Bini Tas-Swali Tas-Saltna Fil-Britannja U F’Malta
1 Meta nħarsu lejn l-għalqa dinjija, nieħdu gost naraw iż-żjieda grandjuża li qed tesperjenza l-organizzazzjoni taʼ Jehovah fuq l-art. Is-sena l-oħra fil-Britannja biss, ġew ifformati 23 kongregazzjoni ġdida, fil-waqt li żdiedu total taʼ 3,288 kongregazzjoni madwar id-dinja. B’dan it-tkabbir kollu, m’huwiex taʼ sorpriża li hemm bżonn t’iktar Swali tas-Saltna.
2 Ħafna aħwa rġiel u nisa juru żelu u appoġġ li jispikkaw lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah billi joffru minn jeddhom il-ħin u l-assi tagħhom għall-bini tas-Swali tas-Saltna. Il-15-il Kumitat taʼ Bini Reġjonali li joperaw fil-Britannja jieħdu ħsieb tal-bżonnijiet taʼ madwar 100 kongregazzjoni kull wieħed fir-reġjun assenjat lilhom. Kull sena, jinbnew bejn wieħed u ieħor 23 Sala tas-Saltna ġdida u 40 oħra jiġu rinnovati. Il-kumitati reġjonali ġew fdati bl-indokrar taʼ dawn il-proġetti u xogħolhom huwa apprezzat. L-arranġament sħiħ tal-bini tas-Swali tas-Saltna jitwettaq permezz taʼ l-ispirtu Kristjan taʼ li nagħtu u li nissagrifikaw lilna nfusna—l-oppost taʼ l-ispirtu soltu muri fid-dinja.—2 Tim. 3:2, 4.
3 Biex tgħin ħalli s-Swali tas-Saltna jkunu taʼ l-istess livell, is-Soċjetà pprovdiet lill-kumitati reġjonali Pakkett Taʼ Pjanti u Bini Taʼ Swali Tas-Saltna Iktar Sempliċi. Dan se jgħin biex jiffranka kemm il-ħin u kemm ir-riżorsi tal-ħaddiema volontieri. Se jgħin ukoll fl-amministrar għaqli tal-Fond Tas-Soċjetà Għas-Swali Tas-Saltna. L-anzjani issa jagħmlu l-għażla tagħhom minn dawn il-pjanti bażiċi. Wara li rċieva din l-għodda ġdida, Kumitat Reġjonali tal-Bini stqarr: “Konna ferħanin u fil-fatt eċċitati ħafna li nirċievu l-pakkett taʼ pjanti. . . . Aħwa esperjenzati fl-arkitettura u fl-inġinerija kkalkulaw madwar 50 sa 60 fil-mija tnaqqis fil-ħin billi jintużaw dawn il-pjanti ġodda. B’dan il-pakkett f’idejna se jirnexxilna niksbu livelli għas-Swali tas-Saltna iktar uniformi u konsistenti.” Hekk kif il-kongregazzjonijiet jikkoperaw f’li jappoġġjaw il-bini tas-Swali tas-Saltna fuq l-istess livell, nantiċipaw li t-tagħbija tal-ħafna periti, inġiniera, u kuntratturi dedikati li minn jeddhom joffru l-għajnuna tagħhom se teħfief b’mod konsiderevoli. Dawn il-pjanti forsi ma jgħoddux għal Malta minħabba l-ammont limitat disponibbli t’art u t-tip taʼ materjal użat fil-bini. Madankollu, dawn l-iżviluppi se jinteressawkom peress li jeffettwaw lill-għalqa dinjija.
4 Volontieri Jappoġġjaw Xogħol Mill-Aħjar: Is-Soċjetà hi grata lejn il-ħafna volontieri li jgħinu fil-bini tas-Swali tas-Saltna. Hi verament xi ħaġa li tagħtik gost li tara għaxriet t’eluf taʼ volontieri joffru lilhom infushom fl-aspetti kollha tal-bini tas-Swali tas-Saltna. Is-suċċess taʼ dan il-programm huwa possibbli minħabba spirtu lest għax-xogħol, ġeneruż, u koperattiv bħal dan min-naħa tal-ħaddiema volontieri, li jissagrifikaw ħin li jistgħu kieku jqattgħuh mal-kongregazzjonijiet u l-familji tagħhom. (Salm 110:3, KŻ; Kol. 3:23) Għal dan ir-rispons mimli mħabba ħaqqhom il-prosit, l-apprezzament u l-appoġġ sħiħ tagħna. (Rum. 12:10; Lhud 13:1) Intom esperjenzajtu dan l-appoġġ kollu mħabba matul il-bini tas-Swali tas-Saltna f’Malta u Għawdex u huwa għaxqa li tara Swali tas-Saltna bħal dawn jintużaw biex iġibu ’l quddiem l-interessi tas-Saltna taʼ Jehovah.
5 Dawk kollha li huma kkwalifikati biex jassistu lill-Kumitati Reġjonali tal-Bini madwar id-dinja jew biex jieħdu sehem fi proġetti taʼ bini taʼ Swali tas-Saltna fejn m’hemmx Kumitati Reġjonali tal-Bini fuq bażi regulari ġew mitlubin biex jimlew formoli tal-Kwestjonarju Għall-Ħaddiema Volontieri Fis-Swali Tas-Saltna (S-82). Il-kongregazzjoni tibgħat dawn lill-kumitat reġjonali jew lill-kumitat tal-proġett, fejn jindikaw il-kwalifiki u d-disponibbiltà tal-ħaddiem. Meta jkun hemm xi tibdil fl-istatus taʼ xi ħaddiem, bħal meta wieħed ibiddel id-dar jew jinħatar qaddej ministerjali jew anzjan, għandhom jimtlew minnufih formoli ġodda u jintbagħtu mis-segretarju tal-kongregazzjoni. Jekk volontier m’għadux jikkwalifika, l-anzjani għandhom jinformaw mill-ewwel bil-kitba lill-kumitat reġjonali jew lill-kumitat tal-proġett. Meta jinħtieġu iktar formoli, dawn jistgħu jintalbu permezz tal-formola għat-Talba tal-Letteratura taʼ kull xahar. L-indokratur tas-circuit ukoll hu interessat f’dawk li offrew lilhom infushom għal dan il-qasam taʼ servizz sagru. Għalhekk, hu jirrevedi l-file li fih il-kopji tal-kwestjonarji għall-ħaddiema volontieri fis-Swali tas-Saltna kull darba li jżur il-kongregazzjoni.
6 Kwalunkwe kuntrattur magħżul biex jagħmel xi ftit mix-xogħol f’Sala tas-Saltna għandu jintalab juri provi li hu kopert minn assigurazzjoni kontra kull ħsara li tistaʼ ssir fuq nies jew proprjetà.
7 Iżommu L-Ispejjeż Tal-Bini Baxxi Kemm Jistaʼ Jkun: Kumitati Reġjonali tal-Bini u Kumitati tal-Proġetti ntqalilhom biex jorganizzaw dipartiment tax-xiri taħt il-ħarsien t’anzjan kapaċi. Aħwa li jaħdmu f’dan id-dipartiment jistudjaw il-prezzijiet tal-prodotti li hemm fis-suq sabiex isibu prezzijiet tajbin billi jqabbluhom maʼ taʼ ħwienet oħrajn u jagħmlu offerti kompetittivi. B’dan il-mod, ikunu jistgħu jiddeterminaw mingħand min għandhom jixtru u liema materjal għandu jinxtara. Xi kultant, matul ix-xogħol fuq xi proġett taʼ Sala tas-Saltna, aħwa kwalifikati fil-kongregazzjoni lokali jiġu mistednin biex jgħinu f’dan id-dipartiment.
8 Biex ikun ċert li l-fondi se jintużaw b’mod ekonomiku kemm jistaʼ jkun, il-Kumitat Reġjonali tal-Bini jew il-Kumitat tal-Proġett irid japprova kull infiq mill-fondi tal-bini, billi ċ-ċekkijiet jew l-irċevuti taʼ kreditu jkollhom iktar minn firma waħda. Kulmeta xi proġett taʼ Sala tas-Saltna, kemm jekk se jsir bini mill-ġdid jew rinnovazzjoni, jinvolvi l-użu t’għajnuna taʼ volontieri minn kongregazzjonijiet apparti minn dik jew dawk li se jiltaqgħu fis-sala, il-kumitat reġjonali jew il-kumitat tal-proġett se jkollu f’idejh il-ħarsien tal-proġett.
9 Għajnuna Fejn Ikun Hemm Il-Bżonn F’Fergħat Jew F’Pajjiżi Oħrajn: Jeżistu okkażjonijiet fejn fergħat jew pajjiżi oħrajn ikunu jinħtieġu l-għajnuna. Għajnuna bħal din hija taʼ spiss neċessarja biex tissewwa l-ħsara wara xi diżastru jew biex jiġi pprovdut l-appoġġ fejn ix-xogħol tas-sengħa li jkun bżonnjuż ma jkunx jistaʼ jlaħħaq maʼ l-ammont taʼ xogħol involut fil-proġett. Hija verament espressjoni taʼ mħabba meta aħwa responsabbli minn pajjiż wieħed huma lesti li jivvjaġġaw minn buthom biex jgħinu f’pajjiż ieħor. Dan kien il-każ fil-proġett tal-Mosta fejn ġiet ipprovduta b’mod ġeneruż l-għajnuna f’forma taʼ materjal u xogħol kemm mill-fergħa fil-Britannja u kemm minn dik fl-Italja.
10 Minħabba t-talba li dejjem tiżdied għal Swali tas-Saltna f’artijiet oħrajn, hemm bżonn li l-fondi eżistenti jintużaw bil-għaqal kemm jistaʼ jkun. Il-kongregazzjonijiet ġew inkuraġġiti biex jekonomizzaw kemm jistaʼ jkun fil-bini taʼ Swali tas-Saltna ġodda jew fir-rinnovazzjoni taʼ wħud eżistenti. Din it-talba ntlaqgħet b’koperazzjoni mill-aħjar. B’hekk iktar fondi tas-Soċjetà setgħu jintużaw biex jappoġġjaw ix-xogħol tas-Saltna f’artijiet oħrajn fejn hemm riżorsi limitati jew problemi ekonomiċi estremi.
11 Il-bżonn taʼ iktar Swali tas-Saltna f’ċerti artijiet huwa enfasizzat fin-1997 Yearbook. Per eżempju, tissemma l-Ukranja, fejn s’issa nbnew 47 Sala tas-Saltna u għaddej il-bini taʼ 56 oħra. Il-bżonn f’dawk il-pajjiżi huwa evidenti ħafna. Ir-rapport jgħid: “Huma meħtieġa ħafna iktar Swali tas-Saltna fir-Russja. Iż-żjieda fl-għadd taʼ Xhieda hemmhekk hi mgħaġġla ħafna, imma madwar 85 fil-mija tal-kongregazzjonijiet taħt il-fergħa fir-Russja m’għandhomx postijiet permanenti fejn jiltaqgħu. F’Żimbabwe, fejn hemm mat-800 kongregazzjoni, ħafna minnhom ikollhom jiltaqgħu barra fil-miftuħ. Dan ġiegħel lil xi wħud ġodda li wrew interess li jżommu lura milli jattendu.” Sitwazzjonijiet simili jeżistu f’pajjiżi oħrajn fl-Ewropa tal-Lvant, fl-Afrika, u fl-Amerka Latina.
12 Għalkemm l-imħabba tal-biċċa l-kbira tal-bnedmin birdet f’dawn l-aħħar jiem, in-nies t’Alla jkomplu juru evidenza taʼ l-imħabba tagħhom lejn xulxin, imħabba li tisboq kull fruntiera razzjali u territorjali. (Matt. 24:12) Billi nimitaw lil Missierna tas-sema, jalla nibqgħu nuru mħabba bħal din bl-appoġġ minn jeddna fil-bini tas-Swali tas-Saltna fil-Britannja, f’Malta u barra. Li nagħmlu hekk se jġib il-barka u l-approvazzjoni għanja taʼ Jehovah.—Mal. 3:10; Lhud 6:10.