Programm Ġdid Taʼ L-Assemblea Tas-Circuit
“Inżommu Qrib F’Moħħna L-Jum Taʼ Jehovah” hija t-tema tal-programm taʼ jumejn taʼ l-assemblea tas-circuit li se jibda minn Settembru. (2 Piet. 3:12) Hija maħsuba biex tqajjem is-sens tagħna t’urġenza. L-abitanti taʼ l-art dalwaqt se jesperjenzaw il-ġudizzji taʼ Jehovah. Min se jsalva fil-“Jum il-kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox?” Dawk biss li jibqgħu mqajmin spiritwalment u li jistabbilixxu mod taʼ ħajja ‘qaddis u tajjeb.’—Apok. 16:14; 2 Piet. 3:11.
Il-magħmudija hija essenzjali biex wieħed isalva fil-jum taʼ Jehovah. (1 Piet. 3:21) Dawk il-pubblikaturi li jixtiequ jitgħammdu fl-assemblea għandhom jgħidu lill-indokratur li jippresiedi, li min-naħa tiegħu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa.
Simposju maqsum f’erbaʼ partijiet, “X’Tip Taʼ Persuni Għandna Nkunu,” se juri biċ-ċar liema azzjonijiet huma involuti biex inżommu qrib f’moħħna l-preżenza tal-jum taʼ Jehovah. It-taħdita pubblika, “Aġixxi Bil-Għaqal Hekk Kif Joqrob Il-Jum Taʼ Jehovah,” se tispjega x’ifisser li ‘nfittxu ’l Mulej, il-ġustizzja, u l-umiltà,’ sabiex insalvaw.—Sof. 2:3.
L-assemblea tas-circuit se tintemm b’żewġ taħditiet li jimmotivaw u li se jingħataw mill-indokraturi li jivvjaġġaw: “Hija Ħajtek Iċċentrata Madwar Il-Verità?” u “Nippjanaw Minn Qabel Bil-Jum Taʼ Jehovah F’Moħħna.” Dawn it-taħditiet se jqanqluna biex neżaminaw ħajjitna u nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn. Il-profezija Biblika u l-ġrajjiet dinjin jindikaw biċ-ċar li l-jum taʼ Jehovah hu fil-qrib. Dan il-programm taʼ l-assemblea se jinkuraġġina biex ‘inkunu meqjusa u ngħassu.’ (1 Piet. 5:8) Agħmel pjanijiet definiti biex tattendi l-jumejn kollha.