Indokraturi li Huma minn taʼ Quddiem—L-Indokratur tas-Servizz
1 L-indokratur tas-servizz huwa interessat ħafna f’kulma għandu x’jaqsam mal-progress tax-xogħol t’evanġelizzar fit-territorju assenjat lill-kongregazzjoni. B’hekk, għandu rwol vitali f’li jgħinna nwettqu r-responsabbiltà tagħna biex nippridkaw l-aħbar tajba. Bħala evanġelizzatur żeluż, hu minn taʼ quddiem f’li jorganizza l-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-servizz. Bħala għalliem kapaċi, hu jgħin lil pubblikaturi individwali jtejbu l-effettività tagħhom fil-ministeru.—Efes. 4:11, 12.
2 Dan l-anzjan jindokra direttament ix-xogħol tal-qaddejja ministerjali inkarigati biex jieħdu ħsieb il-letteratura, ir-rivisti, u t-territorji. Hu għandu r-responsabbiltà li jkun ċert li tkun disponibbli provvista tajba taʼ letteratura, rivisti, u formoli tas-servizz kull xahar biex aħna nkunu nistgħu nużawhom. Darba fis-sena, hu jirrevedi t-territorju biex jagħti daqqa t’għajn lill-indirizzi kollha tad-djar fejn ikun intqalilna li jkun aħjar li ma nżuruhomx, u jinkariga lil xi aħwa rġiel ikkwalifikati biex iżuru dawn id-djar.
3 L-indokratur tas-servizz għandu r-responsabbiltà li jżomm superviżjoni fuq diversi aspetti taʼ l-ippridkar, inkluż l-għoti taʼ xiehda f’postijiet tan-negozju, fit-toroq, u bit-telefon. Hu joqgħod attent ferm biex jorganizza arranġamenti prattiċi għal-laqgħat tas-servizz matul il-ġimgħa, inkluż fil-vaganzi. Hu juri interess ġenwin fl-attività taʼ studju tal-Bibbja. Ifittex modi kif jagħti assistenza spiritwali lil dawk li ma jibqgħux regulari jew attivi fil-ministeru. Hu kkonċernat b’mod attiv dwar ix-xogħol tal-pijunieri, u jindokra l-programm Pijunieri Jgħinu lil Oħrajn.
4 Bħala membru tal-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni, l-indokratur tas-servizz jipproponi kwalunkwe aġġustamenti meħtiġin fil-gruppi taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni. Meta jżur il-grupp tiegħek, kun żgur li tattendi u tieħu sehem miegħu fis-servizz taʼ l-għalqa.
5 Fil-kongregazzjoni, kulħadd għandu jkun lest li jikkoopera mad-direzzjoni mogħtija mill-indokratur tas-servizz. Dan se jgħinna nżidu l-effettività tagħna fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli u nsibu ferħ akbar fil-ministeru tagħna.