Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Liema pubblikazzjonijiet għandhom jitpoġġew fil-librerija taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku?
Ġew ipprovduti abbundanza taʼ pubblikazzjonijiet spiritwali għall-benefiċċju tal-poplu t’Alla. Peress li ħafna pubblikaturi m’għandhomx personalment dawn il-kotba kollha, il-librerija taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku fis-Sala tas-Saltna tipprovdi mezz taʼ riċerka f’dawk il-pubblikazzjonijiet li forsi ma jistgħux ikunu disponibbli b’xi mod ieħor. B’hekk, din għandha tkun mgħammra sew b’varjetà taʼ traduzzjonijiet tal-Bibbja, il-pubblikazzjonijiet kurrenti tas-Soċjetà, kopji taʼ Il-Ministeru Tas-Saltna, volumi llegati taʼ The Watchtower u l-Awake!, u l-Watch Tower Publications Indexes. Flimkien maʼ dan, għandu jiġi miżjud dizzjunarju tajjeb u modern. Jekk huma disponibbli, xi enċiklopediji, kotba bil-mapep, jew kotba taʼ referenza fuq il-grammatika u l-istorja jistgħu jkunu utli. Madankollu, il-mira primarja tagħna għandha tkun fuq il-pubblikazzjonijiet ipprovduti mill-“irsir leali u diskret.”—Matt. 24:45.
Ġie rrapportat li f’xi każi ġew impoġġijin fil-librerija taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku xi kotba taʼ natura dubjuża. Ma tkunx xi ħaġa xierqa li jiġu inklużi kotba li għandhom x’jaqsmu mar-rumanzi, kummentarji Bibliċi li jenfasizzaw kritika għolja, jew xi kotba fuq il-filosofija jew l-ispiritiżmu. Il-librerija taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku għandha tinkludi biss materjal li se jgħin lil dawk li jużawh biex ikomplu javanzaw spiritwalment.—1 Tim. 4:15.
L-indokratur taʼ l-iskola hu l-wieħed responsabbli mil-librerija, għalkemm jistaʼ jinħatar ħu ieħor biex jgħinu jieħu ħsiebha. Hu għandu jara li l-librerija tinżamm aġġornata, u li jiġu miżjudin xi pubblikazzjonijiet ġodda malli dawn isiru disponibbli. Kull ktieb għandu jkun immarkat ċar fuq il-qoxra taʼ ġewwa bl-isem tal-kongregazzjoni li tagħha jkun jappartjeni. Kull sena, il-kotba għandhom jiġu eżaminati biex issir xi tiswija jew xi bdil li jkun hemm bżonn.
Kulħadd jistaʼ jikkopera f’li jieħu ħsieb il-librerija. Għandha tingħata attenzjoni dwar kif nimmaniġġaw u nużaw il-kotba. It-tfal m’għandhomx jitħallew jilagħbu bihom, u lanqas m’għandu xi ħadd jimmarkahom. Tistaʼ titwaħħal tabella pulita bħala tfakkira li l-kotba ma jistgħux jittieħdu ’l barra mis-Sala tas-Saltna.
B’kongregazzjonijiet ġodda li l-ħin kollu qegħdin jiġu fformati, huwa x’aktarx minnu li ħafna libreriji huma limitati fid-daqs. Xi pubblikaturi li għandhom il-pubblikazzjonijiet eqdem tagħna jistgħu forsi jaħsbuha biex joffruhom lill-kongregazzjoni. L-anzjani jistgħu jordnaw il-volumi llegati tal-Watchtower li s-Soċjetà minn żmien għal żmien terġaʼ tistampa. B’dawn il-modi, il-librerija taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku se tkun utli ħafna f’li tgħin lil kulħadd biex jikxef it-teżori moħbijin tal-Kelma t’Alla, li jagħtu l-għarfien, l-għerf, u l-fehma.—Prov. 2:4-6.