Ejja Nżommu l-Post taʼ Qima Tagħna f’Kundizzjoni Tajba
1. Għal liema skop isservi s-Sala tas-Saltna?
1 Madwar id-dinja hemm iktar minn 94,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah. Ħafna mill-kongregazzjonijiet jinġabru biex jistudjaw il-Bibbja u għas-sħubija Kristjana f’Sala tas-Saltna, li sservi bħala ċentru lokali taʼ qima vera.
2. Għala huwa importanti li nżommu s-Sala tas-Saltna nadifa u preżentabbli?
2 Skeda Regulari għat-Tindif: Ix-xogħol involut biex inżommu s-Sala tas-Saltna f’kundizzjoni tajba huwa parti vitali tas-servizz sagru tagħna. Il-ktieb Our Ministry f’paġni 61-2 jgħid: “L-aħwa għandhom jikkunsidrawh bħala privileġġ mhux biss li jappoġġaw is-Sala tas-Saltna finanzjarjament imma anki li joffru s-servizzi tagħhom ħalli jżommuha nadifa, preżentabbli u f’kundizzjoni tajba. Kemm minn ġewwa u kemm minn barra, is-Sala tas-Saltna għandha tirrappreżenta l-organizzazzjoni taʼ Jehovah b’mod xieraq.” Minħabba li s-Sala tas-Saltna tintuża bosta drabi fil-ġimgħa, hemm bżonn li titnaddaf u li ssirilha manutenzjoni regolarment. Is-soltu, volontieri mill-kongregazzjonijiet li jiltaqgħu fis-Sala tas-Saltna jieħdu ħsieb dawn l-affarijiet. Bħal fi żminijiet Bibliċi, il-qaddejja taʼ Jehovah illum għandhom ikunu diliġenti meta ‘jsewwu u jsaħħu’ l-post taʼ qima tagħhom.—2 Kron. 34:10.
3. Kif inhu organizzat it-tindif tas-Sala tas-Saltna, u min jistaʼ jieħu sehem f’dan il-privileġġ?
3 Skeda għat-tindif taʼ kull ġimgħa għandha titwaħħal fuq in-notice board. Il-gruppi kollha taʼ l-istudju tal-ktieb għandhom darba kull wieħed inaddfu s-sala kull ġimgħa, waqt li jsegwu lista t’affarijiet li għandhom isiru. Dawk kollha li jifilħu, għandhom jieħdu sehem fil-privileġġ taʼ kull ġimgħa li jżommu s-Sala tas-Saltna nadifa u preżentabbli. Bil-ħarsien tal-ġenituri, it-tfal ukoll jistgħu jieħdu sehem, u b’hekk jiġu mgħallma japprezzaw dan il-privileġġ. Speċjalment meta iktar minn kongregazzjoni waħda tuża s-Sala tas-Saltna, huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni tajba sabiex dan l-aspett importanti tal-qima tagħna ma jkunx dejjem ir-responsabbiltà t’erbgħa min-nies biss.
4. X’għandu jsir sabiex il-kongregazzjoni tkun taf x’għandha tagħmel meta tnaddaf is-Sala tas-Saltna?
4 Lista taʼ l-affarijiet li jridu jsiru tistaʼ titwaħħal possibbilment fejn jinżammu l-affarijiet tat-tindif. Din il-lista għandha tispjega x-xogħol li għandu jsir kull ġimgħa, li jinkludi l-knis jew il-vacuuming, it-tindif tat-twieqi, it-tfarfir taʼ l-uċuħ, it-tbattil tal-bins, il-ħasil taʼ l-art, u t-tindif tal-mirja. Xi xogħlijiet jistgħu jsiru inqas regolarment, bħal li tintmesaħ l-għamara u t-tindif bir-reqqa tas-siġġijiet, il-purtieri, u l-bozoz imwaħħlin. Il-kimiċi kollha li jintużaw għat-tindif għandhom jinżammu f’post fejn ma jilħquhomx it-tfal u għandu jkollhom tabelli ċari. Kollha għandu jkollhom spjegazzjoni qasira taʼ kif kull kimika għandha tintuża.
5. Kemm hija importanti s-sigurtà, u liema affarijiet għandhom jiġu ċċekkjati kultant żmien? (Ara l-kaxxa f’paġna 4.)
5 Is-sigurtà fis-Sala tas-Saltna hija waħda mill-iktar affarijiet importanti. (Dt. 22:8) F’dan ir-rigward, il-kaxxa f’paġna 4 tagħti lista taʼ xi affarijiet li għandhom jiġu ċċekkjati kultant żmien biex b’hekk jiġu evitati l-inċidenti.
6. Ix-xogħol tal-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna kif inhu koordinat?
6 Il-Manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna: Il-ġemgħa taʼ l-anzjani għandha r-responsabbiltà li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna. Ġeneralment, jinħatar anzjan jew qaddej ministerjali biex jikkoordina x-xogħol. Hu jorganizza t-tmexxija minn jum għall-ieħor tas-Sala tas-Saltna, jaċċerta ruħu li tinżamm nadifa u f’kundizzjoni tajba u li hemm biżżejjed affarijiet disponibbli għat-tindif. Huwa importanti li ma jkun hemm ebda kundizzjonijiet taʼ periklu ġewwa s-sala jew barra. Meta żewġ kongregazzjonijiet jew iktar jużaw l-istess sala, il-ġemgħat taʼ l-anzjani jaħtru kumitat tas-Sala tas-Saltna biex jorganizza l-arranġamenti għall-manutenzjoni tal-bini u l-proprjetà. Dan il-kumitat jaħdem taħt id-direzzjoni tal-ġemgħat taʼ l-anzjani.
7. (a) Xi jsir kull sena sabiex is-Sala tas-Saltna żgur tinżamm f’kundizzjoni tajba? (b) Liema affarijiet għandhom bżonn l-attenzjoni kultant żmien? (Ara l-kaxxa f’paġna 5.)
7 Is-Sala tas-Saltna tiġi eżaminata bir-reqqa kull sena. L-anzjani huma responsabbli biex jagħmlu l-arranġamenti ħalli jieħdu ħsieb dak kollu li jeħtieġ l-attenzjoni. Il-pubblikaturi jistgħu jiġu mistiedna biex jgħinu fit-tiswijiet u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn. Ilkoll iridu joqogħdu attenti għad-dettalji u għandhom jirranġaw malajr l-affarijiet li jeħtieġu l-attenzjoni.
8. L-anzjani meta forsi jistgħu jikkuntattjaw lill-Kumitat tal-Pajjiż dwar xi ħaġa tal-manutenzjoni?
8 Jekk l-anzjani jaraw li hemm bżonn taʼ parir jew assistenza għall-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna, jistgħu l-ewwel jitkellmu mal-kumitat tas-Sala tas-Saltna. Jekk ikun hemm bżonn taʼ iktar għajnuna u assistenza jistgħu jitkellmu mal-Kumitat tal-Pajjiż. Dan jistaʼ jinkludi affarijiet bħal li jiġu ċċekkjati s-sistema taʼ tisħin u l-arja kundizzjonata, u li jitranġaw il-problemi taʼ l-umdità fil-bini.
9. Xi proċedura għandha tiġi segwita jekk ikun hemm bżonn li jiġi mqabbad xi kuntrattur?
9 Nużaw il-Fondi tal-Kongregazzjoni bil-Għaqal: Ħafna mix-xogħol li jsir fis-Sala tas-Saltna u barra jsir mill-volontieri. L-isforzi tas-sagrifiċċju tagħhom huma espressjoni mill-aqwa taʼ l-imħabba u jgħinu ħafna biex jitnaqqsu l-ispejjeż. Jekk ikun hemm bżonn li jiġi mqabbad xi kuntrattur biex jieħu ħsieb ftit mix-xogħol, per eżempju li titwaħħal il-membrana tas-saqaf jew l-ippolixxjar taʼ l-art, l-anzjani jfittxu offerti kompetittivi għal dan ix-xogħol. Dan jagħmluh billi l-ewwel jippreparaw deskrizzjoni dettaljata bil-miktub dwar ix-xogħol li jrid isir u kwalunkwe materjal li jkun hemm bżonn. Għandha tingħata kopja taʼ din il-lista lil xi kompetituri sabiex kollha jagħtu l-istima tagħhom għall-istess affarijiet li jkun hemm bżonn. Wara li jirċievu l-istimi bil-miktub mingħand diversi wħud li jistgħu jagħmlu x-xogħol, imbagħad l-anzjani jistgħu jagħżlu l-aħjar offerta. Dan għandu jsir anki jekk ikun hemm ħu li offra li jagħmel ix-xogħol jew li jipprovdi l-materjal neċessarju bi prezz speċifiku.
10. X’għandu jsir biex il-fondi tal-kongregazzjoni żgur jintużaw sew?
10 Meta iktar minn kongregazzjoni waħda tuża s-Sala tas-Saltna, il-kumitat tas-Sala tas-Saltna jżomm kont apparti fil-bank u jqassam ir-rapporti finanzjarji bil-miktub kull xahar lil kull ġemgħa t’anzjani, u għalhekk javża lill-anzjani dwar kif qed jintefqu l-fondi. L-anzjani huma responsabbli li jaraw li l-fondi tal-kongregazzjoni qed jintefqu bil-għaqal.
11. X’għandu jsir jekk ikun hemm bżonn il-manutenzjoni jew li jsir tiġdid estensiv?
11 Il-Manutenzjoni u t-Tiġdid Estensiv: Meta l-kumitat li jieħu ħsieb jara li hemm bżonn li ssir xi ħaġa kbira fil-funzjoni jew il-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna, il-kumitat jieħu l-kwistjoni quddiem il-ġemgħat taʼ l-anzjani għad-direzzjoni tagħhom. Jekk jaslu biex jiddeċiedu li l-manutenzjoni jew it-tiġdid estensiv għandu jsir jew li se jkun hemm bżonn l-għajnuna minbarra dik tal-kongregazzjonijiet li jiltaqgħu fis-Sala tas-Saltna, l-anzjani jikkuntattjaw lill-Kumitat tal-Pajjiż. Jekk hija involuta xi spiża kbira, se jkun neċessarju li jinkisbu stimi tajbin u titħejja riżoluzzjoni biex tiġi approvata mill-kongregazzjoni.—Ara l-Our Kingdom Ministry taʼ Frar taʼ l-1994, il-Kaxxa għall-Mistoqsija.
12. Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-privileġġ li nattendu l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna?
12 Kemm napprezzaw il-privileġġ tagħna li niltaqgħu flimkien fis-Sala tas-Saltna! Qatt ma rridu nittraskuraw il-laqgħat tagħna jew ma nistmawhomx. Kulħadd jistaʼ jagħti sehmu biex dan il-provvediment għall-inkuraġġiment tagħna jirnexxi billi lkoll nieħdu sehem sħiħ fil-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna tagħna. Dan jigglorifika l-qima vera u jonora l-isem taʼ Jehovah. Ejja nkunu determinati li nżommu l-post taʼ qima tagħna f’kundizzjoni tajba.
[Kaxxa f’paġna 4]
X’Tiċċekkja għas-Sigurtà
◻ L-apparat li jitfi n-nar għandu jkun f’post li jintlaħaq malajr u għandu jiġi ċċekkjat kull sena.
◻ Kwalunkwe sistema li tidentifika d-duħħan għandha tiġi eżaminata fi qbil mal-liġi lokali.
◻ Il-ħruġ u t-taraġ għandhom ikunu mmarkati b’mod ċar, ikollhom biżżejjed dawl, u faċli tilħaqhom, u l-poġġaman għandu jkun sod.
◻ Il-kmamar fejn jinżammu l-affarijiet tat-tindif, it-tojlits, u fejn jitpoġġew il-ġkieket għandhom jinżammu nodfa, fl-ordni, u ma jkunx fihom affarijiet li jieħdu n-nar, affarijiet persunali, u żibel.
◻ Il-bejt għandu jiġi eżaminat u mnaddaf regolarment.
◻ Id-dħul taʼ barra, il-bankini, u fejn jipparkjaw il-karozzi għandhom ikunu mdawlin biżżejjed u ma jkunux f’kundizzjoni li xi ħadd jistaʼ jiżloq jew jaqaʼ.
◻ Is-sistemi taʼ tisħin, taʼ l-elettriku, u l-ventilazzjoni għandhom
jiġu eżaminati u miżmuma kif suppost.
◻ Jekk ikun hemm xi xaqq qed inixxi għandu jitranġa malajr sabiex jiġu evitati problemi serji taʼ l-umdità.
◻ Il-bini għandu jissakkar meta ma jkun hemm ħadd fih.
[Kaxxa f’paġna 5]
Manutenzjoni tal-Bini u l-Proprjetà
◻ Barra: Huma l-bejt, il-ġnub, iż-żebgħa, it-twieqi, u t-tabella tas-Sala tas-Saltna f’kundizzjoni tajba?
◻ Ġewwa: Huma l-madum, il-purtieri, is-siġġijiet, id-dwal, iż-żebgħa, il-kabinett tal-letteratura, u l-post fejn jinżammu l-ġkieket preżentabbli?
◻ It-Tagħmir: Id-dwal, is-sistema taʼ tisħin, is-sawnd, il-ventilazzjoni, u l-arja kundizzjonata qed jaħdmu kif suppost?
◻ It-Tojlits: Huma dawn nodfa u qed jaħdmu sew?
◻ Dokumenti tal-kongregazzjoni: Id-dokumenti legali tal-kongregazzjoni huma kollha aġġornati u eżatti?