Il-Programm tal-Bini tas-Swali tas-Saltna Jimxi ’l Quddiem
1 Fl-1986, fil-Konvenzjonijiet Distrettwali fil-Britannja, ġie mħabbar li kien se jitwaqqaf fond speċjali biex fil-pajjiż ikunu jistgħu jinbnew Swali tas-Saltna ġodda u oħrajn jiġu rranġati. Fond li jixbah lil dan twaqqaf fl-Istati Uniti u fil-Kanada tliet snin qabel. Dakinhar bilkemm intbaħna x’barkiet kienu se jirriżultaw minn dan il-bidu daqshekk żgħir. Bdejna nesperjenzaw iktar bis-sħiħ dak li jistqarr b’mod tant xieraq Salm 92:5 (92:4, NW): “Għax inti, Mulej, ferraħtni b’għemilek; għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.”
2 Issa aħna nifirħu bil-kbir b’dak li qed jitwettaq. Illum għaddej programm mgħaġġel tal-bini tas-Swali tas-Saltna, u lkoll kemm aħna għandna l-privileġġ li nieħdu sehem f’din l-attività. Dan nagħmluh billi nagħmlu kontribuzzjonijiet żgħar jew kbar taʼ flus biex ngħinu fil-finanzi tal-bini taʼ iktar postijiet għall-qima madwar id-dinja. Ħafna aħwa wkoll joffru l-użu tat-tagħmir tagħhom kif ukoll il-ħin, l-abbiltajiet, u s-snajjaʼ li għandhom għal proġetti bħal dawn. L-arranġament kollu qed jirnexxi minħabba l-gwida, l-appoġġ, u l-barkiet għonja taʼ Jehovah fuq l-isforzi li nagħmlu lkoll flimkien.—Salm 127:1.
3 Fis-Swali tas-Saltna kollha tagħna, hemm kaxxa li fiha l-pubblikaturi jitfgħu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond tas-Swali tas-Saltna. Fl-Istati Uniti, Il-Ministeru tas-Saltna għal Marzu 1997 ħabbar aġġustament f’dan il-programm. Dan stqarr: “Minn mindu twaqqaf il-Fond tas-Swali tas-Saltna tas-Soċjetà fl-1983, l-aħwa kkontribwew b’mod ġeneruż, u b’hekk setaʼ jsir self għall-bini tas-Swali tas-Saltna. F’dan il-pajjiż diġà bbenefikaw 2,700 kongregazzjoni minn dan l-arranġament. Ħafna kongregazzjonijiet bl-ebda mod ma setgħu jibnu Swali tas-Saltna ġodda jew jirrestawraw dawk li kellhom bżonn it-tiswija. Issa hemm bżonn urġenti li jintużaw xi wħud minn dawn il-fondi kontribwiti biex isir self lill-kongregazzjonijiet f’pajjiżi li għaddejjin minn kriżi ekonomika. L-appoġġ kontinwu tagħkom għal dan l-arranġament huwa apprezzat ħafna mis-Soċjetà u minn dawk il-kongregazzjonijiet li qed jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet tagħkom.” (Fil-Britannja iktar minn 300 kongregazzjoni bbenefikaw bl-istess mod minn dan l-arranġament.)
4 Dak l-avviż serva taʼ stedina biex wieħed jieħu sehem fil-programm mgħaġġel tal-bini tas-Swali tas-Saltna. Il-Fond tas-Swali tas-Saltna kellu jikber biex jinkludi l-bżonnijiet taʼ ħutna f’pajjiżi oħrajn, filwaqt li jkompli jipprovdi self għall-bini tas-Swali tas-Saltna lokalment. Xi sentejn ilu l-kongregazzjonijiet fil-Britannja indikaw li kienu fi qbil dwar li l-fondi diġà kontribwiti jintużaw b’dan il-mod iktar mifrux. Matul l-aħħar tas-sena taʼ servizz biss, ġew ifformati 3,288 kongregazzjoni ġdida. Ħafna minn dawn il-kongregazzjonijiet jinsabu fl-Afrika, fl-Amerika Ċentrali u t’Isfel, fl-Asja, u fl-Ewropa tal-Lvant.”
5 X’kienu r-riżultati minn dak iż-żmien ’l hawn? It-2001 Yearbook irrapporta: “B’dan l-arranġament, fi 30 pajjiż, s’issa tlestew 453 Sala tas-Saltna, u qed jinbnew 727 binja oħra. Ġie enfasizzat li għal kull pajjiż isiru pjanti għal Swali tas-Saltna taʼ l-istess tip li fihom jintużaw il-materjali u l-metodi lokali għall-bini. Fil-Kenja jintuża ġebel maqtugħ mill-barrieri, f’Togo huwa komuni li jintuża l-briks, u fil-Kamerun huma popolari l-blokok tal-konkos li mbagħad jitkaħħlu. B’dan il-mod l-aħwa lokali malajr ikunu jistgħu jitgħallmu s-snajjaʼ meħtieġa biex iwettqu l-irwoli importanti tagħhom fil-programm nazzjonali.”
6 Il-barkiet taʼ Jehovah fuq dan il-programm jidhru biċ-ċar mill-kontinent kbir taʼ l-Afrika. Hekk kif tagħti daqqa t’għajn lejn l-istampi taʼ xi wħud mis-Swali tas-Saltna li nbnew, immaġina l-effett li dan ix-xogħol tal-bini kellu fuq ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah! Dan huwa minnu fi tliet oqsma differenti—l-għaqda tal-fratellanza dinjija tagħna, l-effett fuq il-komunità lokali, u ż-żjieda fl-attendenza tal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Filwaqt li f’dan l-insert jispikkaw is-Swali tas-Saltna mibnijin fl-Afrika, iktar ’il quddiem ħarġiet taʼ Il-Ministeru tas-Saltna se jiffokaw fuq kif il-programm tal-bini tas-Swali tas-Saltna jinsab miexi ’l quddiem fi nħawi oħra tad-dinja.
7 B’mod ċar, ħafna minnkom tassew weġġaħtu lil Jehovah b’ġidkom u żgur li se tiksbu sodisfazzjon kbir meta taraw x’qed jitwettaq fl-ipproklamar taʼ l-aħbar tajba madwar id-dinja.—Prov. 3:9, 10.
[Stampi f’paġna 3]
REPUBBLIKA AFRIKANA ĊENTRALI
Bimbo, Bangui
Begoua, Bangui
[Stampa f’paġna 4]
Ukonga, it-Tanzanija
[Stampa f’paġna 4]
Accra, il-Gana
[Stampa f’paġna 4]
Salala, il-Liberja
[Stampa f’paġna 4]
Karoi, Żimbabwe
[Stampi f’paġna 4, 5]
Allada, il-Benin—Sala tas-Saltna taʼ qabel
Allada, il-Benin—Sala tas-Saltna ġdida
[Stampa f’paġna 5]
Kpeme, it-Togo
[Stampa f’paġna 5]
Sokodé, it-Togo
[Stampi f’paġna 4, 5]
Fidjrosse, il-Benin
[Stampa f’paġna 6]
Lyenga, iz-Zambja—Sala tas-Saltna taʼ qabel
[Stampa f’paġna 6]
Lyenga, iz-Zambja—Sala tas-Saltna ġdida
[Stampa f’paġna 6]
Kinshasa, il-Kongo
[Stampa f’paġna 6]
Musambira, l-Irwanda