

9 Il-​profezija taʼ Żakkarija tirrivela r-​raġuni għala l-​ġnus jopponu l-​Kristjani veri. Innota x’jgħid Żakkarija 12:3: “Jiġri dakinhar li lil Ġerusalemm nagħmilha bħal ġebla tat-​tagħbija għall-​popli kollha.” Għal liema Ġerusalemm qed tirreferi din il-​profezija? Il-​profezija taʼ Żakkarija dwar Ġerusalemm tapplika għal “Ġerusalemm tas-​sema,” is-​Saltna tas-​sema li għaliha ġew imsejħin il-​Kristjani midlukin. (Ebrej 12:22) Fdal żgħir minn dawn il-​werrieta tas-​Saltna Messjanika għadu fuq l-​art. Flimkien maʼ sħabhom, in-​“nagħaġ oħrajn,” huma jħeġġu lin-​nies biex isiru sudditi tas-​Saltna t’Alla waqt li għad għandhom iċ-​ċans. (Ġwanni 10:16; Rivelazzjoni 11:15) Il-​ġnus kif irreaġixxew għal din l-​istedina? U liema xorta t’appoġġ jagħti Ġeħova lill-​aduraturi veri llum? Ejja niskopru, hekk kif inkomplu neżaminaw it-​tifsir taʼ Żakkarija kapitlu 12. Waqt li nagħmlu dan, niksbu ċ-​ċertezza li ‘ebda arma ma tiswa’ kontra l-​midlukin t’Alla u sħabhom li huma dedikati lilu.

10. (a) Il-​poplu t’Alla għala qed jiġi attakkat? (b) Xi ġralhom dawk li pprovaw ineħħu min-​nofs il-​“ġebla tat-​tagħbija”?

10 Żakkarija 12:3 jindika li l-​ġnus ‘ikorru sewwa.’ Dan kif jiġri? Alla ddikjara li trid tiġi pridkata l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jiħduh bis-​serjetà l-​obbligu li jippridkaw. Madankollu, l-​ipproklamar tas-​Saltna bħala l-​unika tama għall-​bnedmin sar “ġebla tat-​tagħbija” għall-​ġnus. Huma jipprovaw ineħħuha min-​nofs billi jipprovaw ifixklu lill-​predikaturi tas-​Saltna. Meta għamlu hekk, il-​ġnus li ndaħlu fl-​ippridkar tas-​Saltna, ‘korrew sewwa,’ imtlew b’ħafna ġrieħi. Anki r-​reputazzjoni tagħhom ġarrbet il-​ħsara minħabba telfiet umiljanti. Huma ma jistgħux isikktu lill-​aduraturi veri li jgħożżu l-​privileġġ li jxandru l-​“aħbar tajba taʼ dejjem” dwar is-​Saltna Messjanika t’Alla qabel it-​tmiem taʼ din is-​sistema. (Rivelazzjoni 14:6) Meta ra l-​vjolenza li saret lix-​Xhieda taʼ Ġeħova, gwardjan tal-​ħabs f’pajjiż Afrikan qal fi ftit kliem: ‘Qed titħabtu għalxejn billi tippersegwitaw lil dawn in-​nies. M’humiex se jagħmlu kompromess. Sempliċement ikomplu jiżdiedu.’

11. Alla kif żamm il-​wegħda tiegħu li nsibu f’Żakkarija 12:4?

11 Aqra Żakkarija 12:4. Ġeħova jagħmel il-​wegħda li se jagħmi u ‘jbellah’ b’mod figurattiv lil dawk li jiġġieldu kontra l-​messaġġiera kuraġġużi tas-​Saltna tiegħu. U hu żamm kelmtu. Per eżempju, f’pajjiż fejn il-​qima vera kienet taħt projbizzjoni, dawk li jopponu ma setgħux iżommu l-​ikel spiritwali milli jasal f’idejn il-​poplu t’Alla. Gazzetta minnhom saħansitra qalet li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu qed jużaw il-​blalen taʼ l-​ajru biex idaħħlu l-​letteratura Biblika fil-​pajjiż! Il-​wegħda t’Alla lill-​qaddejja tiegħu seħħet: “Nixħet għama fuq iż-​żwiemel kollha tal-​popli.” L-​għedewwa tas-​Saltna ma jafux fejn se jaqbdu jagħtu rashom għax il-​qilla tagħhom għamiethom. Madankollu, aħna konvinti li Ġeħova se jeħles lill-​poplu tiegħu bħala grupp u jieħu ħsiebu.—2 Slaten 6:15-19.

12. (a) Ġesù f’liema sens qabbad nar meta kien fuq l-​art? (b) Il-​fdal midluk kif qabbad ħuġġieġa b’mod spiritwali, u b’liema riżultat?

12 Aqra Żakkarija 12:5, 6. “Il-​kbarat taʼ Ġuda” (Saydon) jirreferu għal dawk li jindokraw il-​poplu t’Alla. Lil dawn Ġeħova jimliehom b’żelu jħeġġeġ biex ikunu jistgħu jappoġġaw l-​interessi tas-​Saltna tiegħu fuq l-​art. Darba minnhom, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Ġejt inqabbad nar fuq l-​art.” (Luqa 12:49) Verament li hekk għamel. Bl-​attività żeluża tiegħu taʼ l-​ippridkar, Ġesù għamel il-​messaġġ dwar is-​Saltna t’Alla l-​iktar suġġett importanti. Dan qajjem kontroversja kbira fil-​ġens Lhudi kollu. (Mattew 4:17, 25; 10:5-7, 17-20) Bl-​istess mod, “bħal kenur imħeġġeġ qalb l-​injam, bħal torċa mqabbda qalb il-​qatet,” is-​segwaċi taʼ Kristu fi żmienna qabbdu ħuġġieġa b’mod spiritwali. Il-​ktieb The Finished Mysterya li ħareġ fl-​1917 kixef bla tlaqliq l-​ipokrisija tal-​Kristjaneżmu. Dan ġab reazzjoni ħarxa mill-​kleru. Fi żmien iktar reċenti, l-​Aħbar tas-​Saltna Nru. 37, “It-​Tmiem tar-​Reliġjon Falza Huwa fil-​Qrib!” qanqlet lil ħafna nies jieħdu deċiżjoni rigward is-​Saltna t’Alla, jekk humiex favur tagħha jew kontriha.

Salvati “t-​Tined taʼ Ġuda”

13. X’tindika l-​espressjoni “t-​tined taʼ Ġuda,” u Ġeħova għala jsalva lil dawk li jiġu effettwati?

13 Aqra Żakkarija 12:7, 8. F’Iżrael tal-​qedem, it-​tined kienu dehra tipika fil-​pajjiż, billi xi drabi kienu jintużaw mir-​rgħajja u l-​bdiewa. Dawn in-​nies kienu minn taʼ l-​ewwel li jiġu effettwati u kien ikollhom bżonn il-​protezzjoni jekk xi ġens għadu kien jiġi jattakka l-​belt taʼ Ġerusalemm. L-​espressjoni “t-​tined taʼ Ġuda” tindika li l-​fdal midluk fi żmienna jinsab fl-​għelieqi fil-​beraħ, biex ngħidu hekk, u mhux fi bliet fortifikati. Hemmhekk, qed jiddefendi bla biżaʼ l-​interessi tas-​Saltna Messjanika. Ġeħova taʼ l-​armati se jsalva “t-​tined taʼ Ġuda l-​ewwel” għaliex dawn huma l-​mira prinċipali taʼ l-​attakki taʼ Satana.

14. Ġeħova kif jiddefendi lil dawk fit-​“tined taʼ Ġuda” u ma jħallihomx jogħtru?

14 Tabilħaqq, l-​istorja turi li Ġeħova qed jiddefendi lil dawn l-​ambaxxaturi midlukin tas-​Saltna fit-​“tined” tagħhom barra fl-​għelieqi.b Hu ma jħallihomx ‘jogħtru’ għax jagħmilhom b’saħħithom u kuraġġużi bħal David, is-​sultan gwerrier.

15. Ġeħova għala ‘jfittex jeqred il-​ġnus kollha,’ u meta jagħmel dan?

15 Aqra Żakkarija 12:9. Ġeħova għala ‘jfittex jeqred il-​ġnus kollha’? Għaliex huma jopponu b’mod persistenti s-​Saltna Messjanika. Minħabba li huma jaħqru u jippersegwitaw il-​poplu t’Alla, huma jinsabu kundannati. Dalwaqt l-​aġenti taʼ Satana fuq l-​art se jagħmlu attakk finali fuq l-​aduraturi veri t’Alla, li jwassal għas-​sitwazzjoni dinjija deskritta fil-​Bibbja bħala Ħar–Magedon. (Rivelazzjoni 16:13-16) B’reazzjoni għal dan l-​attakk, l-​Imħallef Suprem se jiddefendi lill-​qaddejja tiegħu u jqaddes ismu fost il-​ġnus.—Eżekjel 38:14-18, 22, 23.

16, 17. (a) X’inhu “l-​wirt tal-​qaddejja tal-​Mulej”? (b) Meta nissaportu l-​attakki taʼ Satana taʼ xiex inkunu qed nagħtu prova?

16 Satana m’għandu ebda arma li tistaʼ ddgħajjef il-​fidi jew tnaqqas iż-​żelu tal-​poplu t’Alla maʼ l-​art kollha. Il-​paċi spiritwali tagħna, li tiġi mingħand il-​qawwa li għandu Ġeħova biex isalva, hija “l-​wirt tal-​qaddejja tal-​Mulej.” (Isaija 54:17, Saydon) Ħadd ma jistaʼ bil-​forza jċaħħadna mill-​paċi u l-​prosperità spiritwali tagħna. (Salm 118:6) Satana se jkompli jrewwaħ in-​nar taʼ l-​oppożizzjoni u jipprova jqajjem l-​inkwiet. Jekk nissaportu lealment minkejja t-​tmaqdir, dan ikun prova li l-​ispirtu t’Alla qiegħed fuqna. (1 Pietru 4:14) L-​aħbar tajba tas-​Saltna stabbilita taʼ Ġeħova qed tiġi mxandra mad-​dinja kollha. Twaddab ħafna “ċagħak taʼ l-​iżbandoli” simboliku b’oppożizzjoni għall-​poplu t’Alla biex jipprova jbeżżgħu u jfixklu. Madankollu, bis-​saħħa mingħand Ġeħova, il-​qaddejja tiegħu għelbu dan iċ-​“ċagħak” u l-​effett tiegħu ma nħassx. (Żakkarija 9:15) Ħadd m’hu se jirnexxilu jwaqqaf lill-​fdal midluk u lil sħabhom li huma leali!

17 Aħna nħarsu ’l quddiem lejn il-​ħelsien sħiħ mill-​attakki tax-​Xitan. Kemm aħna mfarrġin bil-​garanzija li ‘ebda arma magħmula kontrina ma tiswa, u kull ilsien li jħaqqaq kontrina noħorġuh b’ħati’!

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova imma issa m’għadux jiġi stampat.

b Għal iktar dettalji, ara l-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, paġni 675-6, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Int Kif Twieġeb?

• X’juri li l-​armi taʼ Satana ma rnexxewx?

• Ġerusalemm tas-​sema kif issir “ġebla tat-​tagħbija”?

• Ġeħova kif isalva “t-​tined taʼ Ġuda”?

• Hekk kif nersqu qrib Armageddon, dwar liema ħaġa int fiduċjuż?

[Stampi f’paġna 21]

Il-​poplu taʼ Ġeħova fl-​Albanija baqaʼ leali minkejja l-​attakki taʼ Satana

[Stampa f’paġna 23]

Ġesù ċaħad akkużi foloz

[Stampi f’paġna 24]

L-​ebda arma magħmula kontra dawk li jxandru l-​aħbar tajba ma tirnexxi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja