LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 11/15 pp. 13-17
  • Irridu nkunu qaddisin fil-kondotta kollha tagħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Irridu nkunu qaddisin fil-kondotta kollha tagħna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • OQGĦOD ATTENT LI MA TAGĦMILX KOMPROMESS
  • APPOĠĠA S-​SOVRANITÀ TAʼ ĠEĦOVA
  • AGĦTI L-​AĦJAR TIEGĦEK LIL ĠEĦOVA
  • ID-​DRAWWIET TAʼ STUDJU U S-​SAGRIFIĊĊJI TAʼ TIFĦIR TAGĦNA
  • “Kunu Qaddisin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Il-Ktieb tal-Levitiku Jgħallimna Kif Għandna Nittrattaw lil Oħrajn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Għala rridu nkunu qaddisin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Levitiku
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 11/15 pp. 13-17
Il-Qassis il-Kbir Aron idawwar wiċċu hekk kif l-iġsma taʼ Nadab u Abiħu jittieħdu ’l barra mill-kamp

Irridu nkunu qaddisin fil-​kondotta kollha tagħna

“Kunu intom ukoll qaddisin fil-​kondotta kollha tagħkom.”—1 PT. 1:15.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Għala hu importanti li l-​Kristjani veri ma jagħmlux kompromess?

  • X’rabta hemm bejn is-​sovranità taʼ Ġeħova u n-​newtralità Kristjana?

  • Ebrej 5:7, 11-​14 kif jistaʼ jgħinna jkollna l-​ħarsa xierqa lejn li nistudjaw il-​Kelma t’Alla?

1, 2. (a) X’inhu mistenni mill-​poplu t’Alla fejn għandha x’taqsam il-​kondotta? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

ĠEĦOVA nebbaħ lill-​appostlu Pietru biex jagħmel rabta bejn il-​qdusija li hi enfasizzata fil-​ktieb tal-​Levitiku u bejn il-​bżonn li nkunu qaddisin fil-​kondotta tagħna bħala Kristjani. (Aqra l-​1 Pietru 1:14-​16.) “Il-​Qaddis,” Ġeħova, jistenna li l-​midlukin u n-​“nagħaġ oħrajn” jistinkaw biex ikunu qaddisin fil-​kondotta kollha tagħhom, u mhux biss fi ftit mill-​kondotta tagħhom.—Ġw. 10:16.

2 Jekk inkomplu neżaminaw ftit mit-​teżori spiritwali li nsibu fil-​ktieb tal-​Levitiku, żgur li se nibbenefikaw bil-​kbir. Ukoll, se niġu megħjunin nuru li aħna qaddisin fil-​kondotta kollha tagħna jekk napplikaw dak li nitgħallmu. Se nikkunsidraw mistoqsijiet bħal: Kif għandna nqisu l-​kompromessi? Il-​ktieb tal-​Levitiku x’jgħallimna dwar li nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova? X’nistgħu nitgħallmu mis-​sagrifiċċji li kienu joffru l-​Iżraelin?

OQGĦOD ATTENT LI MA TAGĦMILX KOMPROMESS

3, 4. (a) Il-​Kristjani għala m’għandhomx jagħmlu kompromess fejn jidħlu l-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​Bibbja? (b) Għala m’għandniex nivvendikaw ruħna jew inżommu f’qalbna?

3 Jekk irridu nogħġbu lil Ġeħova, irridu nobdu l-​liġijiet u l-​prinċipji tiegħu. Ukoll, qatt m’għandna nadottaw attitudni mhix qaddisa, jew mhix xierqa, lejhom jew naħsbu li nistgħu nagħmlu kompromess. Illum, m’għadniex taħt il-​Liġi li Alla ta lil Mosè, imma dik il-​Liġi tgħinna nifhmu x’inhu aċċettabbli u x’mhuwiex aċċettabbli għal Ġeħova. Pereżempju, l-​Iżraelin ingħataw il-​kmand: “Tivvendikax ruħek u lanqas iżżomm f’qalbek għal ulied il-​poplu tiegħek; u ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Jien Ġeħova.”—Lev. 19:18.

4 Ġeħova ma jridniex nivvendikaw ruħna jew inżommu f’qalbna. (Rum. 12:19) Li kieku kellna ninjoraw il-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla, inkunu qed inpaxxu lix-​Xitan u nġibu tmaqdir fuq Ġeħova. Anke jekk xi ħadd ikun weġġagħna apposta, m’għandniex nimtlew b’riżentiment, jiġifieri, nibqgħu nżommu fil-​komma. Alla tana l-​privileġġ li nkunu “reċipjenti tal-​fuħħar” li fihom it-​teżor tal-​ministeru. (2 Kor. 4:1, 7) Ma rridux nitfgħu r-​riżentiment, li hu bħal aċtu, fl-​istess reċipjent fejn hemm teżor prezzjuż.

5. X’nistgħu nitgħallmu mir-​rakkont t’Aron u l-​mewt taʼ wliedu? (Ara l-​ewwel stampa.)

5 F’​Levitiku 10:1-​11 naqraw dwar sitwazzjoni li kkaġunat ħafna wġigħ għall-​familja t’Aron. Ġeħova bagħat in-​nar mis-​sema biex jeqred lil ulied Aron, Nadab u Abiħu. Imbagħad Alla qal lil Aron u familtu li bl-​ebda mod ma kellhom juru n-​niket tagħhom! Żgur li dan kien prova kbira tal-​fidi tagħhom. Qed turi li int qaddis billi ma tassoċjax maʼ membri tal-​familja jew oħrajn li huma maqtugħin mis-​sħubija?—Aqra l-​1 Korintin 5:11.

6, 7. (a) Fuqiex għandna naħsbu meta niġu biex niddeċiedu jekk hux se nieħdu sehem f’tieġ li se jsir fi knisja? (Ara n-​nota taʼ taħt.) (b) Kif nistgħu nispjegaw għala m’aħniex se nieħdu sehem f’tieġ li se jsir fi knisja?

6 Jistaʼ jkun li ma niffaċċjawx prova iebsa daqskemm kienet dik t’Aron u familtu. Imma xi ngħidu jekk niġu mistidnin nattendu tieġ taʼ qarib li mhux Xhud li jkun se jsir fi knisja u nintalbu nipparteċipaw fiċ-​ċerimonja? M’hemm l-​ebda kmand fil-​Bibbja li jgħidilna li ma nistgħux nattendu, imma hemm prinċipji li għandhom jeffettwaw id-​deċiżjoni tagħna.a

7 Id-​deċiżjoni tagħna biex nogħġbu lil Ġeħova u nibqgħu qaddisin tistaʼ tħawwad lil qrabatna. (1 Pt. 4:3, 4) Ovvjament, ma rridux li jieħdu għalihom, imma ġeneralment ikun aħjar jekk inkellmuhom b’qalb tajba imma mingħajr ma noqogħdu nduru mal-​lewża. Forsi nistgħu nagħmlu dan ħafna qabel il-​ġurnata tat-​tieġ. Nistgħu nirringrazzjawhom u ngħidulhom li napprezzaw il-​fatt li stidnuna nieħdu sehem fiċ-​ċerimonja. Imbagħad nistgħu ngħidu li rriduhom ikunu ferħanin f’din il-​ġurnata speċjali u li ma rridux li huma jew il-​mistidnin tagħhom iħossuhom imbarazzati għax ma niħdux sehem fiċ-​ċerimonja reliġjuża. Dan hu mod wieħed kif nistgħu nevitaw li nagħmlu kompromess mit-​twemmin u l-​fidi tagħna.

APPOĠĠA S-​SOVRANITÀ TAʼ ĠEĦOVA

8. Il-​ktieb tal-​Levitiku kif jenfasizza s-​sovranità taʼ Ġeħova?

8 Il-​ktieb tal-​Levitiku jenfasizza s-​sovranità taʼ Ġeħova, jiġifieri d-​dritt li Ġeħova jmexxi u jagħmel liġijiet għall-​bnedmin. Iktar minn 30 darba naqraw li l-​liġijiet fil-​ktieb tal-​Levitiku ġejjin mingħand Alla. Mosè rrikonoxxa dan u għamel dak li Ġeħova kkmandah jagħmel. (Lev. 8:4, 5) Bl-​istess mod, aħna dejjem għandna nagħmlu dak li jridna nagħmlu s-​Sovran tagħna, Ġeħova. F’dan ir-​rigward, għandna l-​appoġġ tal-​organizzazzjoni t’Alla. Imma kultant nistgħu nħabbtu wiċċna maʼ prova tal-​fidi meta nkunu waħedna, bħalma ġara lil Ġesù meta ġie ttantat fl-​art xagħrija. (Lq. 4:1-​13) Jekk nafdaw f’Ġeħova u nappoġġaw is-​sovranità tiegħu, ħadd ma jistaʼ jġegħelna nagħmlu kompromess u mhux se nċedu għall-​biżaʼ.—Prov. 29:25.

9. In-​nies t’Alla għala huma mibgħudin madwar id-​dinja?

9 Bħala segwaċi taʼ Kristu u Xhieda taʼ Ġeħova, aħna persegwitati madwar id-​dinja. Dan nistennewh għax Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “[In-​nies] jagħtukom f’idejn min iġegħelkom issofru u joqtlukom, u tkunu mibgħudin mill-​ġnus kollha minħabba ismi.” (Mt. 24:9) Għalkemm aħna mibgħudin, inkomplu nippritkaw u nibqgħu qaddisin fil-​kondotta kollha tagħna. Aħna onesti u nodfa fiżikament u moralment. Ukoll, aħna ċittadini tajbin. Allura xi nies għala jobogħduna? (Rum. 13:1-​7) Għax nobdu lil Ġeħova bħala s-​Sovran tagħna u lil ħadd iktar! Nagħtu servizz sagru “lilu biss” u qatt ma se nagħmlu kompromess fejn jidħlu l-​liġijiet u l-​prinċipji ġusti tiegħu.—Mt. 4:10.

10. X’ġara darba minnhom meta ħu għamel kompromess fin-​newtralità tiegħu?

10 Minbarra dan, ‘m’aħniex parti mid-​dinja.’ Għalhekk, aħna newtrali fejn għandhom x’jaqsmu l-​gwerer u l-​kwistjonijiet politiċi tad-​dinja. (Aqra Ġwanni 15:18-​21; Isaija 2:4.) Xi wħud li ddedikaw ruħhom lil Alla għamlu kompromess fin-​newtralità tagħhom. Ħafna minn dawn l-​uħud nidmu u reġgħu bnew ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Missierna tas-​sema li tant iħenn. (Salm 51:17) Imma xi wħud ma nidmux. Pereżempju, matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, ħafna aħwa rġiel b’mod inġust ġew mitfugħin f’ħabsijiet fl-​Ungerija. L-​uffiċjali ġabru 160 minn dawn l-​aħwa, li kellhom taħt il-​45 sena, ġo raħal wieħed u ordnawlhom jingħaqdu mal-​armata. L-​aħwa leali baqgħu sodi u rrifjutaw, imma disgħa minnhom ċedew u daħlu fl-​armata. Sentejn wara, wieħed minn dawk li kienu ċedew ġie inkarigat joqtol lix-​Xhieda leali. Fost dawn kien hemm ħuh stess! Kif żvolġew l-​affarijiet, dawn l-​esekuzzjonijiet spiċċaw ma seħħewx.

AGĦTI L-​AĦJAR TIEGĦEK LIL ĠEĦOVA

11, 12. X’nistgħu nitgħallmu mis-​sagrifiċċji li kienu joffru l-​Iżraelin tal-​qedem?

11 Skont il-​Liġi li Alla ta lil Mosè, l-​Iżraelin kellhom joffru sagrifiċċji speċifiċi. (Lev. 9:1-​4, 15-​21) Is-​sagrifiċċji kellhom ikunu bla difett għax taw stampa bil-​quddiem tas-​sagrifiċċju perfett taʼ Ġesù. Ukoll, l-​Iżraelin kellhom isegwu proċedura speċifika għal kull tip taʼ sagrifiċċju. Pereżempju, ikkunsidra dak li kien mitlub minn omm li jkun għadu kif kellha tarbija. Levitiku 12:6 jgħid: “Meta jgħaddu l-​jiem tal-​purifikazzjoni tagħha għal iben jew għal bint iġġib għand il-​qassis fid-​daħla tat-​tinda tal-​laqgħa muntun żgħir fl-​ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-​ħruq u beċċun jew gamiema bħala offerta għad-​dnub.” Għalkemm Alla kien speċifiku f’dak li stenna, il-​Liġi għamlitha ċara li hu kollu mħabba u hu raġunevoli. Jekk l-​omm ma setgħetx taffordja muntun, setgħet toffri żewġ gamimiet jew żewġ bċieċen. (Lev. 12:8) Avolja kienet fqira, Ġeħova kien iħobbha u japprezzaha daqskemm kien iħobb u japprezza lil dawk li taw offerta li tiswa iktar flus. X’nistgħu nitgħallmu minn dan?

12 L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin biex joffru “sagrifiċċju taʼ tifħir” lil Alla. (Ebr. 13:15) Noffru sagrifiċċju taʼ tifħir meta nkellmu lil oħrajn dwar l-​isem qaddis taʼ Ġeħova. Aħwa neqsin mis-​smigħ jużaw il-​lingwa tas-​sinjali biex ifaħħru lil Alla. Kristjani li ma jistgħux joħorġu mid-​dar ifaħħruh billi jagħtu xhieda permezz taʼ ittri jew telefown jew billi jippritkaw lil dawk li jżuruhom. Is-​saħħa u l-​abbiltà tagħna se jeffettwaw kemm nistgħu nagħmlu biex infaħħru lil Ġeħova, imma l-​importanti hu li dejjem nagħtu l-​aħjar tagħna!—Rum. 12:1; 2 Tim. 2:15.

13. Għala għandna nimlew ir-​rapport tas-​servizz?

13 Is-​sagrifiċċji tagħna taʼ tifħir huma sagrifiċċji personali li minn qalbna noffru lil Alla għax inħobbuh. (Mt. 22:37, 38) Imma ġejna mitlubin nimlew rapport li fih inniżżlu s-​sigħat li nqattgħu fil-​ministeru kull xahar. Allura, x’attitudni għandu jkollna lejn dan l-​arranġament? Meta nagħtu dan ir-​rapport, inkunu qed nuru d-​devozzjoni tagħna lejn Alla. (2 Pt. 1:7) Naturalment, ħadd minna m’għandu jħossu mġiegħel iqattaʼ ħafna sigħat fil-​ministeru sempliċement biex ikun jistaʼ jniżżel ħafna sigħat fir-​rapport tas-​servizz tiegħu. Infatti, jekk pubblikatur ma jkunx jistaʼ jqattaʼ ħafna sigħat fil-​ministeru minħabba l-​età jew is-​saħħa tiegħu, xorta jistaʼ jniżżel sa 15-​il minuta. Ġeħova jkun ferħan b’dan il-​pubblikatur għax ikun ta l-​aħjar tiegħu. Ukoll, Ġeħova jaf li dawn l-​aħwa jħobbuh u verament jixtiequ jkunu x-​Xhieda tiegħu. L-​istess bħalma l-​Iżraelin tal-​qedem li kienu foqra xorta setgħu jagħtu offerta lil Ġeħova, hekk ukoll illum, il-​qaddejja prezzjużi taʼ Ġeħova li għandhom ċerti limitazzjonijiet xorta jistgħu jitfgħu rapport. U r-​rapporti individwali tagħna jsiru parti mir-​rapport totali tad-​dinja, li jgħin lill-​organizzazzjoni tippjana minn qabel għall-​attività tal-​ippritkar tas-​Saltna. Din hi r-​raġuni għala nimlew ir-​rapport tas-​servizz.

ID-​DRAWWIET TAʼ STUDJU U S-​SAGRIFIĊĊJI TAʼ TIFĦIR TAGĦNA

14. Spjega għala għandna neżaminaw id-​drawwiet taʼ studju tagħna.

14 Wara li kkunsidrajna ftit teżori spiritwali mill-​ktieb tal-​Levitiku, forsi qed taħseb, ‘Issa iktar qed nifhem għala dan il-​ktieb hu parti mill-​Kelma mnebbħa t’Alla.’ (2 Tim. 3:16) Abbli issa iktar determinat li turi li int qaddis, mhux biss għax Ġeħova jistenna dan minna, imma wkoll għax jistħoqqlu li nagħmlu l-​almu tagħna biex nogħġbuh. Forsi dak li tgħallimt dwar il-​ktieb tal-​Levitiku f’dawn iż-​żewġ artikli kabbar ix-​xewqa tiegħek li tħaffer iktar fil-​fond fil-​kumplament tal-​Iskrittura. (Aqra Proverbji 2:1-​5.) Eżamina d-​drawwiet tal-​istudju tiegħek u itlob dwarhom. Staqsi lilek innifsek: ‘Qed nagħti lil Ġeħova l-​aħjar tiegħi? Jew inkella qed inħalli programmi tat-​televixin, logħob tal-​kompjuter, sports, jew passatempi jżommuni milli nagħmel progress fil-​verità?’ Jekk inhu hekk, għandek mnejn tibbenefika bil-​kbir jekk timmedita fuq ċerti stqarrijiet tal-​appostlu Pawlu li tniżżlu fil-​ktieb tal-​Ebrej.

Sessjoni tal-Qima Bħala Familja li fiha l-membri tal-familja huma distratti minn affarijiet personali

Qed tagħti prijorità f’ħajtek lill-istudju tal-Bibbja u l-Qima Bħala Familja? (Ara paragrafu 14)

15, 16. Pawlu għala kien tant dirett meta kiteb lill-​Kristjani Ebrajċi?

15 Pawlu ma qagħadx jomgħodha meta kiteb lill-​Kristjani sħabu Ebrajċi. (Aqra Ebrej 5:7, 11-​14.) Kliem l-​appostlu kien bla kantunieri! Hu qalilhom li kienu ‘saru tqal’ biex jisimgħu. Pawlu għala kien tant dirett? Bħal Ġeħova, kien iħobbhom u kien inkwetat dwar dawn il-​Kristjani għax kienu qed jipprovaw jgħixu bil-​ħalib spiritwali biss. Veru, hu importanti ħafna li nkunu nafu t-​tagħlim bażiku tal-​Bibbja. Imma, hemm bżonn ukoll “l-​ikel solidu,” jiġifieri t-​tagħlim iktar profond tal-​Bibbja, jekk irridu nagħmlu progress fil-​verità.

16 Minflok ma kienu qed jagħmlu progress sal-​punt li setgħu jgħallmu lil oħrajn, l-​Ebrej kellhom bżonn lil xi ħadd biex jgħallem lilhom. Għala? Għax evitaw “l-​ikel solidu.” Staqsi lilek innifsek: ‘Għandi attitudni tajba lejn it-​tagħlim tal-​Bibbja iktar profond? Ħerqan jien biex nistudjah? Jew inkella nżomm lura milli nitlob u nistudja dwar dawn l-​affarijiet profondi? Jekk iva, jistaʼ jkun li d-​drawwiet taʼ studju tiegħi huma parti mill-​problema?’ Aħna m’għandniex biss nippritkaw lin-​nies, imma għandna wkoll ngħallmuhom u nagħmlu dixxipli.—Mt. 28:19, 20.

17, 18. (a) Għala għandna nieħdu ikel solidu spiritwali fuq bażi regulari? (b) X’għandha tkun il-​ħarsa tagħna lejn li nixorbu l-​alkoħol qabel il-​laqgħat?

17 Jistaʼ jkun li ħafna minna ma jsibuhiex faċli li jistudjaw il-​Bibbja. Ovvjament, Ġeħova ma jridx iġiegħel lin-​nies tiegħu jistudjaw il-​Bibbja. Imma, ilna kemm ilna fil-​verità, għandna nkomplu nieħdu ikel solidu spiritwali. Dan hu essenzjali jekk irridu nibqgħu qaddisin.

18 Sabiex inkunu qaddisin, irridu neżaminaw l-​Iskrittura bir-​reqqa u nagħmlu dak li jitlob minna Ġeħova. Ftakar f’ulied Aron, Nadab u Abiħu, li nqatlu talli offrew “nar projbit,” forsi meta kienu taħt l-​influwenza tal-​alkoħol. (Lev. 10:1, 2) Innota dak li Alla mbagħad qal lil Aron. (Aqra Levitiku 10:8-​11.) Tfisser din is-​silta li ma nistgħu nixorbu xejn alkoħol qabel ma mmorru laqgħa Kristjana? Aħseb dwar dawn il-​punti: M’aħniex taħt il-​Liġi. (Rum. 10:4) F’xi pajjiżi, sħabna fit-​twemmin jixorbu l-​alkoħol b’mod bilanċjat meta jieklu qabel ma jattendu l-​laqgħat. Fil-​Qbiż intużaw erbaʼ tazzi nbid. Meta waqqaf it-​Tifkira, Ġesù qal lill-​appostli biex jixorbu mill-​inbid li kien jirrappreżenta d-​demm tiegħu. (Mt. 26:27) Il-​Bibbja tikkundanna li wieħed jixrob iżżejjed jew jisker. (1 Kor. 6:10; 1 Tim. 3:8) U minħabba l-​kuxjenza tagħhom, ħafna Kristjani jippreferu ma jixorbu xejn alkoħol qabel ma jieħdu sehem fi kwalunkwe tip taʼ servizz sagru. Però, iċ-​ċirkustanzi jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, u l-​importanti hu li l-​Kristjani jagħmlu “distinzjoni bejn dak li hu qaddis u dak li hu profan,” jew mhux qaddis, ħalli jkunu jistgħu jibqgħu qaddisin u jogħġbu lil Ġeħova.

19. (a) X’nistgħu nagħmlu biex il-​qima bħala familja u l-​istudju persunali tagħna jkunu iktar interessanti? (b) Kif tistaʼ turi li int determinat li tibqaʼ qaddis?

19 Hemm ħafna teżori spiritwali li tistaʼ ssib jekk tħaffer għalihom fil-​Kelma t’Alla. Uża l-​għodod tar-​riċerka li huma disponibbli għalik ħalli l-​qima bħala familja u l-​istudju persunali tiegħek ikunu iktar interessanti. Sir af lil Ġeħova u l-​iskopijiet tiegħu aħjar. Ersaq dejjem eqreb lejh. (Ġak. 4:8) Itlob lil Alla bħalma għamel is-​salmista li kanta: “Ikxifli għajnejja, biex inkun nistaʼ nara l-​affarijiet taʼ l-​għaġeb fil-​liġi tiegħek.” (Salm 119:18) Qatt tagħmel kompromess fejn jidħlu l-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​Bibbja. Minn qalbek obdi l-​liġi tal-​“Qaddis,” Ġeħova, u b’żelu ħu sehem fix-​“xogħol qaddis taʼ l-​aħbar tajba t’Alla.” (1 Pt. 1:15; Rum. 15:16) Għandna bżonn nibqgħu qaddisin f’dawn l-​aħħar jiem mill-​agħar. Jalla kull wieħed u waħda minna jkun qaddis fil-​kondotta tiegħu, u b’hekk jappoġġa s-​sovranità tal-​Alla l-​qaddis tagħna, Ġeħova.

a Ara l-​“Mistoqsijiet mill-​qarrejja” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju 2002.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja