Kif l-Indokraturi taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni Juru Interess Persunali
1 L-iskop taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni hu li jagħmilha “possibbli li tingħata iktar attenzjoni persunali lil kull individwu biex jikber spiritwalment. . . . Dan jirrifletti l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah u t-tħassib teneru għall-poplu tiegħu.” (om pġ. 75; Is. 40:11) L-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb għandu rwol importanti f’li jagħti attenzjoni persunali bħal din.
2 Waqt l-Istudju tal-Ktieb: Ladarba l-gruppi taʼ l-istudju tal-ktieb jinżammu żgħar apposta, huwa iktar faċli għall-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb biex isir jaf sew lill-membri tal-grupp tiegħu. (Prov. 27:23) Kull ġimgħa normalment ikun hemm opportunitajiet li jassoċjaw flimkien qabel u wara l-istudju. Fi żmien xahar, hu jkun jistaʼ jitkellem kważi maʼ kull persuna fil-grupp. Dan jgħin lill-membri tal-grupp taʼ l-istudju tal-ktieb iħossuhom komdi li jmorru għandu meta jkunu qed jiffaċċjaw xi provi jew ikollhom bżonn taʼ l-inkuraġġiment.—Is. 32:2.
3 L-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb jipprova jinkuraġġixxi lil kulħadd fil-grupp tiegħu biex jipparteċipa waqt l-istudju. Mod wieħed kif jagħmel dan hu billi jikkonduċi l-istudju b’mod ħanin u ġentili. (1 Tess. 2:7b, 8) Hu jara kif isib modi biex jinvolvi lil kulħadd fid-diskussjoni, inkluż lit-tfal. Jekk hemm xi wħud li jistħu jikkummentaw, hu jistaʼ joffri l-għajnuna tiegħu privatament billi jirranġa magħhom minn qabel biex jaqraw xi skrittura jew jikkummentaw fuq xi paragrafu partikulari. Jew jistaʼ jurihom kif jikkummentaw fi kliemhom stess.
4 Jekk l-assistent taʼ l-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb hu qaddej ministerjali, l-indokratur għandu jirranġa miegħu biex jikkonduċi l-istudju darba kull xahrejn minfloku. Dan jagħti opportunità lill-indokratur li josserva lill-assistent u jagħtih suġġerimenti prattiċi. X’arranġament mill-aħjar biex jgħin lill-aħwa jtejbu l-arti tagħhom tat-tagħlim!—Titus 1:9, Saydon.
5 Fil-Ministeru taʼ l-Għalqa: Waħda mir-responsabbiltajiet prinċipali taʼ l-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb hi li jkun minn taʼ quddiem fl-evanġelizzar. (Num. 27:16, 17) Hu jagħmel arranġamenti prattiċi għal għoti taʼ xiehda bħala grupp u jagħmel minn kollox biex jgħin lil kulħadd fil-grupp isib il-ferħ fil-ministeru. (Efes. 4:11, 12) Biex iwettaq dan, jagħmilha l-mira tiegħu li jaħdem maʼ kull membru tal-grupp fis-servizz. Hu jaħdem ukoll maʼ l-indokratur tas-servizz biex jagħmel arranġamenti għal dawk li jkunu jixtiequ jtejbu xi aspett tal-ministeru billi jirranġa sabiex jingħataw għajnuna mingħand xi pubblikatur taʼ iktar esperjenza.
6 Bħala Ragħaj Kollu Mħabba: L-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb jimpurtah minn dawk li minħabba ċ-ċirkustanzi tagħhom jistgħu biss ikollhom sehem żgħir fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Hu jara li dawk li huma limitati minħabba l-età jew minħabba li ma jistgħux joħorġu mid-dar, u dawk li huma limitati għal xi żmien minħabba mard serju jew diżabilità jkunu jafu bl-arranġament li jistgħu jirrapportaw kull 15-il minuta li jagħmlu fil-ministeru taʼ l-għalqa jekk ma jkunux jistgħu jagħmlu siegħa sħiħa matul ix-xahar. (Il-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni jiddetermina min jikkwalifika għal dan l-arranġament.) Hu jieħu interess ukoll f’dawk assenjati fil-grupp li forsi saru inattivi, u jagħmel minn kollox biex jgħinhom jerġgħu jaqbdu l-attività tagħhom fil-kongregazzjoni.—Lq. 15:4-7.
7 Kemm aħna grati għall-interess u l-imħabba li juru l-indokraturi taʼ l-istudju tal-ktieb! Lattenzjoni persunali li jagħtu tgħin biex “aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi . . . ; nsiru raġel magħmul, fl-aħjar taʼ żmienu. U hekk isseħħ il-milja taʼ Kristu.”—Efes. 4:13.