Kont Taf?
L-astroloġi meta żaru lil Ġesù?
Fl-Evanġelju taʼ Mattew jintqalilna li “astroloġi mill-inħawi tal-lvant” żaru lil Ġesù u ġabulu xi rigali. (Mattew 2:1-12) Ma jintqalx kemm kien hemm minn dawn l-astroloġi, jew maġi, li żaru liċ-ċkejken Ġesù, u m’hemm l-ebda bażi soda għall-idea tradizzjonali li kienu tlieta; lanqas ma jintqalilna x’jisimhom fir-rakkont Bibliku.
In-New International Version Study Bible jagħmel dan il-kumment dwar Mattew 2:11: “Għall-kuntrarju tat-tradizzjoni, il-Maġi ma żarux lil Ġesù meta kien fil-maxtura, f’dak il-lejl stess li twieled, bħalma għamlu r-rgħajja. Huma marru xi xhur wara u żaruh bħala ‘tifel’ ġo ‘daru.’” Dan hu konfermat mill-fatt li Erodi, meta pprova joqtol lit-tifel ċkejken, ordna li f’Betlehem u fid-distretti tagħha jinqatlu s-subien kollha li kellhom minn sentejn ’l isfel. Hu għażel din l-età billi kkalkula “skond iż-żmien li kien tkixxef bir-reqqa mingħand l-astroloġi.”—Mattew 2:16.
Kieku dawn l-astroloġi żaru lil Ġesù f’dak il-lejl stess li twieled u ħadulu deheb u rigali prezzjużi oħrajn, x’aktarx li Marija ma kinitx toffri biss żewġ għasafar meta ppreżentat lil Ġesù fit-tempju f’Ġerusalemm 40 jum wara. (Luqa 2:22-24) Dan il-provvediment fil-Liġi kien għan-nies foqra li ma kinux jifilħu joffru ħaruf. (Levitiku 12:6-8) Madankollu, dawn ir-rigali prezzjużi setgħu kienu f’waqthom u siewja biex ikopru l-ispejjeż marbutin maż-żmien li l-familja taʼ Ġesù qattgħet fl-Eġittu.—Mattew 2:13-15.
Ġesù għala ħa erbat ijiem biex jasal ħdejn il-qabar taʼ Lazzru?
Bażikament, mid-dehra Ġesù apposta ppjanahom hekk l-affarijiet. Għala nistgħu ngħidu dan? Ikkunsidra r-rakkont imniżżel fi Ġwanni kapitlu 11.
Meta Lazzru, li kien joqgħod Betanja u li kien ħabib taʼ Ġesù, marad serjament, ħutu bagħtu jgħidu b’dan lil Ġesù. (Versi 1-3) Dakinhar Ġesù kien madwar vjaġġ taʼ jumejn ’il bogħod minn Betanja. (Ġwanni 10:40) Evidentement, bejn wieħed u ieħor, Lazzru miet fiż-żmien meta l-aħbar waslet għand Ġesù. X’għamel Ġesù? Hu “baqaʼ jumejn oħra fejn kien,” u mbagħad telaq lejn Betanja. (Versi 6, 7) Għaldaqstant, billi qagħad jistenna jumejn u mbagħad ivvjaġġa jumejn, hu wasal ħdejn il-qabar erbat ijiem wara l-mewt taʼ Lazzru.—Vers 17.
Iktar kmieni, Ġesù kien wettaq żewġ każijiet taʼ rxoxt—wieħed eżatt mal-mewt tal-persuna u l-ieħor x’aktarx wettqu xi ftit tal-ħin wara, dakinhar stess li miet l-individwu. (Luqa 7:11-17; 8:49-55) Setaʼ hu jqajjem lil xi ħadd li kien ilu mejjet erbat ijiem u li ġismu kien diġà beda jitħassar? (Vers 39) Taʼ interess, xogħol taʼ referenza Biblika jgħid li fost il-Lhud kien hemm it-twemmin li “ma kien hemm ebda tama għall-persuna li tkun ilha mejta erbat ijiem; sa dak il-ħin il-ġisem ikun qed juri biċ-ċar li qed jitħassar, u r-ruħ, li kien maħsub li kienet toqgħod titlajja fuq il-ġisem għal tlett ijiem, tkun telqet.”
Jekk fost dawk miġburin ħdejn il-qabar kien hemm xi ħadd li kellu xi dubju, hu kien se jara b’għajnejh stess il-qawwa taʼ Ġesù fuq il-mewt. Wieqaf ħdejn il-qabar miftuħ, Ġesù għajjat: “Lazzru, oħroġ!” Imbagħad “dak li qabel kien mejjet ħareġ.” (Versi 43, 44) L-irxoxt, u mhux l-idea falza li r-ruħ tibqaʼ ħajja wara l-mewt, huwa t-tama vera għall-mejtin.—Eżekjel 18:4, Karm Żammit; Ġwanni 11:25.