Pijunieri Jgħinu lil Oħrajn
1 Ġesù qal: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” Peress li l-ħassada taʼ l-ewwel seklu kienu ftit fl-għadd u kellhom ħafna territorju x’ikopru, kieku ried Ġesù setaʼ dderiġiehom biex jilħqu kemm jistaʼ jkun nies bl-aħbar tajba billi bagħathom wieħed wieħed. Minflok, hu “bagħathom tnejn tnejn.” (Lq. 10:1, 2) Għala tnejn tnejn?
2 Dawk id-dixxipli kienu ġodda u bla esperjenza. Billi jaħdmu flimkien setgħu jitgħallmu minn xulxin u jinkuraġġixxu lil xulxin. Bħalma qal is-sultan Salamun, “tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu.” (Koħ. 4:9, 10) Saħansitra wara li tferraʼ l-ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., Pawlu, Barnaba, u oħrajn akkumpanjaw lil kredenti sħabhom fil-ministeru. (Atti 15:35) Min jaf xi privileġġ kien għal xi wħud li jkunu mħarrġin personalment minn irġiel kapaċi bħal dawn!
3 Programm taʼ Taħriġ mill-Aħjar: Il-kongregazzjoni Kristjana moderna, bħall-pariġġ tagħha taʼ l-ewwel seklu, hija organizzazzjoni taʼ ppridkar. Tipprovdilna t-taħriġ ukoll. Bħala individwi, ix-xewqa tagħna mill-qalb għandha tkun li nippreżentaw l-aħbar tajba b’mod effettiv kemm jistaʼ jkun. Sabiex iktar pubblikaturi jkunu jistgħu jitjiebu fl-effettività tagħhom, hemm l-għajnuna disponibbli għalihom.
4 Fl-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna li kellna dan l-aħħar, is-Soċjetà ħabbret programm għall-pijunieri biex jgħinu lil oħrajn fil-ministeru taʼ l-għalqa. Hemm ħtieġa għal dan? Iva, hemm. Iktar minn miljun pubblikatur tgħammdu f’dawn l-aħħar tliet snin, u ħafna minn dawn għandhom bżonn it-taħriġ biex isiru iktar effettivi fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Min jistaʼ jintuża biex jimla dak il-bżonn?
5 Pijunieri full-time jistgħu jgħinu. L-organizzazzjoni taʼ Jehovah tipprovdilhom ħafna pariri u taħriġ. Fl-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier li ddum ġimagħtejn, il-pijunieri jirċievu istruzzjonijiet imfasslin għall-bżonnijiet tagħhom. Jibbenefikaw ukoll mil-laqgħat li jkollhom maʼ l-indokraturi tas-circuit u tad-distrett, kif ukoll minn gwida mill-anzjani. Għalkemm mhux il-pijunieri kollha għandhom l-esperjenza li kellhom Pawlu u Barnaba, huma rċevew taħriġ prezzjuż, li huma ferħanin li jaqsmuh maʼ ħaddieħor.
6 Min Se Jibbenefika? Hija l-parteċipazzjoni f’dan il-programm ristretta biss għal pubblikaturi ġodda jew uħud mgħammdin ġodda? Dażgur li le! Hemm uħud iżgħar u ixjeħ li ilhom jafu l-verità imma li japprezzaw l-għajnuna f’ċerti aspetti tal-ministeru. Xi wħud jagħmlu xogħol eċċellenti fit-tqassim tal-letteratura imma jsibu diffikultà biex jagħmlu ż-żjajjar lura jew biex jibdew studji tal-Bibbja. Oħrajn għandhom mnejn isibuha faċli li jibdew studji tal-Bibbja imma jinnotaw li l-istudenti tagħhom ma jagħmlux progress. X’qed iżommhom lura? Pijunieri taʼ l-esperjenza jistgħu jiġu mitlubin li joffru għajnuna f’dan ir-rigward. Ċerti pijunieri huma effettivi f’li jikkultivaw l-interess, jibdew studji tal-Bibbja, u jidderieġu lil studenti ġodda lejn l-organizzazzjoni. L-esperjenza tagħhom se tkun t’għajnuna f’dan il-programm il-ġdid.
7 Issib int li l-iskeda tiegħek ma tippermettilekx li tappoġġa l-laqgħat regulari tal-kongregazzjoni għas-servizz taʼ l-għalqa daqs kemm tkun tixtieq? Xi pijunier għandu mnejn ikun jistaʼ jaħdem miegħek f’ħinijiet meta pubblikaturi oħrajn ma jkunux disponibbli.
8 Tinħtieġ Kooperazzjoni Tajba: Darbtejn fis-sena, l-anzjani se jiftiehmu biex il-pubblikaturi li jixtiequ għajnuna persunali jieħdu sehem fil-programm Pijunieri Jgħinu lil Oħrajn. Jekk taqbel li tirċievi għajnuna bħal din, iltaqaʼ mal-pubblikatur pijunier li ġie inkarigat biex jgħinek, ipprepara skeda prattika għas-servizz, u żomm magħha. Żomm kull appuntament. Hekk kif taħdmu flimkien, osserva l-modi effettivi kif tippreżenta l-aħbar tajba. Analizza għala ċerti preżentazzjonijiet huma effettivi. Ikkunsidra s-suġġerimenti li l-pubblikatur pijunier jistaʼ joffrilek biex ittejjeb il-preżentazzjoni tiegħek. Waqt li tapplika l-affarijiet li titgħallem, il-progress tiegħek fil-ministeru se jsir evidenti, kemm għalik u kemm għal oħrajn. (Ara l-1 Timotju 4:15.) Aħdmu flimkien spiss kemm jistaʼ jkun, billi tieħdu sehem fl-aspetti kollha tal-ministeru, inkluż l-għoti taʼ xiehda informali imma iffokaw fuq kwalunkwe aspett partikulari li fih int ikollok bżonn assistenza persunali.
9 L-indokratur tas-servizz huwa interessat fil-progress li se jsir. Minn żmien għal żmien, se jiċċekkja maʼ dak li jikkonduċi l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni biex jara kif int qed tibbenefika mill-programm. L-indokratur tas-circuit se jgħinek bl-istess mod meta jżur il-kongregazzjoni.
10 Jehovah jrid li l-poplu tiegħu jkun imħarreġ u “mħejji għal kull ħidma tajba.” (2 Tim. 3:17) Qis l-arranġament Pijunieri Jgħinu lil Oħrajn bħala provvediment mill-aħjar biex jgħin lil dawk li jixtiequ jtejbu l-abbiltà tagħhom f’li jippridkaw il-kelma. Jekk għandek il-privileġġ li tieħu sehem fih, agħmel dan bi gratitudni, umiltà, u ferħ.