LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 5/15 pp. 24-25
  • Għala Ħajjitna Għandha Skop Veru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Ħajjitna Għandha Skop Veru
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠEĦOVA JSIR POST FL-​GĦOLI TAʼ SIGURTÀ” GĦALINA”
  • ĦAJJITNA GĦANDHA SKOP
  • M’Għadhomx Jibżgħu mit-Tmiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Kif Jistaʼ Jkollok il-Paċi Minkejja l-Gwerer
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2025
  • Għandek wisq x’tagħmel?
    Stenbaħ!—2017
  • Meta Xi Ħadd li Tħobb Jitlaq lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 5/15 pp. 24-25

BIJOGRAFIJA

Għala Ħajjitna Għandha Skop Veru

Kif rakkontata minn Patricia Smith

MALLI twieled ibni Gary fl-​1958, ħassejt li kien hemm xi ħaġa ħażina. Madankollu, it-​tobba damu għaxar xhur biex isibu x’kellu u kellhom jgħaddu ħames snin oħra qabel ma l-​ispeċjalisti f’Londra kkonfermaw dan. Kemm ħassejtni mnikkta meta binti, Louise, li twieldet disaʼ snin wara Gary, kellha sintomi bil-​wisq iktar serji minn tiegħu.

“It-​tobba tawni l-​aħbar bil-​ġentilezza kollha: “Iż-​żewġt itfal tiegħek għandhom il-​marda LMBB,a u sfortunatament m’hemmx kura għaliha.” Dak iż-​żmien, ftit li xejn kien jafu dwar din il-​marda ġenetika rari. Xi karatteristiki tagħha jinkludu vista batuta li twassal biex wieħed jitlef id-​dawl, l-​obeżità, swabaʼ tal-​idejn u/jew tas-​saqajn iktar milli suppost, żvilupp iktar bil-​mod, problemi taʼ koordinazzjoni, dijabete, artrite fl-​għadam, u kliewi difettużi. Għalhekk, biex nieħu ħsieb uliedi kienet se tkun sfida kbira. Skont studju reċenti, ġie kkalkulat li 1 minn kull 125,000 ruħ fil-​Britannja jbati minn din il-​marda, għalkemm ħafna iktar għandhom mnejn ibatu minn forma mhux daqshekk qawwija tagħha.

ĠEĦOVA JSIR POST FL-​GĦOLI TAʼ SIGURTÀ” GĦALINA”

Ftit wara li żżewwiġt tkellimt maʼ waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u mill-​ewwel għaraft li kienet il-​verità. Imma żewġi ma kienx interessat. Minħabba x-​xogħol tiegħu, konna dejjem nivvjaġġaw minn post għal ieħor, u għalhekk ma stajtx nassoċja maʼ ebda kongregazzjoni. Minkejja dan, komplejt naqra l-​Bibbja u nitlob lil Ġeħova. X’faraġ kien għalija meta qrajt li “Ġeħova jsir post fl-​għoli taʼ sigurtà għal kulmin hu mfarrak, post fl-​għoli taʼ sigurtà fi żminijiet taʼ niket” u li ‘żgur li ma jitlaqx lil dawk li jfittxuh’!—Salm 9:9, 10.

Gary kellu vista batuta, u għalhekk taʼ sitt snin intbagħat jgħix f’kulleġġ għal edukazzjoni speċjalizzata. Dan il-​kulleġġ kien mal-​kosta tan-​Nofsinhar tal-​Ingilterra. Hu kien spiss iċempilli meta kien ikollu xi ħaġa tinkwetah, u minn fuq it-​telefown stajt ngħinu jifhem xi prinċipji bażiċi tal-​Bibbja. Ftit snin wara li twieldet Louise, imradt jien bl-​isklerożi multipla u bil-​fibromijalġija. Taʼ 16-​il sena, Gary ġie lura d-​dar mill-​kulleġġ. Iżda, il-​vista tiegħu baqgħet sejra dejjem lura, u ġie ddikjarat uffiċjalment agħma fl-​1975. Fl-​1977 żewġi telaqna.

Ftit wara li Gary ġie lura, ingħaqadna maʼ kongregazzjoni li turi ħafna mħabba, u jien tgħammidt fl-​1974. Kont grata ħafna meta anzjan beda jgħin lil Gary jkampa mal-​bidliet fiżiċi li kien għaddej minnhom fis-​snin tal-​adoloxxenza. Xi Xhieda oħrajn għenuni fil-​faċendi tad-​dar u, eventwalment, is-​servizzi soċjali tal-​lokal ħatru ħamsa minnhom bħala assistenti biex jipprovdulna l-​għajnuna fid-​dar. X’barka kienet din għalina!

Gary kompla jagħmel ħafna progress fil-​verità u tgħammed fl-​1982. Hu xtaq ħafna jsir pijunier awżiljarju. Għalhekk, jien iddeċidejt li nakkumpanjah f’dan ix-​xogħol u komplejt nagħmel dan għal diversi snin. Ibni kien ferħan ħafna meta, xi ftit taż-​żmien wara, l-​indokratur tas-​circuit tagħna staqsieh, “Gary, għala ma ssirx pijunier regulari? Dan kien l-​inkuraġġiment li Gary kellu bżonn, u fl-​1990 ġie aċċettat bħala pijunier regulari.

Gary għamel żewġ operazzjonijiet f’ġenbejh, l-​ewwel waħda fl-​1999 u t-​tieni fl-​2008, imma l-​problemi taʼ saħħa taʼ Louise kienu bil-​wisq iktar serji. Hi twieldet għamja għalkollox, u meta rajtilha sabaʼ żejjed f’sieqha, irrealizzajt li hi wkoll kellha l-​marda tal-​LMBB. It-​testijiet li sarulha ma damux ma wrew difetti serji f’ħafna mill-​organi interni tagħha wkoll. Matul is-​snin, kellha tagħmel operazzjonijiet serji, ħamsa minnhom fil-​kliewi. Bħal Gary, hi għandha d-​dijabete.

Peress li hi konxja tad-​diffikultajiet li jistgħu jqumu meta jkun hemm bżonn taʼ xi operazzjoni, Louise tkellem minn qabel lill-​kirurgi, lill-​anestesjoloġi, u lit-​tim tal-​amministrazzjoni biex tispjegalhom id-​deċiżjonijiet tagħha rigward proċeduri mediċi mingħajr demm. B’hekk, hi għandha relazzjoni tajba maʼ dawk kollha li tant jieħdu ħsieb il-​problemi fiżiċi tagħha.

ĦAJJITNA GĦANDHA SKOP

Id-​dar tagħna hi ċentru t’attività, fejn kulħadd hu ffokat fuq il-​qima taʼ Ġeħova. Qabel ma kien disponibbli t-​tagħmir elettroniku modern, kont inqattaʼ ħafna sigħat naqralhom lil Gary u lil Louise. Issa s-​CDs, id-​DVDs, u r-​rekordings minn www.jw.org jagħmluhielna possibbli biex nibbenefikaw mill-​iskeda taʼ kull ġimgħa tal-​istudju tal-​Bibbja f’ħinijiet differenti, u nistgħu nikkummentaw fil-​laqgħat Kristjani.

Kemm aħna grati għall-​veritajiet prezzjużi fil-​Kelma ispirata taʼ Ġeħova!

Kultant, Gary jitgħallem it-​tweġibiet tiegħu bl-​amment, u jekk ikollu taħdita fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku jagħtiha fi kliemu. Fl-​1995, inħatar qaddej ministerjali u dejjem ikollu ħafna x’jagħmel fis-​Sala tas-​Saltna—jilqaʼ lill-​aħwa tal-​kongregazzjoni u jieħu ħsieb is-​sistema tas-​sawnd.

L-​aħwa jaħdmu maʼ Gary fil-​ministeru, u spiss imexxuh bis-​siġġu tar-​roti li juża minħabba l-​artrite. Wieħed minnhom għenu jagħmel studju tal-​Bibbja maʼ persuna interessata. Gary inkuraġġixxa wkoll lil oħt li kienet ilha inattiva għal 25 sena. Dawn iż-​żewġ individwi issa qed jattendu l-​laqgħat Kristjani.

Taʼ disaʼ snin, in-​nanna taʼ Louise għallmitha taħdem is-​suf, u jien u waħda mill-​assistenti li jipprovdulna l-​għajnuna għallimnieha tirrakkma. Peress li għadha tieħu gost ħafna bix-​xogħol tal-​idejn, hi taħdem gvieret tas-​suf kuluriti għat-​trabi kif ukoll għall-​membri anzjani tal-​kongregazzjoni. Hi tagħmel ukoll kartolini billi tuża stampi żgħar li jeħlu. Kull min jirċievi l-​kartolini jieħu gost bihom. Meta saret adoloxxenti tgħallmet tittajpja. Issa, bl-​għajnuna taʼ kompjuter speċjali li jitkellem, hi tikkuntattja regolarment lil ħbiebha bl-​e-​mail. Louise tgħammdet meta kellha 17-​il sena. Matul kampanji speċjali taʼ ppritkar, nieħdu gost naqdu bħala pijunieri awżiljarji flimkien. Bħal Gary, Louise titgħallem skritturi bl-​amment biex tesprimi l-​fidi tagħha fil-​wegħdi t’Alla taʼ dinja li fiha se “jinfetħu għajnejn l-​għomja,” u “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Is. 33:24; 35:5.

Kemm aħna grati għall-​veritajiet prezzjużi fil-​Kelma ispirata taʼ Ġeħova! Qlubna huma mimlijin gratitudni għall-​appoġġ kollu mħabba tal-​kongregazzjoni tagħna, għax mingħajr dan l-​appoġġ ħafna mill-​attivitajiet li nagħmlu ma jkunux possibbli. U speċjalment minħabba l-​għajnuna taʼ Ġeħova, ħajjitna għandha skop veru.

a Il-​marda Laurence-​Moon-​Bardet-​Biedl issemmiet għall-​erbaʼ tobba li skoprew din il-​marda ġenetika li tintiret mingħand iż-​żewġ ġenituri. Illum hi magħrufa l-​iktar bħala s-​sindromu Bardet-​Biedl. M’hemmx kura għaliha.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja