Ma Nittraskurawx id-Dar t’Alla Tagħna
1 ‘Qis il-pass li tagħmel inti u tersaq lejn id-dar t’Alla, ersaq biex tismaʼ.’ (Koħ. 4:17 [Koħ. 5:1, NW]) Iva, il-post taʼ qima taʼ Jehovah huwa speċjali għalina, u għalhekk il-mod kif nieħdu ħsieb is-Sala tas-Saltna kif ukoll il-kondotta tagħna waqt li qegħdin hemm għandhom juru li nirrikonoxxu li dan huwa post li fih ‘inkunu mgħallma mill-Mulej.’ (Is. 54:13) Tapprezzaha b’dan il-mod int is-Sala tas-Saltna?
2 Hekk kif ix-xogħol tas-Saltna jkompli jagħti iktar frott, ħafna juru apprezzament billi jikkontribwixxu għall-Fond tas-Soċjetà għas-Swali tas-Saltna. Jehovah ibierek il-ġenerożità mill-qalb u d-devozzjoni lejn il-qima vera. Imma aħna x’qegħdin nagħmlu sabiex inżommu l-post taʼ qima tagħna f’kundizzjoni tajba?
3 Il-Kondotta Hija Importanti: Meta nistiednu lil oħrajn biex jiġu għal-laqgħat, għandna nagħmlu dan b’fiduċja li dak li se josservaw hemmhekk se jirrifletti tajjeb fuq isem Jehovah u s-Saltna. Bħala l-Alla veru, “id-dinjità tiegħu hija ’l fuq mill-art u mis-sema,” u l-kondotta tagħna fis-Sala tas-Saltna għandha tirrifletti din id-dinjità. (Salm 148:13, NW) Qatt ma rridu li l-ilbies, id-dehra, u l-kondotta tagħna jdejqu lil ħutna jew ifixklu lil xi ħadd li jkun qed iżurna.
4 Ilkoll kemm aħna għandu jkollna mħabba għal għajrna u noqogħdu attenti li ma ntellfux. Jekk noqogħdu nfesfsu fil-widnejn, nieklu, nomogħdu u nfaqqgħu ċ-chewing gum, inħaxwxu l-karti tal-ħelu, immorru t-toilet għalxejn, u niħduha drawwa naslu tard se ntellfu lil oħrajn milli jikkonċentraw u se nnaqqsu mid-dinjità li jistħoqqlu l-post taʼ qima taʼ Jehovah. “L-imħabba . . . ma tagħmilx dak li m’hux xieraq,” u nuqqas taʼ manjieri bħal dawn m’għandhomx posthom fis-Sala tas-Saltna. (1 Kor. 13:4, 5; Gal. 6:10) Postijiet fejn jiltaqgħu n-nies tad-dinja ħafna drabi jidhru żdingati u traskurati meta n-nies jarmu ċ-chewing gum, il-ħelu, u l-ikel bl-addoċċ. Ilkoll kemm aħna, speċjalment il-ġenituri li għandhom tfal żgħar, għandna noqogħdu attenti li ma nħassrux il-bini taʼ Jehovah b’dan il-mod.—Qabbel Dewteronomju 23:15 (23:14, NW).
5 Arranġamenti għat-Tindif. Il-ġemgħa taʼ l-anzjani (u l-Kumitat li Jieħu Ħsieb il-Manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna, jekk hemm iktar minn kongregazzjoni li tuża s-sala) għandha tagħmel skeda għat-tindif u l-manutenzjoni regulari tal-bini. Ġeneralment, it-tindif isir kull ġimgħa mill-gruppi taʼ l-istudju tal-ktieb, u dawn isegwu lista t’affarijiet li jkun hemm bżonn li jsiru. Ilkoll kemm aħna rridu nkunu ċerti li nsegwu sew l-iskeda provduta sabiex inkunu nistgħu nieħdu ħsieb is-sala u jsir kollox “kif imur u bl-ordni.” (1 Kor. 14:40) Barra minn hekk, għandha tiġi rranġata ġurnata speċjali għal tindifa ġenerali.
6 Meta s-Sala tas-Saltna tiġi użata minn iktar minn kongregazzjoni waħda, huwa importanti speċjalment li nkunu konxji tar-responsabbiltà li għandna biex inżommu s-sala nadifa. Meta l-bini jintuża minn iktar nies se jitqagħbar iktar, imma fl-istess ħin se jdum iktar ma jmissna biex innaddfuh. Irridu nimmarkaw id-data fuq il-kalendarju tagħna sabiex niftakru meta jkun imissna t-tindif. L-indokraturi taʼ l-istudju tal-ktieb u l-assistenti tagħhom għandhom ifakkru lil gruppi tagħhom sew minn qabel għal kull inkarigu.—Ara Our Ministry, paġna 61, paragrafu 3.
7 Nagħtu s-Sehem Tagħna. Ilkoll kemm aħna għandna nappoġġaw il-grupp tagħna meta jkun imissna nnaddfu s-Sala tas-Saltna. Dan jiżgura li t-tagħbija ma taqax fuq ftit biss, u aħna nibbenefikaw mill-attività bnina u s-sħubija tajba. Imma m’għandniex għalfejn nistennew li jkollna l-inkarigu tat-tindif biex innaddfu. Kemm bħala individwi u kemm bħala familji, nistgħu ngħinu biex inpoġġu kollox f’postu wara l-laqgħat. Jekk naraw xi karti maʼ l-art, nistgħu niġbruhom; jekk is-siġġijiet ma jkunux f’posthom, nistgħu nirranġawhom. Kemm hu taʼ sodisfazzjon li naraw il-post taʼ qima taʼ Jehovah nadif tazza bħala riżultat taʼ l-isforzi tagħna!
8 Neħemija rrikonoxxa kemm huwa importanti li “ma nitilqux it-tempju taʼ Alla tagħna.” (Neħ. 10:40 [Neħ. 10:39, NW];Neħ. 13:11) Aħna nirrikonoxxu li s-Sala tas-Saltna tagħna hija ċ-ċentru tal-qima fil-komunità tagħna, u minħabba f’hekk jixraq li nibżgħu għaliha u nieħdu ħsiebha b’qalbna kollha. Jalla lkoll kemm aħna nżommu d-dinjità tal-post tal-qima taʼ Jehovah kemm bil-kondotta u kemm billi nappoġġaw l-arranġamenti tat-tindif. (km-E 7/86)