M’Għadhomx Jibżgħu mit-Tmiem
LEJN l-aħħar tas-snin 70, Gary u Karen saru konvinti li t-tmiem tad-dinja kien fil-qrib. Għalhekk, telqu mill-belt u marru jgħixu fil-kampanja u ddeċidew li jibdew jipprovdu kollox għalihom infushom. Riedu jsalvaw.
Biex ikollhom is-snajjaʼ meħtiġin huma xtraw kotba, attendew korsijiet u seminars, u tkellmu maʼ kemm jistaʼ jkun nies. Żergħu u ħawlu l-ħxejjex fi ġnien u 50 siġra tal-frott żgħira. Ħażnu ż-żrieragħ u l-għodod. Tgħallmu jkabbru l-ħxejjex għall-ikel u jippreservawhom. Ħabiba tagħhom għallmithom joqtlu l-annimali u jippreservaw il-laħam. Karen tgħallmet tagħraf il-pjanti u l-għeruq fil-foresta ħalli jkunu jistgħu jieklu lilhom jekk jispiċċawlhom il-provvisti. Gary tgħallem jagħmel il-fuel mill-qamħirrum, jibni forn tal-metall biex jaħraq l-injam, u jibni dar li ma tiddependix minn servizzi esterni.
Karen qalet: “Minħabba l-kundizzjonijiet tassew koroh tad-dinja f’dak iż-żmien, ħassejt li ċ-ċivilizzazzjoni dalwaqt kienet se tintemm.” Gary jispjega: “Bħal żgħażagħ oħrajn, kont naħdem ħafna biex nipprova nwaqqaf ir-razziżmu, il-Gwerra tal-Vjetnam, u l-korruzzjoni. Imma malajr ħassejtni diżappuntat. Deherli li l-bnedmin kienu se jeqirdu lilhom infushom jekk jibqgħu sejrin hekk.”
Gary jgħid: “Lejl wieħed, kelli xi ħin liberu, u allura qbadt Bibbja u qrajt minn Mattew sa Rivelazzjoni. Fl-erbat iljieli taʼ wara rġajt qrajthom. Fl-għodwa tal-ħames ġurnata għedt lil Karen: ‘Qed ngħixu fl-aħħar jiem. Alla se jaġixxi dalwaqt biex inaddaf l-art. Irridu nsibu lil dawk li se jsalvaw.’” Gary u Karen bdew iduru r-reliġjonijiet biex ifittxu lil dawk li riedu jippreparaw għat-tmiem.
Wara ftit, wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova ħabbtilhom il-bieb, u nbeda studju tal-Bibbja. Karen tiftakar: “Kont tassew ferħana għax l-Iskrittura kienet verament qed tiġi spjegata lili. Il-verità dwar iż-żmien tat-tmiem kienet dak li kont qed infittex u fl-aħħar sibtha. Kien hemm tama ċerta għall-futur. Imma aħjar minn hekk, bdejt nikkultiva ħbiberija maʼ Missieri tas-sema, il-Ħallieq u l-Alla tal-univers.”
Gary jgħid: “Ħajti beda jkollha tifsir taʼ veru. Ladarba bdejt nistudja l-Bibbja ma stajtx nieqaf. Qrajt il-profeziji tal-Bibbja, eżaminajt il-provi li dawn kienu qed iseħħu, u sirt konvint li Alla kien se jaġixxi dalwaqt. Għedt bejni u bejn ruħi, ‘In-nies għandhom jippreparaw għall-ħajja li Alla jridna ngħixu u mhux għal xi diżastru.’” Gary u Karen bdew iħarsu lejn il-futur b’mod pożittiv. Minflok ma baqgħu jinkwetaw dwar it-tmiem tad-dinja, huma saru fiduċjużi fil-fatt li Alla se jneħħi l-problemi li qed jgħakksu lill-bnedmin u se jġedded l-art f’ġenna.
X’qed jagħmlu issa Gary u Karen, iktar minn 25 sena wara? Karen tgħid: “Jien għadni qed inkabbar l-imħabba tiegħi għal Alla Ġeħova u l-fidi tiegħi fih, u nipprova ngħin lil oħrajn jagħmlu l-istess. Jien u Gary nappoġġaw lil xulxin aħna u nżommu l-familja tagħna b’saħħitha u magħquda fil-qima taʼ Ġeħova. Nipprovaw nibqgħu organizzati u nistinkaw biex inżommu ħajjitna sempliċi ħalli niffokaw fuq oħrajn u l-bżonnijiet tagħhom.”
Gary iżid: “Nitlob regolarment biex tiġi s-Saltna t’Alla u ġġib serħan għal miljuni taʼ nies. Kull meta naqsam l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla m’oħrajn, nitlob li nkun nistaʼ nagħti mill-inqas lil persuna waħda tama mill-Bibbja. Għal iktar minn 25 sena, Ġeħova wieġeb din it-talba b’qalb tajba. Jien u Karen nemmnu li Ġeħova dalwaqt se jġib bidliet kbar fuq l-art, imma m’għadniex nibżgħu mit-tmiem.”—Mattew 6:9, 10; 2 Pietru 3:11, 12.
[Stampa f’paġna 9]
Gary u Karen issa jieħdu gost jgħinu lil oħrajn jiksbu tama mill-messaġġ tal-Bibbja