LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 6/1 pp. 4-6
  • It-tipjip—Kif iqisu Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-tipjip—Kif iqisu Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IT-​TIPJIP HUWA VIZZJUŻ
  • IT-​TIPJIP HU TAʼ DANNU GĦALL-​ĠISEM
  • IT-​TIPJIP HU TAʼ DANNU GĦAL ĦADDIEĦOR
  • IT-​TIPJIP MEQRUD GĦAL DEJJEM!
  • Għala Tieqaf Tpejjep?
    Stenbaħ!—2000
  • Huwa dnub li tpejjep?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Kun Lest għal Meta Ssibha Diffiċli
    Stenbaħ!: Kif Tistaʼ Taqtaʼ s-Sigaretti
  • Epidemija globali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 6/1 pp. 4-6
Mara li tidher sofistikata tpejjep sigarett; Bibbja miftuħa fl-​isfond

SUĠĠET PRINĊIPALI | IT-TIPJIP—KIF IQISU ALLA?

It-​tipjip—Kif iqisu Alla?

Naoko, li ssemmiet fl-​artiklu tal-​ftuħ, rigward ir-​rebħa tagħha fuq it-​tipjip qalet, “Stajt inbiddel ħajti minħabba li tgħallimt il-​verità dwar il-​kwalitajiet u l-​iskop t’Alla.” Dak li tgħallmet jinsab fil-​Bibbja. Għalkemm il-​Bibbja qatt ma ssemmi t-​tabakk, tgħinna nifhmu kif Alla jqis it-​tipjip.a Għal ħafna nies, dan l-​għarfien tahom l-​inċentiv li kellhom bżonn biex jirreżistu jew jaqtgħu l-​vizzju. (2 Timotju 3:16, 17) Ejja nikkunsidraw tliet effetti taʼ ħsara tat-​tipjip magħrufin sew u naraw x’tgħid il-​Bibbja dwarhom.

IT-​TIPJIP HUWA VIZZJUŻ

It-​tabakk fih wieħed mill-​iktar drogi vizzjużi magħrufin—in-​nikotina. Taħdem bħala stimulant kif ukoll kalmant. It-​tipjip iwassal in-​nikotina sal-​moħħ f’qasir żmien u ripetutament. Ladarba kull nifs jagħti doża waħda taʼ nikotina, bniedem li jpejjep pakkett kuljum jieħu l-​ekwivalenti taʼ xi 200 doża kuljum, doża ogħla minn dik taʼ kwalunkwe droga oħra. Dożi hekk frekwenti jagħmlu n-​nikotina vizzjuża b’mod uniku. Malli jaqbad il-​vizzju, wieħed li jpejjep jesperjenza sintomi taʼ rtirar (withdrawal symptoms) jekk il-​kilba tiegħu għan-​nikotina ma tiġix sodisfata.

“Tkunu lsiera tiegħu għax tobduh.”—Rumani 6:16

Tistaʼ verament tobdi lil Alla jekk tkun ilsir tal-​vizzju tat-​tabakk?

Il-​Bibbja tgħinna jkollna l-​ħarsa t-​tajba tal-​ħaġa meta tgħid: “Ma tafux li jekk tibqgħu tippreżentaw ruħkom lil xi ħadd bħala lsiera biex tobduh tkunu lsiera tiegħu?” (Rumani 6:16) Meta l-​ħsib u l-​azzjonijiet taʼ dak li jkun ikunu ddominati minn kilba għat-​tabakk, ma jdumx ma jsir ilsir taʼ prattika t’għajb. Madankollu, Alla, li jismu Ġeħova, jixtieq li nkunu liberi mhux biss minn prattiki li jagħmlu l-​ħsara lil ġisimna, imma wkoll minn dawk li jagħmlu l-​ħsara lill-​ispirtu tagħna, jiġifieri l-​inklinazzjoni mentali ewlenija tagħna. (Salm 83:18; 2 Korintin 7:1) B’hekk, meta individwu jikber fl-​apprezzament u r-​rispett lejn Ġeħova, hu jagħraf li Ġeħova jistħoqqlu l-​aqwa li jistaʼ jagħtih, u li ma jistax jagħti l-​aqwa tiegħu lil Alla waqt li jibqaʼ skjav taʼ vizzju li jġib il-​mewt. Li wieħed japprezza dan jgħinu jkollu r-​rieda biex jirreżisti xewqat taʼ ħsara.

Olaf, li jgħix il-​Ġermanja, għeleb il-​vizzju tas-​sigaretti li kellu għal 16-​il sena u li bdieh meta kellu 12. Olaf ħaseb li t-​tipjip mhux perikoluż. Imma maż-​żmien sar vizzju bla kontroll. Hu jgħid: “Darba meta spiċċawli s-​sigaretti, tant kont frustrat li ġbart il-​loqom kollha minn axtrej, laqqatt it-​tabakk, u bramt sigarett f’biċċa gazzetta. Meta noqgħod naħseb, nistaʼ nara kemm kien taʼ mistħija.” Kif qataʼ l-​vizzju t’għajb tas-​sigaretti? “Il-​fattur kruċjali kien ix-​xewqa biex nogħġob lil Ġeħova,” qal hu. “L-​imħabba taʼ Ġeħova għall-​bnedmin u t-​tama li hu jagħti tawni s-​saħħa biex naqtaʼ dan il-​vizzju darb’għal dejjem.”

IT-​TIPJIP HU TAʼ DANNU GĦALL-​ĠISEM

‘Ġie pprovat xjentifikament li t-​tipjip tas-​sigaretti jagħmel il-​ħsara lil kważi kull organu fil-​ġisem u li jżid il-​mard u r-​rata tal-​mewt,’ jgħid The Tobacco Atlas. Hu magħruf sew li t-​tipjip jikkaġuna mard li ma jittiħidx bħall-​kanċer, u l-​mard tal-​qalb u tal-​pulmun. Imma skont l-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa (WHO), it-​tipjip hu wkoll kaġun kbir tal-​mewt minn mard li jittieħed, bħat-​tuberkulosi.

“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.”—Mattew 22:37

Tkun qed tħobb u tirrispetta lil Alla jekk tabbuża mill-​ġisem li tak u tieħu pjaċir b’vizzju maħmuġ?

Permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, Alla Ġeħova jgħallimna jkollna ħarsa xierqa lejn ħajjitna, ġisimna, u l-​fakultajiet tagħna. Ibnu, Ġesù, irrefera għal dan meta qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Hu ċar li Alla jridna nużaw ħajjitna u ġisimna tajjeb u nittrattawhom bir-​rispett. Hekk kif nitgħallmu dwar Ġeħova u l-​wegħdi tiegħu, insiru nħobbu u ngħożżu kulma għamel għalina. Dan jimmotivana biex inżommu ’l bogħod minn kwalunkwe ħaġa li tniġġsilna ġisimna.

Jayavanth, tabib fl-​Indja, kien ilu jpejjep 38 sena. Hu qal: “Tgħallimt dwar il-​perikli tat-​tipjip mill-​ġurnali mediċi. Kont naf li kien ħażin, u kont nagħti parir lill-​pazjenti tiegħi biex jaqtgħu l-​vizzju. Imma jien stess ma stajtx naqtgħu, avolja pprovajt xi ħames jew sitt darbiet.” X’għenu jieqaf fl-​aħħar? Hu jgħidilna: “Waqaft inpejjep għax bdejt nistudja l-​Bibbja. Ix-​xewqa li nogħġob lil Ġeħova mmotivatni naqtaʼ l-​vizzju mill-​ewwel.”

IT-​TIPJIP HU TAʼ DANNU GĦAL ĦADDIEĦOR

Id-​duħħan li jiġi mit-​tipjip taʼ ħaddieħor u dak li jiġi minn sigaretti mqabbdin huma tossiċi. Li tieħu n-​nifs minn duħħan bħal dan jistaʼ jqabbad il-​kanċer u mard ieħor, u kull sena joqtol 600,000 ruħ li ma jpejpux, il-​maġġoranza minnhom nisa u tfal. Rapport mill-​WHO jwissi: “M’hemm ebda livell sigur li ma jikkaġunax ħsara meta wieħed ikun espost għad-​duħħan tat-​tipjip taʼ ħaddieħor.”

“Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”—Mattew 22:39

Tħobb verament lill-​proxxmu u lil familtek jekk tesponihom għall-​perikli tad-​duħħan tat-​tipjip tiegħek?

Skont Ġesù, l-​imħabba lejn il-​proxxmu—il-​familja tagħna, ħbiebna, u oħrajn madwarna—tiġi t-​tieni wara l-​imħabba lejn Alla. “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek,” qal hu. (Mattew 22:39) Jekk aħna għandna vizzju li jagħmel ħsara lil dawk qribna, ma nkunux qed nuru mħabba għall-​proxxmu. Imħabba ġenwina ġġegħelna nsegwu t-​twissija tal-​Bibbja: “Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.”—1 Korintin 10:24.

Armen, li jgħix fl-​Armenja, jiftakar: “Peress li familti ġiet effettwata mit-​tipjip, talbitni bil-​ħrara biex naqtgħu. Imma jien ma ridtx nammetti li jistaʼ jkollu effett ħażin fuqha.” Hu jispjega x’biddillu fehemtu: “L-​għarfien tiegħi tal-​Bibbja u mħabbti għal Ġeħova għenuni naqtaʼ t-​tipjip u nammetti li kien taʼ dannu mhux biss għalija imma wkoll għal dawk taʼ madwari.”

Raġel qiegħed id-​dar, ipejjep u jisgħol, idejjaq lil martu u lil ibnu fil-​qrib

IT-​TIPJIP MEQRUD GĦAL DEJJEM!

L-​għarfien tal-​Bibbja għen lil Olaf, lil Jayavanth, u lil Armen jaqtgħu vizzju t’għajb li kien qed iweġġaʼ lilhom u lil ħaddieħor. Irnexxielhom mhux biss għax sempliċement kienu jafu li t-​tipjip hu taʼ ħsara imma għax saru jħobbu lil Ġeħova u xtaqu jogħġbuh. L-​irwol vitali tal-​imħabba huwa enfasizzat fl-​1 Ġwanni 5:3, li jgħid: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” M’għandniex xi ngħidu, li ssegwi prinċipji Bibliċi mhux dejjem ikun faċli, imma meta persuna tkun imqanqla minn imħabba profonda għal Alla, l-​ubbidjenza mhix se tkun taʼ piż.

Raġel, m’għadux ipejjep, qed jistudja l-​Bibbja; il-​familja tiegħu hi ferħana

Permezz taʼ kampanja edukattiva globali, Alla Ġeħova issa qed jgħin lil miljuni taʼ nies jaqtgħu l-​jasar għat-​tabakk jew iżommu ’l bogħod minnu. (1 Timotju 2:3, 4) Dalwaqt, permezz taʼ Saltnatu—gvern tas-​sema taħt Ibnu, Ġesù Kristu—Ġeħova se jelimina s-​sistema kummerċjali rgħiba li hi responsabbli talli tjassar lil miljuni taʼ nies għat-​tabakk. Hu se jeqred l-​epidemija tat-​tipjip għal dejjem u jwassal lill-​bnedmin ubbidjenti għall-​perfezzjoni tal-​ġisem u tal-​moħħ.—Isaija 33:24; Rivelazzjoni 19:11, 15.

Jekk int qed tissielet biex taqtaʼ t-​tipjip, taqtax qalbek. Billi titgħallem tħobb lil Ġeħova u tapprezza kif hu jqis it-​tipjip, int ukoll tistaʼ ssib il-​motivazzjoni li għandek bżonn biex tirnexxi. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jipprovdulek assistenza prattika fuq bażi persunali biex titgħallem u tapplika prinċipji Bibliċi. Ibqaʼ ċert li jekk trid l-​għajnuna taʼ Ġeħova biex taqtaʼ l-​vizzju tat-​tabakk, hu se jagħtik il-​qawwa u s-​saħħa li għandek bżonn.—Filippin 4:13.

a Hawn it-​tipjip jirreferi għal li ddaħħal fil-​pulmun id-​duħħan tat-​tabakk direttament mis-​sigaretti, sigarri, pipi, jew ħukijiet (water pipes). Però, il-​prinċipji f’dan l-​artiklu japplikaw ukoll għat-​tabakk li tomgħod, it-​tabakk tal-​imnieħer, is-​sigaretti elettroniċi li fihom in-​nikotina, u prodotti oħra.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja