LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 1/1 pp. 12-13
  • “Ġeħova ma nsinix”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ġeħova ma nsinix”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Materjal Simili
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa: Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Insib is-saħħa fid-dgħufija tiegħi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Issa nħoss li nistaʼ ngħin lil oħrajn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 1/1 pp. 12-13
Susana Plasín Udías imdawra b’aħwa Kristjani llum

IL-​BIBBJA TBIDDEL IL-​ĦAJJIET

Ġeħova ma nsinix

Kif rakkontata minn Susana Plasín Udías

  • SENA TAT-​TWELID: 1922

  • POST TAT-​TWELID: SPANJA

  • STORJA: KATEKISTA

Ritratt taʼ Susana Plasín Udías tʼetà żgħira

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Twelidt f’Bilbao, inħawi fejn jgħixu nies tal-​klassi tan-​nofs, fi Spanja tat-​Tramuntana. Kont it-​tieni minn erbat itfal. Il-​familja tagħna kienet Kattolika devota, u jien kont immur il-​quddies kuljum. Taʼ 23 sena sirt għalliema. Domt 40 sena f’din il-​vokazzjoni li tant kienet għal qalbi. Fost suġġetti oħra, ħassejtni kburija li kont ngħallem ir-​reliġjon Kattolika, u filgħaxijiet kont katekista, ngħallem lill-​bniet għall-​preċett.

Wara 12-​il sena taʼ żwieġ hieni, mietli r-​raġel u ħallieni b’erbat ibniet x’nieħu ħsieb. Kien għad għandi 33 sena! Ipprovajt insib konsolazzjoni fil-​fidi Kattolika tiegħi, imma kelli xi mistoqsijiet li bqajt inberren fuqhom. Kont ngħid bejni u bejn ruħi: ‘Ladarba Kristu fdiena, il-​bnedmin għala jibqgħu jmutu? Għala nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla jekk in-​nies tajbin imorru l-​ġenna?ʼ U fuq kollox, kont naħseb: ‘Jekk Alla jiġġudikana meta mmutu, għala iktar tard ikollna nitilqu mill-​ġenna, il-​purgatorju, jew l-​infern għall-​ġudizzju universali?’

Staqsejt dawn il-​mistoqsijiet lil xi qassisin li ltqajt magħhom. Wieħed minnhom wiġibni: “Ma nafx. Staqsi lill-​isqof. X’differenza tagħmel? Int temmen b’Alla, mhux hekk? Mela tħabbel rasek xejn!” Imma jien bqajt infittex it-​tweġibiet. Xi żmien wara, attendejt xi lekċers tal-​Ġiżwiti, tal-​Pentekostali, u tal-​Injostiċi. Iżda ħadd ma kellu tweġibiet sodisfaċenti għall-​mistoqsijiet tiegħi.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Meta kelli fuq is-​60, tifla fil-​klassi li kellha 7 snin stidnitni għal laqgħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dak li rajt u smajt għoġobni, imma peress li ħajti kienet mimlija daqs bajda, ma bqajtx f’kuntatt max-​Xhieda f’dak iż-​żmien. Sentejn wara, ħabbtuli l-​bieb koppja li kienu Xhieda, jisimhom Juan u Maite. Domna tliet xhur nagħmlu sessjonijiet intensivi taʼ mistoqsijiet u tweġibiet li fl-​aħħar wasslu għal studju tal-​Bibbja.

Kemm kont nistenna bil-​ħerqa kull studju! Stħarriġt kollox bir-​reqqa billi użajt tliet traduzzjonijiet differenti tal-​Bibbja biex inkun ċerta li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu qed jgħallmu l-​verità. Malajr irrealizzajt li kont ili s-​snin f’konfużjoni sħiħa reliġjożament. Ħassejtni mħawda minħabba d-​differenzi kbar bejn dak li kont nemmen qabel u dak li kont qed nitgħallem mill-​Bibbja. Ma kontx naf x’se naqbad nagħmel, kien bħallikieku t-​twemmin li kien rabba l-​għeruq ġo fija kien tqaċċat.

Naf li kont sibt teżor

Imbagħad, it-​tieni raġel tiegħi marad serjament u miet. Għal dik il-​ħabta rtirajt mix-​xogħol u tlaqt minn Bilbao għal xi żmien. Juan u Maite wkoll telqu minn hemm. Jiddispjaċini ngħid li waqaft nistudja l-​Bibbja. Iżda, fil-​fond taʼ qalbi kont naf li kont sibt teżor. Dan qatt ma nsejtu.

Madwar 20 sena wara, meta kelli 82, Juan u Maite rritornaw Bilbao u ġew iżuruni. Kemm fraħt li rġajt rajthom! Irrealizzajt li Ġeħova ma kienx insieni, u rġajt bdejt nistudja. Juan u Maite ħadu ħafna paċenzja bija, għax spiss kont nerġaʼ nistaqsihom l-​istess mistoqsijiet. Kont inħoss il-​bżonn li nismaʼ diskussjonijiet mill-​Bibbja iktar minn darba biex ma nibqax marbuta emozzjonalment mat-​twemmin li kelli qabel. Ridt ukoll inkun armata tajjeb biex nispjega l-​verità tal-​Bibbja lil ħbiebi u lil tal-​familja.

Dakinhar li tgħammidt—fl-​età taʼ 87 sena—kienet l-​iktar ġurnata taʼ ferħ f’ħajti. Il-​magħmudija saret fl-​assemblea tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Anzjan Kristjan ta taħdita bbażata fuq il-​Bibbja li kienet immirata speċjalment għal dawk minna li kienu se jitgħammdu. Meta smajtha qabiżli d-​dmugħ. Ħassejtni bħallikieku Ġeħova kien qed ikellimni direttament. Wara li tgħammidt, ġew ħafna Xhieda jifirħuli—avolja ħafna minnhom qatt ma kont iltqajt magħhom qabel!

Ritratt taʼ Susana Plasín Udías fil-​preżent qed titbissem

KIF IBBENEFIKAJT:

Minn dejjem kont naf li Ġesù Kristu hu “t-​triq.” (Ġwanni 14:6) Imma l-​istudju tal-​Bibbja għenni nsir naf lil Ġeħova, il-​wieħed li Ġesù jwassalna għandu. Issa nistaʼ nitlob lil Alla bħala Missier u Ħabib għażiż tiegħi. Meta qrajt il-​ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovaha ħajti nbidlet mil-​lejl għan-​nhar. L-​ewwel darba li qrajtu, spiċċajtu f’lejl wieħed biss! Messli qalbi meta sirt naf kemm hu verament ħanin Ġeħova.

Meta nħares lura u nara kemm domt infittex il-​verità reliġjuża, naħseb fi kliem Ġesù: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom.” (Mattew 7:7) Issa li sibt it-​tweġibiet li tant kont nixxennaq għalihom, inħossni ferħana li nistaʼ ngħidhom lil oħrajn.

Taʼ 90 sena, inħossni għadni żgħira spiritwalment. Kull laqgħa li nattendi fis-​Sala tas-​Saltna hija okkażjoni speċjali—kemm minħabba l-​għarfien prezzjuż li nirċievi u kemm minħabba l-​kumpanija tal-​għeżież ħuti. Nixxennaq li nerġaʼ nkun għalliema fil-​Ġenna tal-​Art imwiegħda. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Inħares ’il quddiem speċjalment li nara l-​maħbubin mejtin tiegħi jirxoxtaw għall-​ħajja u wkoll għall-​opportunità li ngħallimhom il-​verità tal-​Bibbja. (Atti 24:15) Kemm nixxennaq li nispjegalhom x’rigal prezzjuż tani Ġeħova fi xjuħiti!

a Ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja