BIJOGRAFIJA
Ġeħova berikni ħafna iktar minn kemm immaġinajt
‘META kont żagħżugħ, kont naf li kelli nkun pijunier imma kont naħseb li hu taʼ dwejjaq.’ Ix-xogħol li kelli fil-Ġermanja kont inħobbu. Xogħli kien li nibgħat prodotti tal-ikel f’pajjiżi eżotiċi fl-Afrika, bħal Dar es Salaam, Elisabethville, u Asmara. Qatt ma immaġinajt li kont se naqdi lil Ġeħova full-time f’dawn u f’iktar pajjiżi fl-Afrika!
Wara li kien ili ntellaʼ u nniżżel, bdejt bħala pijunier. Ħajti nbidlet b’mod li qatt ma kont immaġinajt li kien possibbli. (Efes. 3:20) Imma forsi qed taħsbu dan kif ġara. Ħalli nibda mill-bidu.
Twelidt f’Berlin, il-Ġermanja, ftit xhur wara li bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1939. Qabel spiċċat il-gwerra fl-1945, ajruplani militari spiss kienu jgħaddu minn fuq il-belt taʼ Berlin u jitfgħu ħafna bombi. Darba waqt rejd tefgħu bomba u ntlaqtet it-triq tagħna, u jien u familti rnexxielna nistaħbew f’xelter. Minħabba l-periklu, iktar tard ħrabna f’Erfurt, fejn trabbiet ommi.
Mal-ġenituri tiegħi u oħti fil-Ġermanja, madwar l-1950
Ommi riedet issib il-verità, allura kienet taqra kotba miktubin minn filosfi u fittxet f’diversi reliġjonijiet imma ma kinitx kuntenta. Madwar l-1948, tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova ħabbtulna l-bieb. Ommi staqsiethom ħafna mistoqsijiet. F’inqas minn siegħa wara, hi qalet lili u lil oħti iżgħar minni, “Sibt il-verità!” Ftit wara dan, jien, ommi, u oħti bdejna nattendu l-laqgħat f’Erfurt.
Fl-1950 erġajna morna lura Berlin fejn konna nattendu mal-Kongregazzjoni taʼ Berlin-Kreuzberg. Wara li morna noqogħdu f’post ieħor f’Berlin stess, attendejna l-Kongregazzjoni taʼ Berlin-Tempelhof. Maż-żmien, ommi tgħammdet, imma jien ma kontx inħossni lest. Għala?
KIF GĦELIBT IL-MISTĦIJA
Kien diffiċli għalija li nagħmel iktar fis-servizz tiegħi lil Ġeħova għax kont mistħi ħafna. Domt sentejn noħroġ fuq il-ministeru m’oħrajn imma ma kontx nitkellem man-nies. L-affarijiet inbidlu meta qattajt ħin m’aħwa li kienu wrew kuraġġ u lealtà għal Ġeħova. Xi wħud kienu fil-kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi jew fil-ħabsijiet fil-Ġermanja tal-Lvant. Oħrajn bil-moħbi daħħlu l-letteratura tagħna fil-Ġermanja tal-Lvant, avolja setgħu ġew arrestati u mitfugħin il-ħabs. L-eżempju tagħhom ħalla impatt kbir fuqi. Irraġunajt li jekk dawn l-aħwa rriskjaw ħajjithom u l-libertà tagħhom għal Ġeħova u ħuthom, jien kelli nagħmel sforz biex ma nistħix daqshekk.
Bdejt negħleb il-mistħija meta ħadt sehem f’kampanja speċjali taʼ pritkar fl-1955. F’ittra fil-ħarġa tal-Informant,a Ħuna Nathan Knorr ħabbar li din il-kampanja kienet se tkun waħda mill-akbar li qatt ġiet organizzata. Hu qal li jekk il-pubblikaturi kollha jieħdu sehem “kien se jkollna l-aqwa xahar taʼ pritkar li qatt rat id-dinja.” U veru hekk kien! Ftit wara, iddedikajt ħajti lil Ġeħova, u fl-1956 tgħammidt maʼ missieri u oħti. Imma malajr kelli nieħu deċiżjoni importanti oħra.
Għal ħafna snin, kont naf li kelli nkun pijunier imma bqajt nittratieni. L-ewwel, iddeċidejt li nitgħallem kif nixtri u nbigħ prodotti lil kumpaniji barranin. Wara dan, ridt inġib l-esperjenza f’xogħli qabel ma nibda pijunier. Għalhekk fl-1961, aċċettajt xogħol f’Hamburg, belt bl-ikbar port fil-Ġermanja. Iktar ma drajt ix-xogħol iktar domt biex nibda pijunier. X’kont se nagħmel?
Jien grat li Ġeħova uża aħwa li bi mħabba għenuni nara li l-affarijiet spiritwali huma l-iktar importanti. Uħud minn sħabi kienu bdew ix-xogħol taʼ pijunier u saru taʼ eżempju kbir għalija. Ukoll, Ħuna Erich Mundt, li kien f’kamp tal-konċentrament, inkuraġġieni nafda f’Ġeħova. Hu qalli li fil-kampijiet, l-aħwa li straħu fuqhom infushom iktar tard saru dgħajfin. Imma dawk li fdaw kompletament f’Ġeħova baqgħu leali u iktar tard setgħu jgħinu fl-organizzazzjoni.
Fl-1963, meta bdejt ix-xogħol taʼ pijunier
Ħuna Martin Poetzinger, li iktar tard qeda bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, baqaʼ jinkuraġġixxi lill-aħwa billi qal, “Il-kuraġġ hu l-aqwa ħaġa li jistaʼ jkollok!” Wara li qgħadt naħseb fuq dan il-kliem, fl-aħħar tlaqt mix-xogħol u f’Ġunju 1963 bdejt bħala pijunier. Din kienet l-aqwa deċiżjoni li qatt ħadt f’ħajti! Wara xahrejn, qabel ma kont għadni bdejt infittex xogħol ġdid, ġejt mistieden naqdi bħala pijunier speċjali. Wara ftit snin, Ġeħova tani iktar minn kemm immaġinajt. Kont ġejt mistieden nattendi l-44 klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad.
NITGĦALLEM LEZZJONI TAʼ VALUR F’GILEGĦAD
Waħda mill-iktar lezzjonijiet importanti li tgħallimt minn Nathan Knorr u Lyman Swingle kienet, “Taqtax qalbek malajr fl-inkarigu tiegħek.” Huma ħeġġewna biex nibqgħu fl-inkarigu tagħna anki meta jkun diffiċli. Ħuna Knorr qal: “Fuqiex se tiffoka? Fuq it-trab, id-dud, in-nies foqra, il-kundizzjonijiet ħżiena taʼ madwarek? Jew se tiffoka fuq is-siġar, il-fjuri, u t-tbissima fuq wiċċ in-nies? Tgħallem ħobb in-nies!” Darba waħda, meta Ħuna Swingle spjegalna għala xi aħwa qatgħu qalbhom malajr, beda jemozzjona ruħu u għajnejh imtlew bid-dmugħ. Kellu jieqaf ftit mit-taħdita sakemm setaʼ jerġaʼ jitkellem. Vera ħalla impatt fuqi dan u kont determinat li qatt ma niddiżappunta la lil Kristu u lanqas lil ħutu leali.—Mt. 25:40.
Jien, Claude, u Heinrich fl-inkarigu missjunarju tagħna f’Lubumbashi, il-Kongo, fl-1967
Meta rċivejna l-inkarigi, xi Beteliti b’kurżità staqsew lil uħud minna fejn konna sejrin. Huma qalu kumment pożittiv dwar kull inkarigu sakemm jiena għedt: “Il-Kongo (Kinshasa).” Għall-ewwel ma qalu xejn, imbagħad qalu biss: “Il-Kongo! Ġeħova magħkom!” F’dak il-perjodu, fuq l-aħbarijiet kien ikun hemm ħafna rapporti dwar ġlied u qtil fil-Kongo (Kinshasa). Imma żammejt f’moħħi l-lezzjonijiet li kont tgħallimt f’Gilegħad. Ftit wara l-gradwazzjoni f’Settembru 1967, jien, Heinrich Dehnbostel, u Claude Lindsay bdejna l-vjaġġ tagħna għall-kapitali tal-Kongo, Kinshasa.
POST EĊĊELLENTI GĦAT-TAĦRIĠ MISSJUNARJU
Wara li wasalna Kinshasa, studjajna l-Franċiż għal tliet xhur. Imbagħad morna bl-ajruplan Lubumbashi, li qabel kienet tissejjaħ Elisabethville, qrib il-fruntiera taż-Żambja, fin-Nofsinhar tal-Kongo. Qgħadna fid-dar tal-missjunarji fiċ-ċentru tal-belt.
Peress li ħafna mit-territorju taʼ Lubumbashi qatt ma kien inħadem, kellna eċċitament kbir li konna l-ewwel uħud li qsamna l-verità maʼ ħafna min-nies t’hemm. Wara ftit ma bdejniex illaħħqu mal-istudji tal-Bibbja. Konna anki nagħtu xhieda lill-uffiċjali tal-gvern u l-pulizija. Ħafna minnhom urew rispett kbir lejn il-Kelma t’Alla u x-xogħol tagħna tal-ippritkar. L-iktar lingwa li kienu jitkellmu n-nies kienet is-Swaħili, għalhekk jien u Claude Lindsay tgħallimna din il-lingwa wkoll. Ftit taż-żmien wara, ġejna assenjati f’kongregazzjoni tas-Swaħili.
Għalkemm gawdejna ħafna esperjenzi sbieħ, iffaċċjajna wkoll sfidi. Spiss suldati xurbana u armati jew pulizija aggressivi akkużawna b’mod falz. Darba grupp taʼ pulizija armati daħlu fuqna waqt laqgħa fid-dar tal-missjunarji u ħaduna l-għassa, fejn poġġewna bilqiegħda fl-art sal-għaxra taʼ filgħaxija u mbagħad ħallewna nitilqu.
Fl-1969, meta kont indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet, kultant kelli nimxi distanzi twal fit-tajn u ħaxix twil, affarijiet komuni ħafna fl-Afrika. F’wieħed mill-villaġġi, tiġieġa bil-flieles kienet torqod taħt is-sodda tiegħi billejl. Mhu se ninsa qatt kif kienet tqajjimni bl-għajjat tagħha. Għandi memorji sbieħ taʼ meta jien u l-aħwa konna noqogħdu nitkellmu dwar il-verità madwar ħuġġieġa filgħaxijiet.
Waħda mill-akbar sfidi kienet taʼ nies li ppretendew li kienu Xhieda taʼ Ġeħova, imma fil-fatt kienu parti mill-moviment Kitawala.b Xi wħud minnhom tgħammdu u anki saru anzjani fil-kongregazzjoni. Ħafna minn dawn in-nies kienu bħal “blat moħbi” fil-kongregazzjoni, però ma rnexxilhomx iqarrqu b’aħwa leali. (Ġuda 12) Eventwalment, Ġeħova naddaf il-kongregazzjonijiet u grazzi għal dan ħafna u ħafna iktar nies daħlu fil-verità.
Fl-1971, kont assenjat fl-uffiċċju tal-fergħa taʼ Kinshasa, fejn kont nieħu ħsieb diversi inkarigi, bħall-ittri tal-fergħa, l-ordnijiet tal-letteratura, u affarijiet relatati mad-Dipartiment tas-Servizz. F’Betel, tgħallimt norganizza x-xogħol f’pajjiż kbir fejn ħafna servizzi bażiċi ma kinux jaħdmu sew. Ġieli l-posta bl-ajru kienet tieħu x-xhur biex tasal għand il-kongregazzjonijiet. Din kienet tinħatt mill-ajruplan, imbagħad titgħabba fuq dgħajjes li normalment jeħlu fix-xmajjar għal diversi ġimgħat. Dan minħabba fjuri li jikbru fl-ilma u li kienu jiksu l-wiċċ u joħonqu l-passaġġ. Minkejja dan, ix-xogħol dejjem sar avolja kien hemm dawn l-isfidi u oħrajn.
Kont nibqaʼ mbellah kif l-aħwa kienu jorganizzaw konvenzjonijiet kbar minkejja li ma kellniex ħafna flus. Mill-gzuz taʼ trab u tajn li kienu jagħmlu n-nemel abjad bħala bejta, l-aħwa kienu jibnu l-platforms. Bħala ħitan kienu jużaw il-ħaxix twil tal-Afrika, u minnu jagħmlu wkoll cushions. Il-bambù kienu jużawh bħala struttura u mill-qasab kienu jagħmlu soqfa u mwejjed. U minflok imsiemer, kienu jqattgħu l-qxur tas-siġar f’biċċiet żgħar. Dejjem kont nibqaʼ impressjonat bl-ideat tajbin li dawn l-aħwa kienu joħorġu bihom biex jegħlbu l-isfidi. Sirt inħobbhom ħafna. Kemm immissjajthom meta kelli nitlaq għall-inkarigu ġdid.
NAQDI FIL-KENJA
Fl-1974, intbgħatt fl-uffiċċju tal-fergħa taʼ Nairobi, il-Kenja. Kellna ħafna x’nagħmlu għax il-fergħa tal-Kenja kienet tieħu ħsieb ix-xogħol tal-ippritkar f’għaxar pajjiżi fil-viċin, li f’xi wħud minnhom ix-xogħol tagħna kien ristrett. Spiss kont nintbagħat inżur dawn il-pajjiżi, speċjalment l-Etjopja, fejn l-aħwa kienu qed jissaportu persekuzzjoni u provi ebsin. Ħafna kienu trattati bl-aħrax jew mitfugħin il-ħabs; xi wħud anki nqatlu. Imma huma ssaportew lealment għax kellhom relazzjoni tajba maʼ Ġeħova u maʼ xulxin.
Fl-1980 iżżewwiġt lil Gail Matheson, xi ħaġa sabiħa li ġratli f’ħajti. Jien u Gail, li hi mill-Kanada, konna fl-istess klassi taʼ Gilegħad. Konna żammejna kuntatt bl-ittri. Gail kienet taqdi bħala missjunarja fil-Bolivja. Wara 12-il sena, erġajna ltqajna fi New York. U ftit wara, iżżewwiġna fil-Kenja. Jien grat ħafna li Gail hi spiritwali u dejjem kuntenta b’dak li għandha. Inħobbha ħafna u għadha sal-lum taʼ sapport kbir għalija.
Fl-1986, jien u Gail konna inkarigati fix-xogħol tal-ivvjaġġar waqt li fl-istess ħin qdejt bħala membru fil-Kumitat tal-Fergħa. Ix-xogħol tal-ivvjaġġar kien jinkludi li naqdu f’ħafna pajjiżi li jaqgħu taħt il-fergħa tal-Kenja.
Nagħti taħdita fil-konvenzjoni taʼ Asmara, fl-1992
B’għożża, niftakarni nipprepara għall-konvenzjoni f’Asmara (fl-Eritrea) fl-1992, meta x-xogħol tagħna ma kienx taħt restrizzjoni f’dan il-pajjiż. B’dispjaċir, l-uniku post li sibna kien maħżen tal-qamħ li kien ikrah minn barra u ħafna iktar minn ġewwa. Fil-ġurnata tal-konvenzjoni, kont impressjonat kif l-aħwa kienu ttrasformaw il-post minn ġewwa biex ikun addattat għall-qima lil Ġeħova. Ħafna familji kienu ġabu drapp sabiħ li bih għattew l-affarijiet li ma kinux sbieħ fl-għajn. Gawdejna konvenzjoni sabiħa u eċċitanti li kellha attendenza taʼ 1,279 persuna.
Ix-xogħol tal-ivvjaġġar kien bidla kbira għalina minħabba li kull ġimgħa l-postijiet li konna noqogħdu fihom kienu differenti ħafna. Filli qgħadna f’villa lussuża ħdejn il-baħar u filli kellna sempliċi kamra magħmula mill-pjanċi tal-ħadid, bi kmamar tal-banju iktar minn 100 metru bogħod. Però, minkejja fejn qdejna, l-iktar memorji li ngħożżu huma dawk li qattajna fil-ministeru mal-pijunieri u pubblikaturi żelużi. Meta rċivejna l-inkarigu li kien imiss kellna nħallu warajna aħwa għeżież li konna se nimmissjaw ħafna.
NAĦSDU L-BARKIET FL-ETJOPJA
Fl-aħħar tas-snin tmenin u fil-bidu tad-disgħinijiet, ix-xogħol tagħna f’diversi pajjiżi li kienu taħt il-fergħa tal-Kenja kien sar legali. B’hekk, inbnew fergħat u uffiċċji. Fl-1993, intbgħatna naqdu fl-uffiċċju taʼ Addis Ababa, l-Etjopja, fejn għal ħafna snin ix-xogħol tagħna kien isir bil-moħbi, imma issa kien sar legali.
Fix-xogħol tal-ivvjaġġar fil-kampajna tal-Etjopja, fl-1996
Ġeħova bierek ix-xogħol fl-Etjopja. Ħafna aħwa qdew bħala pijunieri. Mill-2012 ’l hawn, ’il fuq minn 20 fil-mija tal-pubblikaturi qdew bħala pijunieri regolari kull sena. Flimkien maʼ dan, skejjel teokratiċi pprovdew taħriġ bżonjuż, u nbnew iktar minn 120 Sala tas-Saltna. Fl-2004, il-familja taʼ Betel marru f’faċilità ġdida fejn hemm ukoll Sala tal-Assemblea fuq l-istess propjetà. Din kienet barka oħra.
Matul is-snin jien u Gail sirna ħbieb kbar maʼ ħafna aħwa fl-Etjopja. Aħna nħobbuhom għax huma qalbhom tajba u jafu jħobbu. Dan l-aħħar qed inbatu bi problemi f’saħħitna, għalhekk ġejna assenjati fil-fergħa tal-Ewropa Ċentrali. Hawn qed jieħdu ħsiebna bi mħabba, imma nimmissjaw ħafna lil ħutna għeżież fl-Etjopja.
ĠEĦOVA KABBAR
Aħna esperjenzajna kif Ġeħova kabbar ix-xogħol tiegħu. (1 Kor. 3:6, 9.) Pereżempju, meta bdejt nagħti xhieda lil ħaddiema tal-minjieri mir-Rwanda li ġew il-Kongo, ma kienx hemm pubblikaturi f’pajjiżhom. Illum hemm iktar minn 30,000. Fl-1967, fil-Kongo (Kinshasa) kien hemm madwar 6,000 pubblikatur. Issa hemm madwar 230,000, u iktar minn miljun persuna attendew it-Tifkira fl-2018. Fil-pajjiżi kollha li darba kienu taħt il-fergħa tal-Kenja, in-numru taʼ pubblikaturi kiber għal iktar minn 100,000.
Madwar 50 sena ilu, Ġeħova uża diversi aħwa biex jgħinuni nibda fis-servizz full-time. Għalkemm għadni mistħi, tgħallimt nistrieħ kompletament fuq Ġeħova. Dak li esperjenzajt fl-Afrika għenni nikkultiva l-paċenzja u l-kuntentizza. Jien u Gail nammiraw lill-aħwa għeżież li juru ospitalità li tispikka, li jissaportu problemi kbar, u li jafdaw f’Ġeħova. Inħoss gratitudni kbira għall-qalb tajba mhix mistħoqqa li Ġeħova wera miegħi. Il-barka taʼ Ġeħova fil-veru sens tal-kelma kienet iktar minn kemm qatt stajt nimmaġina.—Salm 37:4.
a Iktar tard imsejħa Il-Ministeru tas-Saltna, u issa l-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna.
b Il-kelma “Kitawala” bis-Swaħili tfisser “li tiddomina, tmexxi, jew tiggverna.” Il-mira taʼ dan il-moviment politiku kienet li jieħu l-indipendenza mill-Belġju. Il-gruppi Kitawala kienu jakkwistaw, jistudjaw, u jqassmu pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova u jgħawġu t-tagħlim tal-Bibbja biex jaqbel mal-ħarsa politika tagħhom, mad-drawwiet superstizzjużi, u mal-ħajja immorali li kellhom.